Sisien ta’ Fidi
L-appell tiegħi hu li aħna nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji u jkollna l-umiltà neċessarja biex insaħħu s-sisien tal-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu.
Din kienet konferenza ġenerali mill-aktar meraviljuża. Aħna verament ħassejna rwieħna edifikati. Jekk hemm oġġettiv wieħed preminenti ta’ din il-konferenza ġenerali, dan hu li aħna nibnu l-fidi f’ Alla l-Missier u fis-Salvatur tagħna, il-Mulej Ġesù Kristu.
Id-diskors tiegħi llum se jindirizza s-sisien ta’ dik il-fidi.
Is-sisien personali, bħal kull ħaġa oħra tajba, ħafna drabi nibnuhom ftit ftit—saff wara saff, esperjenza wara esperjenza, sfida wara sfida, problema wara problema u suċċess wara suċċess. Kemm hi esperjenza fiżika mill-aktar għażiża kull meta naraw tarbija tagħmel l-ewwel passi tagħha. Hija verament ħaġa mill-aktar meraviljuża. Il-ħarsa prezzjuża ta’ fuq wiċċha—li tiġbor fiha id-determinazzjon, il-ferħ, is-sorpriża u s-sodisfazzjon tagħha—hija verament avveniment mill-aktar importanti.
Fil-familja tagħna, kien seħħ avveniment simili li verament bqajna niftakruh. Meta t-tifel iż-żgħir tagħna kellu madwar erba’ snin, huwa daħal jiġri d-dar u b’ ferħ u sodisfazzjon kbir qalilna: “Jien issa kapaċi nagħmel kollox. Nista’ nagħmel għoqda, nirkeb ir-rota u naqfel iż-żipp.” Aħna lkoll fhimna li huwa kien qed jgħidlna li huwa issa kien tgħallem jaqfel il-lazz taż-żarbun tiegħu, jirkeb fuq ir-rota bit-tliet Roti Kbar kif ukoll jaqfel iż-żipp tal-ġakketta tiegħu. F’ dak il-mument ilkoll kemm aħna dħaqna flimkien iżda fl-istess ħin aħna rrealizzajna li għalih dawn kienu kisbiet mill-aktar monumentali. Huwa ħaseb li issa verament kien tgħallem kollox u kien kiber.
Dan nistgħu nqabbluh ħafna mal-iżvilupp fiżiku, mentali u spiritwali tagħna. L-iżvilupp fiżiku huwa forsi l-aktar wieħed ovvju. Aħna nibdew l-ewwel billi nagħmlu passi tat-trabi u mbagħad nibdew nitjiebu bil-mod il-mod, jum wara jum, sena wara sena, fejn aħna nibqgħu nikbru u niżviluppaw sakemm nilħqu l-istatura fiżika aħħarija tagħna. Kull persuna tiżviluppa b’ mod differenti.
Meta aħna naraw xi atleta jew xi preżentazzjoni mużikali mill-aqwa, ħafna drabi aħna niddeskrivu lil dik il-persuna bħala persuna ta’ talent kbir, u ħafna drabi hekk ikun. Iżda l-preżentazzjoni tagħhom hija r-riżultat ta’ snin twal ta’ tħejjija u prattika. Wieħed kittieb magħruf, Malcolm Gladwell, iddeskriva dan bħala r-regola tal-10,000 siegħa. Riċerkaturi waslu fil-konklużjoni li dawn is-sigħat sħaħ ta’ taħriġ huma meħtieġ kemm fl-atletika, fi tħejjija għal xi preżentazzjoni mużikali, biex inkunu profiċjenti fil-qasam akkademiku, biex nispeċjalizzaw f’ xi qasam partikolari, kif ukoll dak mediku jew legali, eċċ. Wieħed minn dawn l-esperti fir-riċerka ddikjara “li għaxart elef siegħa ta’ prattika huma meħtieġa biex jinkiseb livell għoli ta’ padrunanza assoċjat ma’ xi ħadd li jrid ikun espert ta’ livell dinji—f’ kollox.”
Bosta nies jagħrfu li biex wieħed jikseb ċertu livell fiżiku jew mentali, din it-tip ta’ tħejjija u prattika hija ħaġa mill-aktar essenzjali.
Sfortunatament, f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed issir sekulari, qed isir anqas enfażi fuq l-ammont ta’ tkabbir spiritwali li hu neċessarju biex wieħed isir jixbah lil Kristu u jistabbilixxi s-sisien li jwasslu għall-fidi kontinwa. Aħna għandna t-tendenza li nagħmlu enfażi fuq dawk il-mumenti ta’ għarfien spiritwali sublimi. Dawn huma mumenti mill-aktar prezzjużi li permezz tagħhom inkunu nafu li l-Ispirtu s-Santu xehed f’ qalbna kif ukoll f’ moħħna ċerti sentimenti spiritwali mill-aktar speċjali. Aħna għandna verament nifirħu f’ dawn il-mumenti u għandna wkoll nibqgħu nagħtuhom dejjem l-importanza li jistħoqqilhom. Iżda biex ikollna fidi kontinwa u jkollna s-sħubija kostanti tal-Ispirtu, xejn ma jieħu post l-osservanza reliġjuża individwali tagħna li nistgħu nqabbluha mal-iżvilupp fiżiku u mentali tagħna. Aħna għandna nibnu dejjem fuq dawn l-esperjenzi, li xi kultant inxebbhuhom mal-ewwel passi li tagħmel tarbija. Aħna nagħmlu dan permezz tal-impenn ikkonsagrat tagħna lejn il-laqgħat sagri tas-sagrament, lejn l-istudju tal-iskrittura, lejn it-talb kif ukoll lejn il-qadi tagħna skont is-sejħa li jkollna. Permezz tal-kliem ta’ dikjarazzjoni ta’ rispett obitwarju għal missier ta’ 13-il tifel, ġie irrappurtat kemm “il-lealtà tiegħu lejn it-talb u l-istudju tal-iskrittura, ta’ kuljum, influwenzat b’ mod mill-aktar profond lil uliedu, li spiċċat bniet fihom pedament ta’ fidi mill-aktar sod fil-Mulej Ġesù Kristu.”
Esperjenza li jiena għaddejt minnha meta jiena kelli 15-il sena ħalliet dan l-istess effet fuqi. Ommi, mara mill-aktar fidila, b’ kuraġġ kbir, ippruvat tgħinni nistabbilixxi s-sisien tal-fidi f’ ħajti. Jiena kont nattendi l-laqgħa tas-sagrament, il-Primarja imbagħad il-Ġuvintur u s-seminarju. Jiena dejjem kont naqra mill-Ktieb ta’ Mormon u dejjem kont nitlob waħdi. Dak iż-żmien kien seħħ avveniment mill-aktar drammatiku fil-familja tagħna meta ħija l-għażiż li kien akbar minni kien qed jikkunsidra li jmur iservi missjoni. Missieri, raġel mill-aktar meraviljuż, iżda li kien membru anqas attiv tal-Knisja, ried li ħija jkompli bl-istudju tiegħu u mhux imur iservi missjoni. Dan wassal għal ċertu tilwim.
Waqt diskussjoni mill-aktar sinjifikanti li jiena kelli ma ħija, li kien ħames snin akbar minni u li kien qed imexxi din id-diskussjoni, aħna wasalna għall-konklużjoni li d-deċiżjoni tiegħu jekk għandux imur iservi missjoni jew le kienet tiddependi fuq tliet affarijiet: (1) Ġesù Kristu kien verament divin? (2) Huwa minnu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru? (3) Joseph Smith verament kien il-profeta tar-Restawrazzjoni?
Hekk kif dak il-lejl jiena tlabt b’ sinċerità, l-Ispirtu kkonferma miegħi l-verità ta’ dawk it-tliet mistoqsijiet. Jiena spiċċajt biex fhimt ukoll li kważi kull deċiżjoni li kont se nieħu fil-kumplament ta’ ħajti kienet se tkun ibbażata fuq dawk it-tliet mistoqsijiet. Jiena rrealizzajt b’ mod partikolari li l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu kienet ħaġa mill-aktar essenzjali. Meta nħares lura, jiena nagħraf li, primarjament grazzi għal ommi, is-sisien kienu nbnew minn qabel għalija biex f’ din il-lejla jien stajt nirċievi dik il-konferma spiritwali. Ħija, li diġà kien irċieva dik it-testimonjanza, kien iddeċieda li jservi missjoni u ultimament wasal biex kiseb wkoll is-sapport ta’ missierna.
Aħna nirċievu l-gwida spiritwali meta aħna nkunu neħtiġuha, fil-ħin li jagħżel il-Mulej u skont ir-rieda Tiegħu. Il-Ktieb ta’ Mormon: Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu huwa eżempju eċċellenti ta’ dan. M’ilux jiena ġiet f’ idejja kopja tal-ewwel edizzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon. Joseph Smith lesta jittraduċi l-ktieb meta huwa kellu 23 sena. Aħna lkoll nafu xi ftit jew wisq dwar il-proċess u l-istrumenti li huwa uża f’ dik it-traduzzjoni. F’ dak il-jum tal-1830 meta l-ktieb ġie stampat għall-ewwel darba, Joseph inkluda fih daħla qasira u b’ mod mill-aktar sempliċi u ċar huwa ddikjara li l-ktieb kien ġie tradott “bid-don u l-qawwa ta’ Alla.” Xi ngħidu dwar l-oġġetti li għenu fit-traduzzjoni—il-Urim u t-Tummim, il-ġebel tal-bassâr? Kienu verament essenzjali, jew inkella kienu bħar-roti tat-taħriġ fuq rota li jkunu hemmhekk biss sakemm Joseph ikun jista’ jeżerċita l-fidi neċessarja biex biha jirċievi aktar rivelazzjoni diretta?
L-istess kif ir-ripetizzjoni u l-isforz konsistenti huma meħtieġa biex wieħed jikseb kapaċità akbar fiżika jew mentali, l-istess nistgħu ngħidu għal ħwejjeġ spiritwali. Ftakru li l-Profeta Joseph laqa’ għandu l-istess viżitatur, Moroni, li wassallu eżattament l-istess messaġġ erba’ darbiet, biex iħejjih għal meta huwa jirċievi l-pjanċi. Jiena nemmen li l-parteċipazzjoni tagħna ta’ kull ġimgħa fil-laqgħat sagramentali jħallu warajhom implikazzjonijiet spiritwali li aħna ma nistgħux nifhmu għal kollox. Li aħna nixtarru regolarment l-iskrittura—minflok ma sempliċiment naqrawha kultant—jista’ jwassal biex jibdel l-għarfien superfiċjali tagħna fi tkabbir sublimi tal-fidi tagħna li finalment iwassal biex jibdlilna ħajjitna.
Il-fidi hija prinċipju ta’ qawwa. Ippermettuli nispjega ruħi: Meta jiena kont għadni missjunarju żagħżugħ, president tal-missjoni mill-aktar meraviljuż introduċieni b’ mod mill-aktar profond mar-rakkont skritturali li nsibu f’ Luqa 8 dwar waħda mara li kienet ilha tbati minn problema tad-demm għal 12-il sena sħaħ u kienet nefqet ġidha kollu fuq it-tobba li ma setgħux ifejquha. Sal-lum għadha waħda mill-aktar skrittura favoriti tiegħi.
Naħseb li intom tiftakru li hija kellha fidi li jekk hija sempliċiment kienet tmiss it-tarf tal-libsa tas-Salvatur, hija kienet tfiq. Meta hija għamlet dan, hija fieqet immedjatament. Is-Salvatur, li kien jinsab miexi flimkien mad-dixxipli Tiegħu, qal, “Min messni?”
Pietru wieġbu li lkoll kemm huma, mexjin ilkoll flimkien, kienu qed imissu miegħu.
“U Ġesù qal, Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni.”
Il-kelma li nsibu fl-iskrittura tradotta għall-Ingliż bħala virtù nistgħu wkoll faċilment ninterpretawha bħala “qawwa.” Anke fl-Ispanjol u l-Portugiż hija tradotta bħala “qawwa.” Iżda l-fatt jibqa’ li s-Salvatur lilha ma rahiex; Huwa ma ffukax fuq il-bżonn li hija kellha. Iżda l-fidi tagħha tant kienet kbira li għax hija sempliċiment kienet misset mat-tart tal-libsa Tiegħu wassalha biex hija kisbet il-qawwa tal-fejqan tal-Iben ta’ Alla.
Kif qalilha s-Salvatur: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”
Jiena nista’ ngħid li għaddejt il-ħajja adulta tiegħi nikkontempla dan ir-rakkont. Jiena rrealizzajt li t-talb personali tagħna lil Missierna tas-Smewwiet, li tant iħobbna, f’ isem Ġesu Kristu jista’ jwassal barkiet kbar f’ ħajjitna li lanqas biss għandna l-abbiltà biżżejjed li nifhmuhom. Il-pedament tal-fidi, it-tip ta’ fidi li wriet din il-mara, għandha tkun ix-xewqa kbira ta’ qalbna.
Madankollu, jekk aħna jkollna dan il-pedament inizjali tal-fidi, u miegħu niksbu wkoll konferma spiritwali, xorta waħda dan ma jfissirx li aħna m’aħniex se niffaċċjaw aktar sfidi f’ ħajjitna. Il-konverżjoni għall-evanġelju ma tfissirx li l-problemi tagħna kollha se jirrisolvu ruħhom.
L-istorja bikrija tal-Knisja u r-rivelazzjoni żvelata fid-Duttrina u Patti mimlija eżempji eċċellenti ta’ kif għandek tistabbilixxi dawn is-sisien ta’ fidi u kif għandek tikkumbatti ċ-ċirkustanzi u l-isfidi li finalment kulħadd jiffaċċja f’ ħajtu.
It-tlestija tat-Tempju ta’ Kirtland, f’ ċertu sens, tat bidu għal ħafna affarijiet oħra li ħallew effett fuq il-Knisja kollha. Jakkumpanjaw dan kien hemm ukoll nixxiegħa ta’ abbundanza spiritwali, rivelazzjonijiet duttrinali, kif ukoll restawrazzjoni ta’ mfietaħ essenzjali biex tkompli tiġi rrestawrata l-Knisja. Bħall-Appostli tal-qedem f’ jum l-Għid il-Ħamsin, kienu ħafna l-membri li esperjenzaw esperjenzi spiritwali mill-aktar meraviljużi b’ konnessjoni mad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kirtland. Iżda, kif nistgħu ngħidu wkoll għal ħajjitna, dan ma kienx ifisser li għall-kumplament ta’ ħajjithom huma ma kinux se jħabbtu wiċċhom aktar ma’ ċerti sfidi jew diffikultajiet. Ftit kienu jimmaġinaw dawn il-membri tal-ewwel żminijiet li huma kienu se jispiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi finanzjarja li kienet se tolqot l-Istati Uniti—il-paniku tal-1837—li kien se jgħaddihom ilkoll minn prova mill-aktar kbira.
Eżempju wieħed tal-isfidi relatati ma’ din il-kriżi finanzjarja kien esperjenza li għadda minnha l-Presbiteru Parley P. Pratt, wieħed mill-mexxejja l-kbar tar-Restawrazzjoni. Huwa kien wieħed mill-membri oriġinali tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Fl-ewwel xhur tal-1837, l-għażiża martu, Thankful, mietet meta kienet qed twelled l-ewwel tarbija tagħhom. Parley u Thankful kienu ilhom miżżewġin kważi 10 snin, u l-mewt tagħha affettwatu mmens.
Ftit xhur wara, il-Presbiteru Pratt sab lilu nnifsu f’ waħda mill-aktar sitwazzjonijiet diffiċli li l-Knisja qatt esperjenzat. F’ nofs din il-kriżi nazzjonali, il-problemi ekonomiċi lokali—fosthom spekulazzjoni li kien hemm dwar l-art u l-problemi li ħabbtet wiċċha magħhom istituzzjoni finanzjarja li kienet twaqqfet minn Joseph Smith u membri oħra tal-Knisja—ħolqu bosta disgwid u tilwim ġewwa Kirtland. Il-mexxejja tal-Knisja mhux dejjem ħadu deċiżjonijiet temporali għaqlin f’ ħajjithom. Parley sofra telfien finanzjarju kbir u għal xi żmien ma baqax leali lejn il-Profeta Joseph. Huwa kiteb sensiela ta’ kritika mill-aktar ħarxa dwar Joseph u tkellem kontrih minn fuq il-pulptu. Fl-istess ħin, Parley qal li huwa xorta waħda kien baqa’ jemmen fil-Ktieb ta’ Mormon u fid-Duttrina u Patti.
Il-Presbiteru Pratt kien tilef il-mara, l-art u d-dar li kellu. Parley, mingħajr ma qal xejn lil Joseph, telaq lejn Missouri. Fi triqtu, bla mistenni ltaqa’ mal-Appostli sħabu Thomas B. Marsh u David Patten li kienu fi triqthom lura lejn Kirtland. Huma ħassew in-neċessità kbira li jerġgħu jirrestawraw l-armonija fil-Kworum u pperswadew lil Parley biex jirritorna lura magħhom. Huwa rrealizza li ħadd ma kien tilef aktar milli kien tilef Joseph Smith u l-familja tiegħu.
Parley mar ifittex lill-Profeta, beka, u stqarr li dak li kien għamel ma kienx sew. Fix-xhur ta’ wara li mietet martu, Thankful, Parley kien jinsab “taħt sħaba sewda” u kien inħakem mill-biża’ u l-frustrazzjoni. Joseph, li kien jaf x’ jiġifieri titqabad kontra l-oppożizzjoni u t-tentazzjoni, lil Parley “ħafirlu fil-pront,” talab għalih u bierku. Parley u oħrajn li baqgħu fidili ibbenefikaw mill-isfidi li huma ħabbtu wiċċhom magħhom ġewwa Kirtland. Huma kibru fl-għerf u saru aktar nobbli u virtużi. L-esperjenza saret parti mis-sisien tal-fidi tagħhom.
L-avversità m’għandniex inħarsu lejha bħala xi diżapprovazzjoni min-naħa tal-Mulej jew irtirar tal-barkiet Tiegħu. L-oppożizzjoni, f’ kollox, hija parti min-nar tar-raffinatur li jħejjijna għad-destin ċelestjali u etern. Meta l-Profeta Joseph kien jinsab fiċ-Ċella ta’ Liberty, il-kliem li qallu l-Mulej iddeskrivilu kull tip ta’ sfida—fosthom it-tribulazzjoni u l-akkużi foloz—u kkonkluda hekk:
“Jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ kemm jiflaħ ħalqu għalik, kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek.
“Bin il-Bniedem ġie umiljat aktar minn kulħadd. Akbar minnu inti?”
Il-Mulej, f’ din l-istruzzjoni lil Joseph Smith, għamilha ċara wkoll li Huwa kien jaf kemm hu kien baqagħlu jgħix f’ din id-dinja u ma kienx se jgħix ġurnata waħda anqas milli kellu jgħix. Il-Mulej ikkonkluda, “Tibżax x’ jista’ jagħmillek il-bniedem, għaliex Alla se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.”
X’inhuma, għalhekk, il-barkiet tal-fidi? X’inhu frott il-fidi? Il-lista kważi ma tispiċċa qatt:
Dnubietna jistgħu jiġu maħfura minħabba l-fidi tagħna fi Kristu.
Kull min ikollu l-fidi ikollu komunjoni mal-Ispirtu s-Santu.
Is-salvazzjoni niksbuha permezz tal-fidi f’ isem Kristu.
Aħna nirċievu l-qawwa skont il-fidi tagħna fi Kristu.
Ħadd ma jidħol fil-mistrieħ tal-Mulej ħlief dawk li jkunu ħaslu l-ilbies tagħhom permezz tad-demm ta’ Kristu minħabba l-fidi tagħhom.
It-talb jiġi mismugħ skont il-fidi.
Mingħajr il-fidi fost il-bnedmin, Alla ma jista’ jwettaq l-ebda miraklu fosthom.
U finalment, il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu hija l-pedament essenzjali għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni eterna tagħna. Kif Ħilaman għallem lil uliedu, “Ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, Iben Alla … , li huwa pedament sod, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu huma ma jaqgħu qatt.”
Jiena grat għall-fortifikazzjoni tal-pedament tal-fidi li huwa riżultat ta’ din il-konferenza. L-appell tiegħi hu li aħna nagħmlu s-sagrifiċċji neċessarji u jkollna l-umiltà neċessarja biex insaħħu s-sisien tal-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu. Ta’ dan jiena nagħti x-xhieda sinċiera tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.