2010-2019
Negħlbu d-Dinja
April 2017


Negħlbu d-Dinja

Aħna ma negħlbux id-dinja f’ mument wieħed partikolari, iżda nagħmlu dan f’ bosta mumenti f’ ħajjitna li jispiċċaw biex jiddeterminaw l-eternità tagħna.

Bosta snin ilu, il-President David O. McKay irrakkonta esperjenza sabiħa li huwa kellu waqt li kien qed jivvjaġġa fuq dgħajsa fi triqtu lejn is-Samoa. Hekk kif kienet marret għajnu bih, hu qal “rajt f’ viżjoni xi ħaġa mill-aktar sublimi. Fil-bogħod,” huwa qal, “Jiena rajt belt bajda u sabiħa. …Siġar b’ frott delizjuż … u kull fejn tħares fjuri mill-isbaħ mimlijin ħajja. … Kien hemm grupp kbir ta’ nies resqin lejn il-belt. Kollha kemm huma kienu libsin mantar wiesa’ u abjad. … F’ daqqa waħda l-attenzjoni tiegħi … marret fuq il-mexxej tagħhom, u għalkemm jien stajt nara biss il-profil tiegħu … , mill-ewwel għaraftu li kien is-Salvatur tiegħi! Id- … dija ta’ fuq wiċċu kienet waħda mill-aktar glorjuża. … Il-paċi li kellu madwaru … kienet divina!”

Il-President McKay kompla, “Il-belt … kienet … il-Belt Eterna tiegħu; u n-nies li kienu mexjin warajh kienu se jmorru jgħammru hemmhekk fis-sliem u l-hena.”

Il-President McKay staqsa lilu nnifsu, “Min huma? Min huma dawn in-nies?”

Huwa spjega x’ ġara wara:

“Bħallikieku s-Salvatur qrali ħsibijieti, huwa weġibni billi wrieni b’ sebgħu kliem li kien hemm miktub f’ nofs ċirku li … deher fuq in-nies … miktub b’ ittri tad-deheb … :

“‘Dawn Huma Dawk Li Għelbu d-Dinja—

“Li Verament Reġgħu Twieldu mill-Ġdid!’”

Għal għexieren ta’ snin, jiena żammejt f’ moħħi l-kliem: “Dawn huma dawk li għelbu d-dinja.”

Il-barkiet li l-Mulej wiegħed lil dawk li għelbu d-dinja huma mill-aktar meraviljużi. Huma se jkunu “mlibbsin bl-abjad … u isimhom se jinkiteb fil-ktieb tal-ħajja.” Il-Mulej “se jistqarr isimhom quddiem il-Missier u quddiem l-anġli tiegħu.” Kollha kemm huma se jkunu jagħmlu “parti mill-ewwel resurrezzjoni,” jirċievu l-ħajja eterna, u “ma joħorġux iżjed” mill-preżenza ta’ Alla.

Huwa possibbli li aħna negħlbu d-dinja u nirċievu dawn il-barkiet? Iva, possibbli.

L-Imħabba għas-Salvatur

Dawk li jegħlbu d-dinja jiżviluppaw fihom imħabba assoluta għall-Mulej u għas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

It-twelid divin Tiegħu, il-ħajja perfetta Tiegħu, l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu fil-Ġetsemani u fuq il-Golgota, aċċerta l-Qawmien mill-Imwiet għal kull wieħed u waħda minna. Hu biss kapaċi, permezz tal-indiema sinċiera tagħna, inaddafna minn dnubietna, fejn jagħtina ċ-ċans li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla. “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”

Ġesù qal, “Agħmlu l-qalb; jiena rbaħt lid-dinja.”

Aktar tard Huwa qal ukoll, “Jiena rrid li intom ukoll tegħlbu d-dinja.”

Aħna ma negħlbux id-dinja f’ mument wieħed partikolari, iżda nagħmlu dan f’ bosta mumenti f’ ħajjitna li finalment jispiċċaw biex jiddeterminaw l-eternità tagħna.

Dan jista’ jara l-bidu tiegħu f’ tifel ċkejken li jitgħallem jitlob u b’ mod riverenti jkanta, “Jien qed nipprova nsir nixbah lil Ġesù.” Dan ikompli hekk kif persuna tistudja l-ħajja tas-Salvatur fit-Testment il-Ġdid u tixtarr il-qawwa tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur fil-Ktieb ta’ Mormon.

Li aħna nitolbu, nindmu, nimxu wara s-Salvatur u nirċievu l-grazzja Tiegħu jwassalna biex nifhmu aħjar għalfejn aħna ninsabu hawnhekk u dak li għad nistgħu nsiru.

Alma ddeskriva dan b’ dan il-mod: “Seħħet bidla kbira f’ qalbhom, u huma ċekknu lilhom infushom u wrew il-fiduċja sħiħa tagħhom fil-veru Alla l-ħaj … U baqgħu fidili sat-tmiem.”

Dawk li jegħlbu d-dinja jafu li huma għad iridu jagħtu rendikont lil Missierhom tas-Smewwiet. Li aħna ninbidlu u nindmu b’ sinċerità minn dnubietna ma tibqax xi ħaġa li tirristrinġina iżda li tilliberana, għaliex “id-dnubiet bħall-iskarlatt … isiru bojod daqs is-silġ.”

Responsabbli lejn Alla

Dawk li jgħixu għad-dinja isibuha diffiċli li jħossuhom responsabbli quddiem Alla—bħal tifel li jieħu l-opportunità li jagħmel li jrid fid-dar tal-ġenituri tiegħu meta huma ma jkunux id-dar, fejn huwa ma joqgħodx jaħseb dwar il-konsegwenzi ta’ meta l-ġenituri jerġgħu lura d-dar 24 siegħa wara.

Id-dinja hi aktar interessata li tissodisfa l-bniedem naturali milli biex trażżnu.

Aħna ma negħlbux id-dinja permezz ta’ xi invażjoni globali iżda permezz tal-battalji privati u personali tagħna, fejn aħna jkollna nikkumbattu mat-taqbid u t-tentazzjoni li jkollna ġewwa fina.

Li negħlbu d-dinja jfisser li ngħożżu l-akbar kmandament: “Għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.”

Il-kittieb Kristjan C. S. Lewis iddeskriva dan b’ dan il-mod: “Kristu qal ‘Offru lilkom infuskom. Jiena ma rridx daqstant mill-ħin tagħkom jew mill-flus tagħkom jew mill-ħidma tagħkom: Jiena rrid lilkom.’”

Li negħlbu d-dinja ifisser li nżommu l-wegħdiet ta’ Alla—il-patti tagħna tal-magħmudija u tat-tempju u l-ġurament tagħna ta’ fedeltà sħiħa lejn is-sieħba eterna tagħna. Meta aħna nkunu qed nippruvaw negħlbu d-dinja aħna naslu biex kull ġimgħa b’ umiltà nieħdu sehem fis-sagrament, nitolbu għall-maħfra u nwiegħdu li “niftakru fih u nżommu l-kmandamenti tiegħu” sabiex “dejjem ikollna l-Ispirtu tiegħu magħna.”

L-imħabba tagħna għal jum is-Sabbath ma tintemmx meta noħorġu mill-kappella, iżda pjuttost hemmhekk tiftħilna l-bieb għal jum sabiħ ta’ mistrieħ u studju u għal jum li fih ngħinu lill-membri tal-familja tagħna u lil kull min ikollu bżonna. Minflok ma’ nieħdu n-nifs wara li jgħaddi l-ħin tal-knisja u b’ ġirja mmorru quddiem it-televiżjoni biex inkunu bil-lest għal meta tibda l-logħba, ħsibijietna għandhom jibqgħu fuq is-Salvatur u fil-jum imqaddes Tiegħu.

Id-dinja qiegħda tiġi kontinwament influwenzata minn vuċijiet attraenti u seduttivi.

Li negħlbu d-dinja jfisser li nafdaw f’ dak il-leħen li jwiddeb, ifarraġ, idawwal u jwassal il-paċi “mhux kif tagħtih id-dinja.”

Altruwiżmu

Li negħlbu d-dinja jfisser li naqdu lil ħaddieħor, billi niftakru t-tieni kmandament: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom.” L-hena tal-maħbuba tagħna hija aktar importanti mill-ħwejjeġ li nieħdu gost nagħmlu. L-akbar priorità tagħna għandha tkun li ngħinu lil uliedna jħobbu lil Alla u jżommu l-kmandamenti Tiegħu. Minn jeddna aħna naqsmu l-barkiet materjali tagħna permezz tad-dieċmi, tal-offerta tas-sawm, u billi naqsmu li għandna ma’ min hu fil-bżonn. Hekk kif aħna nżommu lilna nfusna ffukati fuq id-direzzjoni divina, il-Mulej jiggwidana lejn dawk li aħna nistgħu ngħinu.

Id-dinja tibni l-univers tagħha madwarha stess, u bi kburija tiddikjara: “Araw kemm jien għandi aktar mill-ġar tiegħi! Araw x’ għandi jien! Araw kemm jien importanti!”

Id-dinja malajr tirrita ruħha, titlef l-interess f’ ħaddieħor u titlob wisq mill-oħrajn kif ukoll tħobb li tikseb l-ammirazzjoni tal-oħrajn, filwaqt li meta aħna negħlbu d-dinja aħna nimtlew bl-umiltà, bl-empatija, bil-paċenzja u bil-kompassjoni għal min hu differenti minna.

Sigurtà fil-Profeti

Li negħlbu d-dinja jfisser dejjem li aħna se nemmnu f’ xi affarijiet li d-dinja se twaqqagħhom għaż-żuffjet. Is-Salvatur qal:

“Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.

“Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha.”

Dalgħodu il-President Russell M. Nelson qal, “Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma lesti li jkunu differenti min-nies l-oħra tad-dinja u ma jiddejqux jgħidu dak li jemmnu.”

Dixxiplu ta’ Kristu ma jallarmax ruħu jekk xi powst dwar it-twemmin tiegħu ma jirċevix xi 1,000 lajk jew xi ftit kummenti sbieħ.

Li negħlbu d-dinja jfisser li ninkwetaw anqas dwar il-kuntatti tagħna onlajn u aktar dwar il-kuntatt divin tagħna ma’ Alla.

Alla jgħinna nibqgħu ‘l bogħod mill-periklu hekk kif aħna nimxu wara l-gwida tal-profeti u appostli ħajjin Tiegħu.

Il-President Monson jitkellem

Il-President Thomas S. Monson qal: “Id-dinja taf tkun … diffiċli. … Hekk kif imorru ġewwa t-tempju, … Aħna nkunu kapaċi nissaportu kull prova li ngħaddu minnha u negħlbu kull tentazzjoni. … Aħna niġġeddu u niffortifikaw ruħna.”

B’ akbar tentazzjoni, distrazzjoni u tagħwiġ tal-verità d-dinja tipprova dejjem tqarraq b’ dak il-bniedem li jkun qed jipprova jgħix fidil billi tħeġġu jinjora l-esperjenzi spiritwali mill-aktar sinifikattivi tal-passat u jibda jħares lejhom bħala sempliċiment bluha li wasslitu biex jiġi mqarraq.

Fil-mumenti li fihom aħna nħossuna b’ qalbna maqtugħa, li negħlbu d-dinja jfisser li niftakru f’ mumenti li fihom ħassejna l-imħabba u d-dawl tas-Salvatur. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell spjega waħda minn dawn l-esperjenzi b’ dan il-mod: “Jiena ġejt imbierek, u jiena kont naf li Alla jaf li jiena naf li ġejt imbierek.” Għalkemm għal mument nafu nħossuna minsijin, aħna ma ninsewx.

Li negħlbu d-dinja ma jfissirx li aħna ngħixu ħajja magħluqin ġo globu, protetti mill-inġustizzji u d-diffikultajiet tal-ħajja mortali. Pjuttost, ifisser li jkollna għarfien akbar tal-fidi, li tressaqna viċin is-Salvatur u l-wegħdiet Tiegħu.

Filwaqt li l-perfezzjoni mhux se niksbuha f’ din il-ħajja, jekk aħna nippruvaw dejjem negħlbu d-dinja aħna nkunu qed insaħħu t-tama tagħna li xi darba se “nieqfu quddiem il-Feddej tagħna; u bi pjaċir kbir inkunu nistgħu naraw wiċċu,” u nisimgħu leħnu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom.”

L-Eżempju tal-Presbiteru Bruce D. Porter

Fit-28 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, il-ħabib għażiż u maħbub tagħna Elder Bruce D. Porter, li kien Awtorità Ġenerali, temm il-vjaġġ tiegħu fil-mortalità. Huwa kellu 64 sena.

Jiena ltqajt l-ewwel darba ma’ Bruce meta konna studenti flimkien fl-Università ta’ Brigham Young. Huwa kien wieħed mill-aqwa u l-aktar studenti bravi li kien hemm. Wara li huwa rċieva d-dottorat tiegħu mill-Università ta’ Harvard, fejn speċjalizza fuq l-Affarijiet Russi, il-ħsieb u l-kitba ta’ Bruce wassluh biex kiseb ċerta prominenza li setgħet tefgħatu fi triq ħażina, iżda l-ġid u t-tifħir tad-dinja qatt ma għamlu bih. Il-lealtà tiegħu kienet biss lejn is-Salvatur tiegħu, Ġesù Kristu; lejn is-sieħba eterna tiegħu, Susan; lejn uliedu u n-neputijiet tiegħu.

Il-Presbiteru Porter flimkien mal-familja żgħira tiegħu

Bruce kien twieled b’ difett fil-kliewi. Saritlu operazzjoni, iżda maż-żmien il-kliewi tiegħu baqgħu sejrin lura.

Fl-1995, ftit wara li Bruce ġie msejjaħ bħala Awtorità Ġenerali, aħna u l-familji tagħna servejna flimkien fi Frankfurt, il-Ġermanja, fejn il-ħidma tiegħu kienet tiffoka fuq ir-Russja u l-Ewropa tal-Lvant.

Fl-1997 ħajjet Porter inbidlet drammatikament meta l-kliewi tiegħu u saħħtu bdew sejrin lura. Il-familja Porter kellhom jerġgħu lura fil-Belt ta’ Salt Lake.

Tul it-22 sena li kien ilu jservi bħala Sebgħin, Bruce ddaħħal l-isptar bosta drabu u kellu jagħmel 10 operazzjonijiet. F’ żewġ okkażżjonijiet it-tobba kienu qalu lil Susan li Bruce ma kienx se jirnexxilu jgħix sa filgħodu, iżda rnexxielu.

Għal aktar minn 12-il sena li fihom kien qed iservi bħala Awtorità Ġenerali, Bruce kien għaddej minn proċess kontinwu li permezz tiegħu kien jissaffa kontinwament id-demm tiegħu. Għal parti kbira minn dan iż-żmien, kien iqatta’ erba’ sigħat għal ħamest iljieli fil-ġimgħa għaddej minn dan it-trattament ħalli matul il-jum huwa kien ikun jista’ jservi fis-sejħa tiegħu u jkun jista’ jirnexxielu jaċċetta wkoll xi essajnments għal xi konferenzi fi tmiem il-ġimgħa. Meta minkejja diversi barkiet saċerdotali saħħtu baqgħet ma marritx għall-aħjar, Bruce beda jħossu jitħawwad, iżda huwa kien jaf f’ min kellu jafda.

Fis-sena 2010, Bruce rċieva kilwa mingħand ibnu David. Din id-darba, ġismu aċċeta dan it-trapjant. Kien miraklu, fejn huwa ħassu jikseb saħħtu mill-ġdid, u eventwalment hu u Susan ġew mogħtija ċ-ċans li jerġgħu lura fl-għażiża Russja tagħhom fejn huwa serva bħala parti mill-Presidenza Reġjonali.

Il-Presbiteru u Sister fir-Russia

Fis-26 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, wara li kienu ilu żmien mhux ħażin jiġġieled numru ta’ infezzjonijiet ġewwa sptar fil-Belt ta’ Salt Lake, huwa talab lit-tobba biex joħorġu mill-kamra. Bruce qal lil Susan “li permezz tal-Ispirtu hu kien jaf li ma kienx hemm aktar li t-tobba setgħu jagħmlu biex isalvawlu ħajtu. Huwa kien jaf … li Missierna tas-Smewwiet kien se jieħdu d-dar ħdejh. Huwa kien mimli paċi.”

Fit-28 ta’ Diċembru, Bruce mar lura fid-dar tal-familja tiegħu. Ftit sigħat wara, imdawwar bil-maħbubin tiegħu, huwa reġa’ lura fil-paċi lejn id-dar tiegħu fis-smewwiet.

Ritratt tal-Presbiteru Bruce D. Porter

Snin ilu Bruce Porter kiteb lil uliedu dal-kliem li ġej:

“It-testimonjanza li jien għandi dwar ir-realtà u l-imħabba ta’ Ġesù Kristu minn dejjem kienet għalija d-direzzjoni ta’ ħajti. … Hija x-xhieda pura tal-Ispirtu tbaqbaq ġewwa fija li Huwa jgħix, li Hu sewwasew il-Feddej u l-Ħabib tiegħi f’kull mument ta’ ħtieġa li nkun ninsab fih.”

L-isfida tagħna …hi li nsiru nafu lis-Salvatur … u permezz tal-fidi tagħna fih negħlbu l-isfidi u t-tentazzjonijiet ta’ din id-dinja.”

“Ejjew mela nkunu fidili u leali u nafdaw fih.”

Bruce Douglas Porter għeleb id-dinja.

Jalla aħna lkoll nagħmlu daqsxejn ta’ sforz akbar biex negħlbu d-dinja, ma niġġustifikawx ċerta nuqqasijiet serji u fl-istess ħin inżommu s-sabar hekk kif nippruvaw negħlbu ċerti żbalji u dgħjufijiet żgħar, nagħmlu li nistgħu biex navvanzaw spiritwalment, u b’ ġenerożità ngħinu lil ħaddieħor. Hekk kif intom tafdaw bi sħiħ fis-Salvatur, inwegħidkom li intom tiksbu barkiet ta’ paċi akbar f’ din il-ħajja u assigurazzjoni akbar tad-destin etern tagħkom, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Teachings of Presidents of the Church: David O. McKay (2003), 1–2.

  2. Rivelazzjoni 3:5.

  3. Doctrine and Covenants 76:64.

  4. Ara Rivelazzjoni 2, titlu tal-kapitlu.

  5. Rivelazzjoni 3:12.

  6. 1 Ġwanni 4:19.

  7. Ġwanni 16:33.

  8. Doctrine and Covenants 64:2.

  9. “I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 78.

  10. Alma 5:13.

  11. Isaija 1:18.

  12. Mark 12:30.

  13. C. S. Lewis, Mere Christianity (1960), 153.

  14. Doctrine and Covenants 20:77.

  15. Ara James E. Faust, “The Voice of the Spirit” (Brigham Young University fireside, 5 ta’ Sett. 1993), speeches.byu.edu.

  16. Ġwanni 14:27.

  17. Ara Mark 12:31.

  18. Mattew 23:11.

  19. Ġwanni 15:18 -19.

  20. Russell M. Nelson, “Drawing the Power of Jesus Christ into Our Lives,” Liahona, Mejju 2017, 40.

  21. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Liahona, Mejju 2011, 93.

  22. Konverżazzjoni personali mal-Presbiteru Neal A. Maxwell li tirreferi għal storja li huwa qasam waqt id-diskors tiegħu tal-konferenza ta’ April 2004, “Remember How Merciful the Lord Hath Been” (ara Liahona, Mejju 2004, 44–46).

  23. Enos 1:27.

  24. Mattew 25:34.

  25. Eżempju tal-kapaċità intelletwali tal-Presbiteru Porter hu l-ktieb tiegħu ta’ 400 paġna War and the Rise of the State, miktub 23 sena ilu. Il-ktieb għadu disponibbli u wżat ħafna fost il-ħassieba politiċi.

  26. Korrispondenza personali minn Susan Porter, iddatata 6 ta’ Marzu, 2017.

  27. Korrispondenza personali minn Susan Porter, iddatata 6 ta’ Marzu, 2017.

  28. Bruce D. Porter, The King of Kings (2000), 14, 15.

  29. Bruce D. Porter, The King of Kings, 7.

  30. Bruce D. Porter, The King of Kings, 18.