Jibqa’ Jikber fid-Dija Sa Dak il-Jum Perfett
Anke fl-aktar żminijiet diffiċli u mudlama, madwarna aħna jkollna d-dawl u t-tjubija.
Pawlu qasam mal-Korintin messaġġ ta’ tama mill-aktar meraviljuż:
“Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda m’għandniex qalbna maqtugħa;
“Ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin.”
X’ kien is-sors tat-tama ta’ Pawlu? Isimgħu l-ispjegazzjoni tiegħu: “Dan Alla li qal, ħa jiddi d-dawl mid-dlam, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.”
Anke fl-aktar żminijiet diffiċli u mudlama, madwarna aħna jkollna d-dawl u t-tjubija. F’ Ottubru li għadda, il-President Dieter F. Uchtdorf fakkarna, “Aħna tant ninsabu mdawrin b’ meravilja kbira ta’ dawl u verità li jiena mhux ċert jekk aħniex verament napprezzaw dak li aħna għandna.”
Madankollu, l-avversarju jippreferi li aħna niffokaw fuq “id-dalma ċpar … li tagħmi l-għajnejn, … twebbes … il-qlub … , u twassalna … biex nintilfu.”
Madankollu, b’ għarfien perfett tal-isfidi ta’ żmienna, il-Mulej iwiegħed “Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d-dawl, u jibqa’ viċin Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id-dawl jikber u jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.”
Aħna wlied Alla. Aħna ġejna maħluqin biex nirċievu d-dawl, nibqgħu viċin Alla u nirċievu aktar dawl. Mill-bidu nett, aħna mxejna wara d-dawl; aħna mxejna wara Missierna tas-Smewwiet u l-pjan Tiegħu. Hija fid-DNA tagħna li aħna nfittxu d-dawl.
Din il-verità eterna jiena smajtha tiġi mgħallma b’ mod mill-aktar sabiħ f’ post li ftit li xejn kont qed nistenna. Fi żmien li fih kont naħdem f’ bank ewlieni, jiena kont ġejt mistieden biex nattendi programm eżekuttiv fl-Università ta’ Michigan. Waqt il-programm, il-Professur Kim Cameron għallimna dwar il-kunċett ta’ tmexxija pożittiva u l-effett eljotropiku tagħha. Huwa spjega: “Din tirreferi għat-tendenza li hemm fis-sistemi ħajjin kollha li jinklinaw ruħhom lejn l-enerġija pożittiva [id-dawl] u jitbiegħdu mill-enerġija negattiva [id-dlam]. Minn organiżmi magħmulin minn ċellola waħda sa sistemi umani mill-aktar kumplessi, kull ħaġa ħajja għandha inklinazzjoni naturali lejn dak li hu pożittiv u titbiegħed minn dak li hu negattiv.”
Bl-għajnuna ta’ minjiera sħiħa ta’ studju, huwa ffoka wkoll fuq tliet komponenti mill-aktar importanti fil-kultura ta’ post tax-xogħol li jirnexxi: il-kompassjoni, il-maħfra u l-gratitudni. Jagħmel ħafna sens li hekk kif il-bnedmin iduru lejn il-pożittiv (id-dawl), fosthom ikun hemm preżenti dawk il-kwalitajiet li b’ mod perfett aħna nattribwixxu lid-Dawl tad-Dinja, Ġesù Kristu!
Ħuti, għandkom verament għalfejn timtlew bil-faraġ għax tafu li d-dawl huwa disponibbli għalikom ilkoll. Ippermettuli nissuġġerixxi tliet erjas li fihom aħna dejjem insibu d-dawl:
1. Id-Dawl tal-Knisja
Il-Knisja hija sinjal ta’ dawl f’ dinja dejjem tiddallam. Dan huwa żmien meraviljuż biex fih tkun membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem! Illum il-Knisja hi b’ saħħitha aktar milli qatt kienet qabel u letteralment tinsab tissaħħaħ kuljum hekk kif membri ġodda qed jingħaqdu magħna, kongregazzjonijiet ġodda qed jiġu ffurmati kuljum, qed jiġu msejħin missjunarji ġodda u territorji ġodda qed jiftħu l-bibien tagħhom għall-evanġelju. Qed naraw xi wħud li għal xi żmien ma baqgħux daqshekk attivi fil-Knisja jerġgħu lura hekk kif il-ħidma ta’ salvataġġ li semma l-President Thomas S. Monson qed twassal biex kuljum iseħħu l-mirakli.
Riċentiment jiena kelli laqgħa ma’ grupp ta’ żgħażagħ mill-Paragwaj, mill-Urugwaj, miċ-Ċili u mill-Arġentina waqt il-konferenzi tagħhom Għall-Qawwa taż-Żgħażagħ. Eluf u eluf ta’ żgħażagħ qattgħu ġimgħa sħiħa jsaħħu l-imħabba tagħhom lejn is-Salvatur, u mbagħad marru lura għand il-familji u l-ħbieb tagħhom jiddu bid-dawl u bl-imħabba ta’ Kristu.
Ifhmuni, il-Knisja dejjem se jkollha min jikkritikaha. Ilha hekk mill-bidu nett u se tkompli sal-aħħar taż-żmien. Iżda aħna ma nistgħux inħallu din il-kritika tmewwet is-sensittività tagħna għad-dawl li hu disponibbli għalina. Li aħna nagħrfu d-dawl u nkomplu nfittxu li jkollna aktar dawl jikkwalifikana biex sewwasew niksbu aktar dawl.
F’ dinja li dejjem qed tiddallam, id- dawl tal-Knisja se jibqa’ jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.
2. Id-Dawl tal-Evanġelju
Id-dawl tal-evanġelju huwa t-triq li d-dija tagħha “se tkompli titqawwa sal-milja tal-jum,” u tiddi bl-aktar qawwa fil-familji tagħna u fit-tempji madwar id-dinja.
Ippriedka l-Evanġelju Tiegħi jiddikjara: “Permezz tad-dawl tal-evanġelju, il-familji jistgħu jirrisolvu kull disgwid, tilwim u sfida. Il-familji li jinsabu mifrudin minħabba xi disgwid jistgħu jitfejqu permezz tal-indiema, tal-maħfra u l-fidi fil-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.” Illum aktar minn qatt qabel, il-familji tagħna għandhom ikunu sors ta’ dawl kbir għal dawk kollha ta’ madwarna. Il-familji jikbru fid-dawl hekk kif huma jikbru fl-imħabba u t-tjubija. Hekk kif aħna nibnu familji ta’ “fidi, … indiema, maħfra, rispett, imħabba u kompassjoni,” aħna nħossu fina mħabba akbar lejn is-Salvatur u lejn xulxin. Il-familja tikber aktar b’ saħħitha, u d-dawl li hemm ġo kull wieħed u waħda minna jikber b’ qawwa akbar.
Aħna naqraw fid-Dizzjunarju tal-Bibbja, li “fejn tidħol il-qdusija hija d-dar biss li nistgħu nqabbluha mat-tempju.” Illum għandna 155 tempju li qed jopera u hemm oħrajn li se jkunu qed joperaw dalwaqt. Aktar u aktar familji qed jiġu ssiġillati għal din il-ħajja u għall-eternità kollha. Il-membri qed jissottomettu aktar u aktar ismijiet ta’ antenati tagħhom fit-tempju biex huma jwettqu l-ordinanzi tas-salvazzjoni għalihom. Aħna verament qed nesperjenzaw ferħ u ċelebrazzjoni akbar fuq iż-żewġ naħat tal-velu!
F’ dinja dejjem qed tiddallam, id- dawl tal-evanġelju se jibqa’ jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.
3. Id-Dawl ta’ Kristu
Ma tistax titkellem dwar id-dawl fid- dinja mingħajr ma titkellem dwar id-Dawl tad- Dinja, Ġesù Kristu. Manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Missier tas-Smewwiet hi li kull bniedem li jiġi f’ din il-ħajja huwa mbierek bid-Dawl ta’ Kristu biex jgħinu jerġa’ lura d-dar. Il-President Boyd K. Packer għallem: “L-Ispirtu ta’ Kristu jinsab dejjem hemm. … Id-Dawl ta’ Kristu huwa universali daqs id-dawl innifsu. Kull fejn hemm il-ħajja umana, hemm l-Ispirtu ta’ Kristu.” Id-Dawl ta’ Kristu “jistedinna u jħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb kontinwament” u jħejji lil dawk kollha li jfittxu t-tjubija u l-verità biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu.
Is-Salvatur jgħallem li Huwa d-dawl li “jdawwal għajnejkom,” “ikabbar l-għarfien tagħkom,” u “jagħti l-ħajja lil kull ħaġa.” Id-Dawl ta’ Kristu jgħinna nħarsu lejn ħaddieħor permezz ta’ għajnejn is-Salvatur. Aħna nibdew inħobbu aktar u nibdew nifhmu aħjar id-diffikultajiet ta’ ħaddieħor. Jgħinna nkunu aktar paċenzjużi ma’ dawk li ma jqimux bħalna u ma jservux bħalna. Jgħinna nifhmu aħjar il-pjan kbir ta’ ferħ u jgħinna nagħrfu aħjar kif aħna lkoll niffittjaw f’ dan il-pjan kbir ta’ mħabba. Jagħti ħajja u skop lil kull ħaġa li aħna nagħmlu. Issa, minkejja l-ferħ kollu li niksbu hekk kif aħna nifhmu aħjar id-Dawl ta’ Kristu, diffiċli nqabbluh mal-ferħ li aħna nħossu meta naraw id-Dawl ta’ Kristu jaħdem f’ ħaddieħor—fil-familja, fil-ħbieb u saħansitra f’nies li ma nafuhomx.
Jiena ħassejt dan il-ferħ meta jiena smajt dwar l-isforz li għamlu grupp mill-aktar qalbieni ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar li ssieltu biex isalvaw ċentru tal-wited ġewwa n-Nofsinhar ta’ Kalifornja li, fis-sena 2015, ħa n-nar. Hekk kif in-nar beda jinfirex, wieħed kmandant tal-armata ċempel lil wieħed ħabib tiegħu membru tal-Knisja biex jistaqsih fejn kienu r-relikwi sagri u l-kalċi tas-sagrament biex huma jaraw kif jistgħu jiġu salvati. Sieħbu assigurah li ma kien hemm l-ebda relikwi sagri u li t-tazzi tas-sagrament setgħu jinbidlu b’ mod mill-aktar faċli. Iżda l-kmandant ħass li kellu jagħmel xi ħaġa aktar, għalhekk huwa bagħat lura fil-bini jaqbad lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar biex isalvaw minn mal-ħajt kull pittura ta’ Kristu li huma setgħu jippreservaw. Huma anke poġġew waħda fit-trakk tan-nar bit-tama li hija tasal biex tipproteġi lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar. Jiena verament ħassejtni kommoss bit-tjubija u s-sensittività li l-kmandant kellu lejn id-Dawl waqt mument mill-aktar perikoluż u diffiċli.
F’ dinja dejjem qed tiddallam, id- Dawl ta’ Kristu se jibqa’ jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett!
Se nirrepeti kliem Pawlu: “Ejjew nilbsu l-armi tad-dawl.” Jiena nixhed dwar Kristu. Huwa d-Dawl tad-Dinja. Jalla aħna nissaħħu permezz tad-dawl li hu disponibbli għalina jekk aħna nipparteċipaw aktar fil-knisja u napplikaw aħjar il-prinċipji tal-evanġelju fil-familji tagħna. Jalla aħna naraw id-Dawl ta’ Kristu f’ ħaddieħor b’ mod kostanti u ngħinuhom biex huma stess jaraw dan fihom infushom. Hekk kif aħna nirċievu dan id-dawl, aħna niġu mberkin b’ aktar dawl, sewwasew sal-milja tal-jum meta aħna nerġgħu naraw lil “Missier id-dawl,” Missierna tas-Smewwiet. Jiena dan nixhed fl-isem imqaddes tad-Dawl tad-Dinja, sewwasew Ġesù Kristu, amen.