Lill-Ħbieb u l-Investigaturi tal-Knisja
Jekk intom tħallsu l-prezz tar-rivelazzjoni, iċċekknu lilkom infuskom, taqraw, titolbu u tindmu, il-smewwiet jinfetħu u intom issiru tafu li Ġesù hu l-Kristu.
Kien il-Ġimgħa wara nofsinhar, 16 ta’ Settembru, 1988, fid-dar tal-laqgħat tal-Qasam ta’ Vicente López ġewwa Buenos Aires, l-Arġentina, il-jum li fih jiena ġejt mgħammed bħala membru tal-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Dak inhar jien kont ġejt mgħammed minn ħabib tal-qalb tiegħi, Alin Spannaus, u ħassejtni verament kuntent, ħafif u ħerqan li nkompli nitgħallem iżjed.
Illum nixtieq naqsam magħkom xi lezzjonijiet li jiena tgħallimt fit-triq tiegħi lejn il-magħmudija—lezzjonijiet li nittama li jaslu biex jgħinu lil dawk fostkom li qed tisimgħuni li għadkom m’intomx membri tal-Knisja. Jiena nitlob li l-Ispirtu jmiss qalbkom kif miss qalbi.
L-Ewwel, Iltaqgħu mal-Missjunarji
Għalfejn bniedem li m’għandu l-ebda sfidi, bżonnijiet jew mistoqsijiet partikolari li qegħdin jinkwetawh jasal biex jinteressa ruħu li jiltaqa’ mal-missjunarji u jisma’ l-lezzjonijiet tagħhom? Mela, fil-każ tiegħi kienet l-imħabba—l-imħabba li kelli għal tfajla, tfajla jisimha Renee. Sirt inħobbha, u ridt niżżewwiġha. Hija kienet differenti u l-istandards li kellha kienu differenti minn ta’ ħafna tfajliet oħra li jiena kont naf. Iżda jien sirt inħobbha u tlabtha biex tiżżewwiġni—u hi qaltli le!
Ħassejtni verament imħawwad. Kont naħseb li kont raġel ta’ min jiggustani! Kont ġuvni ta’ 24 sena mill-aktar gustuż, u kont gradwat mill-università u kelli impjieg tajjeb ħafna. Hija qaltli dwar l-għanijiet li kellha—li tiżżewweġ biss lil xi ħadd li seta’ jeħodha fit-tempju, li jkollha familja eterna—u b’hekk irrifjutat l-offerta tiegħi. Jiena xtaqt inkompli bir-relazzjoni tagħna, għalhekk qbilt li nisma’ x’ kellhom jgħidu l-missjunarji. Tgħid din kienet raġuni biżżejjed biex jien niltaqa’ mal-missjunarji? Jiena naħseb li għalija kienet.
Meta jiena ltqajt għall-ewwel darba mal-missjunarji, jien ma fhemtx wisq dak li kienu qaluli, u biex ngħidilkom il-verità, probabbilment lanqas biss kont tajt kas tagħhom wisq. Qalbi ma kenitx lesta biex tilqa’ fiha reliġjon ġdida. Jien ridt biss nipprovalhom li huma kienu żbaljati u fl-istess ħin niggwadanja biżżejjed żmien li fih inkun nista’ nikkonvinċi lil Renee biex tiżżewwiġni xorta waħda.
Illum uħud minn uliedi qdew missjoni u oħrajn għadhom qed jaqdu missjoni bħalissa, u jiena nista’ nifhem is-sagrifiċċji li dawn iż-żgħażagħ jagħmlu biex jgħallmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Illum kemm nixtieq li jien kont qgħadt aktar attent għall-Presbiteru Richardson, il-Presbiteru Farrell u l-Presbiteru Hyland, il-missjunarji meraviljużi li kienu għallmuni.
Għalhekk, mill-ewwel lezzjoni tiegħi, jiena ngħidilkom, O ħbieb tiegħi u investigaturi tal-Knisja: la darba tiltaqgħu mal-missjunarji, jekk jogħġobkom ħuduhom bis-serjetà; huma qed jissagrifikaw snin importanti minn ħajjithom għalikom.
It-Tieni, Morru l-Knisja
L-ewwel darba li jien attendejt laqgħa tal-Knisja, jiena bdejt nisma’ kliem li għalija ma tantx kienu jagħmlu wisq sens Min kienu l-Beehives? X’ kien is-Saċerdozju Aroniku? is-Soċjetà tal-Għajnuna?
Jekk din hija l-ewwel darba li intom attendejtu laqgħa tal-Knisja u qed tħossukom xi ftit konfużi minħabba xi ħaġa li mhux qed tifhmu, tinkwetawx wisq! Jiena wkoll ma kellix idea. Iżda sal-lum il-ġurnata għadni niftakar kif kont ħassejtni dak inhar, is-sentimenti ġodda ta’ paċi u ta’ ferħ li jien kont esperjenzajt. Dak iż-żmien jien dan ma kontx nafu, iżda l-Ispirtu s-Santu kien qed ifesfes f’ widnejja u f’ qalbi, “Din hi t-triq ġusta.”
Għalhekk ippermettuli niġbor din il-lezzjoni f’ sentenza waħda. jekk tħossukom konfużi, tinkwetawx—ftakru ftit fis-sentimenti li intom ħassejtu; sentimenti li ġejjin minn Alla.
It-Tielet, Aqraw il-Ktieb ta’ Mormon
Wara diversi laqgħat li kelli mal-missjunarji, ma nistax ngħid li kont qed nagħmel wisq progress. Ħassejt li ma kontx għadni rċevejt konferma tal-verità tal-evanġelju.
Darba waħda, Renee staqsietni, “Qed taqrah il-Ktieb ta’ Mormon?”
Jiena weġibtha, “Le.” Jien kont qed nisma’ x’ kellhom jgħiduli l-missjunarji—ma kienx biżżejjed dan?
Bid-dmugħ f’ għajnejha, Renee żguratni li hi kienet taf li l-Ktieb ta’ Mormon huwa vera u spjegat li jekk jiena ridt verament inkun naf jekk huwiex vera, l-uniku mod biex insir naf dan kien—ovvjament—li naqrah! Imbagħad nitlob dwaru!
Aqrawh, xtarru f’ qalbkom, u “itolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’ isem Ġesù Kristu, … b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni vera, b’ fidi fi Kristu” (Moroni 10:4) jekk il-Ktieb ta’ Mormon huwiex veru, jekk din hijiex il-vera Knisja.
Għalhekk it-tielet lezzjoni, f’ sentenza waħda: meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ—il-Ktieb ta’ Mormon—u tiġu mitlubin biex taqrawhom u tistaqsu lil Alla jekk humiex vera, jekk jogħġobkom agħmlu dan!
L-Aħħar Ħaġa, Indmu
L-aħħar esperjenza li jiena nixtieq naqsam magħkom hija dwar l-indiema. Wara li jien temmejt nisma’ l-lezzjonijiet kollha tal-missjunarji, jiena kont għadni mhux konvint li jiena verament kelli bżonn nibdel xi ħaġa f’ ħajti. Kien il-Presbiteru Cutler, missjunarju żagħżugħ u kunfidenti li ftit li xejn kien jaf jitkellem bl-Ispanjol, li darba qalli, “Joaquin, ejja naqraw flimkien Alma 42, u ninkludu ismek hekk kif inkunu qed naqraw.”
Jien ħsibt li din kienet xi ħaġa mill-aktar banali, iżda jien għamilt kif kien qalli l-Presbiteru Cutler u f’ vers 1qrajt: “U issa, ibni [Joaquin], nipperċepixxi li hemm xi ħaġa oħra li qed tinkwetalek moħħok, li inti ma tistax tifhem.” O! Il-ktieb ħassejtu qed ikellimni.
U f’ vers 2qrajna: “Issa ara, ibni [Joaquin], jiena se nispjegalek dawn il-ħwejjeġ,” u mbagħad iddeskrivieli l-Waqgħa ta’ Adam.
Imbagħad f’ vers 4: “U hekk naraw, li ġie mogħti żmien lil [Joaquin] biex jindem.”
Aħna komplejna naqraw bilmod, vers wara vers, sakemm fl-aħħar wasalna fl-aħħar tliet versi. F’ dak il-mument ħassejtni nintlaqat minn forza mill-aktar qawwija. Il-ktieb kien qed ikellem direttament lili, u jien infexxejt nibki hekk kif bdejt naqra, “U issa, [Joaquin,] ibni, nixtieq li ma tħallix aktar dawn il-ħwejjeġ jinkwetawk iżjed, u ħalli biss dnubietek jinkwetawk, b’ inkwiet li jwasslek … biex tindem” (vers 29).
Issa nirrealizza li jiena stennejt li nirċievi r-rivelazzjoni mingħajr ma nħallas il-prezz tagħha. Qabel dak il-mument jiena qatt ma nista’ ngħid li kont verament tkellimt ma’ Alla, u l-idea li nitkellem ma’ xi ħadd li ma kienx preżenti kienet tidher għalija li ma kienet xejn ħlief bluha. Kien hemm bżonn li jien inċekken lili nnifsi u nagħmel dak li ġejt mitlub nagħmel anke jekk, skont il-moħħ mortali tiegħi, din kienet tidher bħala ħaġa banali.
Dak inhar jiena ftaħt qalbi verament għall-Ispirtu, urejt ix-xewqa li nindem, u ridt nitgħammed! Qabel dak il-mument, jiena kont inħares lejn l-indiema bħala xi ħaġa negattiva, li kont nassoċjaha biss mad-dnub u l-ħażen, iżda f’ daqqa waħda bdejt inħares lejha b’ dawl differenti—bħala xi ħaġa pożittiva li kienet tħejjili t-triq biex nikber aktar u jkolli aktar ferħ.
Il-Presbiteru Cutler illum jinsab magħna, u nixtieq nirringrazzjah talli fetaħli għajnejja. Kull deċiżjoni li minn dak inhar jiena ħadt f’ ħajti kienet influwenzata minn dak il-mument meta jiena ċekkint lili nnifsi u tlabt għall-maħfra u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu f’ ismi sar parti minn ħajti.
Għalhekk, l-aħħar lezzjoni, f’ sentenza waħda: esperjenzaw l-indiema; xejn ma jista’ jressaqkom aktar viċin tal-Mulej Ġesù Kristu milli jkollkom ix-xewqa li tinbidlu.
Għażiż investigatur, ħabib tal-Knisja, jekk inti qed tismagħni llum, inti tinsab viċin ħafna li tikseb l-akbar ferħ possibbli. Inti tinsab verament viċin!
Ippermettili nistiednek, bl-enerġija kollha ta’ qalbi, u mill-fond ta’ ruħi: biex tmur u titgħammed! Din hija l-aqwa ħaġa li int qatt tista’ tagħmel. Tibdel mhux biss ħajtek iżda tibdel ukoll il-ħajja ta’ wliedek u ta’ wlied uliedek.
Lili ll-Mulej berikni permezz ta’ familja. Jiena żżewwiġt lil Renee, u għandna erbat itfal meraviljużi. U minħabba l-magħmudija tiegħi, jien nista’, bħall-profeta tal-qedem, Leħi, nistedinhom biex jieklu mill-frott tas-siġra tal-ħajja, li hija l-imħabba ta’ Alla (ara 1 Nephi 8:15; 11:25). Jien nista’ ngħinhom jersqu lejn Kristu.
Jekk jogħġobkom ikkunsidraw l-esperjenzi tiegħi, u (1) ħudu lill-missjunarji bis-serjetà, (2) morru l-knisja u ftakru fis-sentimenti spiritwali li intom tħossu fikom, (3) aqraw il-Ktieb ta’ Mormon u staqsu lill-Mulej jekk huwiex veru, u (4) esperjenzaw l-indiema u itgħammdu.
Jiena nixhed li jekk intom tħallsu l-prezz tar-rivelazzjoni, iċċekknu lilkom infuskom, taqraw, titolbu u tindmu, is-smewwiet jinfetħu u intom issiru tafu, kif naf jien, li Ġesù hu l-Kristu, li Hu s-Salvatur tiegħi kif ukoll tiegħek. F’ isem Ġesù Kristu, amen.