Imbagħad Ġesù Xeħet Fuqu Ħarsa ta’ Mħabba
Kull darba li tħossukom li qed tiġu mitlubin twettqu xi ħaġa diffiċli, immaġinaw ftit lill-Mulej, li verament iħobbkom, jixħet fuqkom ħarsa ta’ mħabba u jistedinkom biex timxu warajh.
Xi snin ilu jiena ġejt imsejjaħ, flimkien ma’ marti, Jacqui, biex nippresedi fuq il-Missjoni ta’ Spokane, Washington. Aħna wasalna fl-għalqa tal-missjoni mimlijin kemm bil-biża’ kif ukoll bl-eċċitament minħabba r-responsabbiltà li kellna li naħdmu ma’ daqstant missjunarji żgħażagħ meraviljużi. Huma kienu ġejjin minn għadd ta’ begrawnds differenti u fi żmien qasir saru bħallikieku kienu t-tfal tagħna.
Għalkemm il-biċċa kbira minnhom kienu verament sejrin tajjeb, kien hemm ftit minnhom li kienu qed isibuha xi ftit diffiċli jilħqu l-aspetattivi għoljin tas-sejħa tagħhom. Jiena niftakar wieħed missjunarju jgħidli, “President, jiena ma nħobbx inkun qalb in-nies.” Ħafna oħrajn kienu qaluli li huma ma kellhomx biżżejjed ix-xewqa li jimxu wara r-regoli missjunarji pjuttost stretti. Jiena ħassejtni inkwetat dwar dan u bdejt naħseb xi stajna nagħmlu biex nibdlu l-qlub ta’ dawk il-ftit missjunarji li kienu għadhom ma skoprewx il-ferħ li hu riżultat tal-ubbidejnza.
Darba waħda meta jien kont qed insuq qalb l-għelieqi mserrpin tal-qamħ tul il-fruntiera ta’ bejn Washington u Idaho, jiena kont qed nisma’ rikording tat-Testment il-Ġdid. Hekk kif kont qed nisma’ r-rakkont familjari tal-ġuvni għani li mar quddiem is-Salvatur biex jistaqsih x’ seta’ jagħmel biex jikseb il-ħajja eterna, jiena rċevejt rivelazzjoni personali xejn mistennija iżda mill-aktar profonda li llum saret għalija memorja mill-aktar sagra.
Wara li smajt lil Ġesù jlissen il-kmandamenti u liż-żagħżugħ iwieġbu li huwa kien ilu jobdi dawn il-kmandamenti kollha minn meta kien għadu żgħir, jiena smajt it-twissija ġentili li tah is-Salvatur: “Ħaġa waħda tonqsok: … bigħ li għandek, u …. ejja, … imxi warajja.” Iżda b’ għaġeb kbir għalija, qabel dik il-parti tal-vers jiena minflok smajt sitt kelmiet li jidhirli li qatt ma smajthom jew qrajthom qabel. Bħallikieku kienu ġew miżjudin mal-iskrittura. Jiena nimmeravilja ruħi bl-għarfien kollu ispirazzjoni li ġie żvelat lili wara.
X’ kienu dawn is-sitt kelmiet li ħallew fuqi effett daqstant profond? Isimgħu ftit biex taraw jekk tagħrfux dan il-kliem li jidher mill-aktar ordinarju, li ma jinstabx fir-rakkonti l-oħra tal-Evanġelju iżda jinstab biss fl-Evanġelju ta’ Mark:
“Mar fuqu wieħed jgħaġġel … u staqsih, Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?
“U Ġesù qallu, …
“Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok.
“U dak wieġbu u qallu … , Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.
“Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba, u qallu, Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.”
“Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba.”
Hekk kif jiena smajt dan il-kliem, f’ moħħi bħal rajt lill-Mulej jieqaf għal ftit u jixħet ħarstu fuq dan iż-żagħżugħ. Jixħet ħarstu—bħallikieku qed iħares lejh b’ mod profond li ppenetralu ruħu, fejn seta’ jagħraf it-tjubija tiegħu u l-potenzjal tiegħu, kif ukoll jagħraf x’ kienu l-akbar bżonnijiet li huwa kellu.
Imbagħad il-kliem sempliċi—Ġesù ħabbu. Huwa ħass imħabba u kompassjoni enormi għal dan iż-żagħżugħ twajjeb, u sforz l-imħabba tiegħu u permezz ta’ din l-imħabba, Ġesù ried aktar minnu. Ippruvajt nimmaġina kif seta’ ħassu dan il-ġuvni mdawwar b’ din l-imħabba tant kbira saħansitra anke meta huwa kien qed jiġi miltub biex jagħmel xi ħaġa daqstant diffiċli, fejn ġie mitlub li jbiegħ kull ma kellu u jagħtih lill-foqra.
F’ dak il-mument, jiena ndunajt li ma kenitx biss il-qalb ta’ xi wħud mill-missjunarji tagħna li kien jeħtieġ tinbidel. Kien jeħtieġ li sseħħ bidla wkoll f’ qalbi. Il-mistoqsija ma baqgħetx aktar “Kif jista’ president tal-missjoni li kien jinsab iffrustrat jasal li jgħin missjunarju li kien għaddej minn ċerti diffikultajiet biex hu jibda jġib ruħu aħjar?” Minflok, il-mistoqsija kienet “Jiena kif nista’ nimtela b’ imħabba tixbah lil dik ta’ Kristu sabiex il-missjunarju jkun jista’ jħoss l-imħabba ta’ Alla permezz tiegħi u hu juri x-xewqa li jinbidel?” Kif nista’ jiena nixħet fuqhom ħarsa bl-istess mod li l-Mulej xeħet ħarstu fuq iż-żagħżugħ għani, u nħares lejhom għal dak li huma verament u dak li jistgħu jsiru, minflok ma nħares lejhom skont dak li huma qed jagħmlu jew li mhumiex qed jagħmlu? Kif nista’ nsir nixbah aktar lis-Salvatur?
“Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba.”
Minn dak il-mument ‘il quddiem, hekk kif jiena kont inpoġġi bilqiegħda ħdejn xi missjunarju żagħżugħ li kien ikun qed jitqabad ma’ xi aspett tal-ubbidjenza, issa ġo qalbi kont stajt nara wieħed żagħżugħ mill-aktar fidil li wieġeb għax-xewqa li huwa jmur iservi missjoni. Hemm verament jien sirt kapaċi ngħid b’ sentiment ta’ ġenitur mimli mħabba: “Presbiteru jew Sister, kieku jien ma nħobbokx, żgur ma jkunx jimpurtani minn dak li jiġri fil-missjoni tiegħek. Iżda jiena verament inħobbok, u peress li jiena nħobbok, jiena jimpurtani minn dak li inti se ssir. Għalhekk jiena nistiednek biex tibdel dawk il-ħwejjeġ li huma diffiċli għalik u li inti ssir dak li jridek issir il-Mulej.”
Kull darba li jien mort nintervista lill-missjunarji, jiena l-ewwel kont nitlob għad-don tal-karità u li nkun kapaċi nara f’ kull wieħed minnhom dak li jara fihom il-Mulej.
Qabel kull konferenza taz-zona, hekk kif Sister Palmer u jiena konna bdejna nilqgħu lil kull missjunarju, wieħed wieħed, u waħda waħda, jiena bdejt nieqaf għal ftit u nħares dritt f’ għajnejhom, nixħet ħarsti fuqhom—intervista mingħajr kliem—u mbagħad mingħajr ebda eċċezzjoni, jiena kont inħossni nimtela b’ imħabba kbira għal dawn l-ulied prezzjużi ta’ Alla.
Jiena spiċċajt biex tgħallimt bosta lezzjonijiet li bidluli ħajti minn din l-esperjenza personali u profonda minn Mark kapitlu 10. Dawn huma erbgħa minn dawn il-lezzjonijiet li nemmen li jistgħu jgħinu lil kull wieħed u waħda minna:
-
Hekk kif aħna nitgħallmu nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom il-Mulej minflok ma nħarsu lejhom permezz ta’ għajnejna, l-imħabba tagħna lejhom tikber kif tikber ukoll ix-xewqa tagħna li ngħinuhom. Aħna naslu biex naraw il-potenzjal li jkun hemm fl-oħrajn, potenzjal li jaf lanqas huma stess ma jkunu qed jaraw. B’ imħabba tixbah lil ta’ Kristu aħna ma nibżgħux nitkellmu b’ ċarezza, għaliex “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra.” U aħna qatt ma naqtgħu qalbna, niftakru li dawk li huma l-aktar diffiċli li nħobbu huma dawk li jeħtieġu l-aktar imħabba tagħna.
-
L-ebda tagħlim veru ma jista’ jiġi mgħallem f’ ħin ta’ frustrazzjoni jew ta’ rabja, u l-qlub ma jinbidlux meta l-imħabba ma tkunx preżenti. Kemm jekk aħna naġixxu fl-irwol tagħna bħala ġenituri, għalliema jew mexxejja, il-vera tagħlim jiġi mgħallem biss f’ atmosfera ta’ fiduċja u mhux f’ atmosfera ta’ kundanna. Djarna għandhom dejjem ikunu post kenni għal uliedna—mhux ambjent ostili.
-
Aħna m’għandniex nieqfu nħobbu lil uliedna, lil ħbieb tagħna jew li xi membru tal-familja għaliex huma ma jirnexxilhomx jgħixu kif nistennewhom li jgħixu aħna. Aħna ma nafux sew x’ ġara miż-żagħżugħ għani wara li telaq minn hemmhekk imnikket, iżda jiena ċert li Ġesù xorta waħda baqa’ jħobbu b’ mod perfett anke jekk huwa għażel it-triq l-aktar faċli. Jista’ jkun li aktar tard f’ ħajtu, hekk kif huwa sab li l-ġid li kellu ma kienx qed jimlieh bil-ferħ, huwa ftakar u aġixxa skont l-esperjenza unika li huwa kellu li fiha l-Mulej b’ imħabba xeħet ħarstu fuqu u stiednu biex jimxi warajh.
-
Peress li Huwa jħobbna, il-Mulej jistenna ħafna minna. Jekk aħna nkunu umli, aħna nilqgħu l-istedina tal-Mulej li nindmu, nissagrifikaw u nservu bħala evidenza tal-imħabba perfetta Tiegħu għalina. Wara kollox, stedina biex aħna nindmu hija wkoll stedina biex aħna nirċievu r-rigal meraviljuż tal-maħfra u l-paċi. Għalhekk, “tistmerrx … la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek: għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb.”
Għeżież ħuti, issa kull meta intom tħossukom li qed tiġu mitlubin twettqu xi ħaġa diffiċli—taqtgħu xi vizzju xejn tajjeb, tpoġġu fil-ġenb il-ħwejjeġ tad-dinja, tissagrifikaw xi attività favorita tagħkom għaliex tkun f’ jum il-Ħadd, taħfru lil xi ħadd li naqaskom—ġibu f’ moħħkom lill-Mulej jixħet fuqkom, l-imħabba tiegħu, u jistedinkom biex tħallu kollox u timxu warajh. U rringrazzjawh talli Huwa jħobbkom tant li qed jistedinkom biex tagħmlu aktar milli qed tagħmlu.
Jiena nixhed dwar is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu u nħares ‘il quddiem għall-jum li fih Huwa jpoġġi dirgħajh madwar kull wieħed u waħda minna, jixħet ħarstu fuqna u jdawwarna bl-imħabba perfetta Tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.