2010-2019
“Imxu Miegħi”
April 2017


“Imxu Miegħi”

L-ordinazzjoni tagħna għas-saċerdozju hija stedina mill-Mulej biex aħna nimxu Miegħu, biex nagħmlu dak li jagħmel Hu, biex inservu lil ħaddieħor kif iservi Hu.

Għeżież ħuti tas-saċerdozju, l-għan tiegħi llum hu li naċċertakom u nsaħħaħkom fis-servizz saċerdotali tagħkom. Sa ċertu punt, nimmaġina li dan jixbah l-għan li kellu s-Salvatur meta Huwa ltaqa’ ma’ żagħżugħ għani li staqsieh, “X’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mattew 19:16). Jista’ jkun li intom ġejtu għal din il-konferenza, bħalma dan iż-żagħżugħ mar għand is-Salvatur, tiddubitaw jekk is-servizz tagħkom kienx aċċettabbli għalih. U fl-istess ħin, tafu tħossu li għad hemm aktar x’ tagħmlu—probabilment ferm aktar! Nitlob li jien inkun kapaċi nikkomunika magħkom l-approvazzjoni kollha mħabba tal-Mulej għal dak kollu li intom diġà għamiltu, filwaqt li b’ mod mill-aktar inkuraġġanti jien indewwaqkom ftit minn dak li intom, bl-għajnuna Tiegħu, għad tistgħu tiksbu bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju mqaddes Tiegħu.

Ir-raġel żagħżugħ u għani ġie mitlub biex ibiegħ dak kollu li kellu u jagħtih lill-foqra u jimxi wara s-Salvatur; jista’ jkun li intom mhux se tintalbu tagħmlu dan biex timxu ‘l quddiem, iżda se jkun jeħtieġ minnkom żgur ftit ta’ sagrifiċċju mhux ħażin. Jiġri x’ jiġri, nittama li l-messaġġ tiegħi ma jwassalkomx biex “titilqu minn hawn b’ qalbkom sewda,” kif għamel dak iż-żagħżugħ. (Ara Mattew 19:20–22.) Pjuttost, nittama li intom “titilqu minn hawn ferħanin” (D&C 84:105) għaliex tixtiequ tkunu aħjar milli intom u taħsbu verament li kapaċi tagħmlu dan.

Iżda xorta waħda, hija ħaġa naturali li nħossuna xi ftit inadegwati meta aħna nikkunsidraw x’ sejħilna biex nagħmlu l-Mulej. Fil-fatt, jekk tgħiduli li tħossukom perfettament kapaċi li twettqu d-dmirijiet tagħkom tas-saċerdozju, naf ninkwieta li hemm ċans li intom mhux qed tifhmu sewwa x’inhu mitlub minnkom. Mill-banda l-oħra, jekk tgħiduli li tħossukom taqtgħu qalbkom peress li l-ħidma li ġejtu mogħtijin tmur lil hinn mill-kapaċitajiet tagħkom, mela jiena rrid ngħinkom tifhmu kif il-Mulej jista’ jkabbar u jsaħħaħ lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju Tiegħu biex huma jwettqu ħwejjeġ li mingħajru żgur qatt ma jkunu kapaċi jwettqu.

Dan japplika għalija fis-sejħa tiegħi daqs kemm japplika għalikom. Ħadd minna ma jista’ jwettaq il-ħidma tas-saċerdozju, u jwettaqha sew, billi jiddependi biss fuq l-għerf u t-talenti tiegħu. Dan għaliex din mhijiex il-ħidma tagħna—hija l-ħidma tal-Mulej. Għalhekk l-uniku mod kif inti tista’ tirnexxi hu billi tafda fih, kemm jekk inti tfajjel li għadu kemm ġie msejjaħ djaknu u li ġejt fdat biex twassal xi ftit qawwa spiritwali għall-ordinanza tas-sagrament; kemm jekk inti għalliem tad-dar żagħżugħ imqabbad mill-Mulej biex tħobb u tgħin lil xi membri ta’ familja li inti lanqas biss taf u li qed juruk li huma la huma lesti li jaċċettaw l-imħabba tiegħek u lanqas l-għajnuna tiegħek; kemm jekk inti missier li taf li ġejt mitlub biex tippresiedi fid-dar tiegħek b’ mod ġust, iżda forsi m’intix ċert kif għandek tagħmel dan, u jidher li ż-żmien għaddej, għaliex dawk it-tfal qed jikbru bis-sigħat u d-dinja tidher li hi waħda mill-aktar ħarxa u ostili.

Għalhekk jekk intom tħossu piż mhux ħażin fuqkom, dan ħuduh bħala sinjal tajjeb. Dan jindika li intom tistgħu verament tagħrfu l-kobor tal-fiduċja li Alla wera fikom. Dan ifisser li intom għandkom idea ta’ x’inhu verament is-saċerdozju.

Ftit huma n-nies fid-dinja li jifhmu dan. Anke dawk li jafu jagħtuk spjegazzjoni raġjonevoli ta’ xi jfisser dan jafu ma jkunx verament qed jifhmuh sew. Hemm passaġġi fl-iskrittura li, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu li huma jittrasmettu, jistgħu jkabbru s-sens tagħna ta’ riverenza lejn is-saċerdozju mqaddes. Din li ġejja hi xi skrittura minnhom:

“Il-qawwa u l-awtorità tas- … Saċerdozju Melkisedeku, hi li dan iħaddan l-imfietaħ għall-barkiet spiritwali kollha tal-knisja—

“Li wieħed ikollu l-privileġġ li jirċievi l-misteri tas-saltna tas-smewwiet, li jkollu kuntatt dirett mas-smewwiet, li jikkomunika mal-assemblea ġenerali u mal-knisja tal-Ewwel Wild, u li jgawdi l-komunjoni u l-preżenza ta’ Alla l-Missier, u ta’ Ġesù l-medjatur tal-patt il-ġdid.

“Il-qawwa u l-awtorità tas- … Saċerdozju Aaroniku, hi li dan iħaddan l-imfietaħ tal-qadi tal-anġli” (D&C 107:18–20).

“Fl-ordinanzi tas-saċerdozju, tidher il-qawwa tad-divinità. …

“Għaliex mingħajru l-ebda bniedem ma jista’ jara wiċċ Alla, l-istess Missier, u jgħix” (D&C 84:20, 22).

“Dan is-saċerdozju ogħla hu skont l-ordni ta’ Iben Alla, liema ordni ilha mis-sisien tad-dinja; jew fi kliem ieħor, la għandha bidu u lanqas tmiem, peress li ġiet imħejjija mill-eternità sal-eternità kollha, skont l-għarfien minn qabel tiegħu ta’ kull ħaġa” (Alma 13:7).

“Kull bniedem li jiġi ordnat wara din l-ordni u din is-sejħa għandu jkollu l-qawwa, permezz tal-fidi, li jkisser il-muntanji, li jissepara l-ibħra, li jnixxef l-ilmijiet, li jbiddel triqthom.

“Li jisfida l-armati tal-ġnus, li jiddividi d-dinja, li jkisser kull rabta, li jieqaf fil-preżenza ta’ Alla; li jagħmel kull ħaġa skont ir-rieda tiegħu, skont il-kmand tiegħu, li jaħkem fuq prinċipalitajiet u qawwiet; u dan skont ir-rieda ta’ Iben Alla li kien minn qabel is-sisien tad-dinja” (Traduzzjoni ta’ Joseph Smith, Ġenesi 14:30–31 [fl-appendiċi tal-Bibbja]).

Mod kif aħna nistgħu nwieġbu għal deskrizzjoni mill-aktar meraviljuża u li tispirana bħal din dwar il-qawwa tas-saċerdozju hi li aħna nassumu li din ma tapplikax għalina. Mod ieħor hu li aħna nwieġbu għaliha billi fil-qiegħ ta’ qalbna nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet profondi bħal dawn li ġejjin: Jiena qatt kelli kuntatt dirett mas-smewwiet? Tgħid hawn min juża l-frażi “qadi tal-anġli” biex jiddeskrivi s-servizz saċerdotali tiegħi? Inwassal jiena “l-qawwa tad-divinità” fil-ħajja ta’ dawk li nservi? Jiena qatt kissirt xi muntanja, sfidajt xi armata, kissirt l-irbit ta’ xi ħadd jew rażżant xi qawwiet tad-dinja—anke jekk b’ mod figurattiv—sabiex inwettaq ir-rieda ta’ Alla?

Din l-evalwazzjoni tagħna nfusna twasslilna sentiment ġo fina li aħna forsi stajna għamilna ferm aħjar fis-servizz tagħna għall-Mulej. Nittama li twasslilkom ukoll sentiment li intom verament tixtiequ tagħmlu aktar milli qed tagħmlu—xewqa kbira li tipparteċipaw b’ mod sħiħ fil-ħidma mirakoluża tal-Mulej. Sentimenti bħal dawn huma l-ewwel pass biex aħna nsiru rġiel li s-servizz saċerdotali tagħna jkun ifisser li nipproduċu.

Il-pass li jmiss hu deskritt f’ konverżazzjoni bejn Ġehova u Ħenok. Aħna nafu li Ħenok kien profeta setgħan li waqqaf Sijon f’ nofs ħażen enormi. Iżda qabel huwa kien profeta setgħan, Ħenok kien iħares lejh innifsu bħala “sempliċiment tfajjel, … tqil f’fommu,” u mibgħud minn kulħadd (Moses 6:31). Isimgħu l-kliem li l-Mulej uża biex jinkuraġġixxi lil Ħenok. Kliemu qed jiġi indirizzat lilkom kollha li, bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju, ġejtu msejħin biex tamministraw lil ħaddieħor:

"U l-Mulej qal lil Ħenok: Mur u agħmel kif tlabtek, u l-ebda bniedem mhu se jippenetrak. Iftaħ ħalqek, u ħalqek jimtela, u jiena ngħinek titkellem, għaliex kull bniedem jinsab f’ idejja, u jien se nagħmel kif naħseb li hu l-aħjar. …

“Ara l-Ispirtu tiegħi jinsab fuqek, għalhekk jiena niġġustifika dak kollu li inti tgħid; u l-muntanji jaħarbu minn quddiemek, u x-xmajjar idawru r-rotta tagħhom; u inti ibqa’ fija, u jiena fik; għalhekk imxi miegħi” (Moses 6:32, 34).

Ħuti, l-ordinazzjoni tagħna għas-saċerdozju hija stedina mill-Mulej biex aħna nimxu Miegħu. U xi tfisser li nimxu mal-Mulej? Ifisser li nagħmlu dak li jagħmel Hu, li naqdu kif jaqdi Hu. Huwa ssagrifika l-kumdità Tiegħu biex ibierek lil dawk fil-bżonn, għalhekk aħna nippruvaw nagħmlu l-istess. Hu jidher li Hu kien jieħu interess partikolari f’ nies li kienu jiġu mwarrbin u saħansitra abbandunati mis-soċjetà, għalhekk aħna għandna nippruvaw nagħmlu l-istess. Huwa xehed b’ qawwa iżda b’ imħabba dwar id-duttrina vera li Huwa rċieva mingħand Missieru, anke jekk din ma kenitx xi waħda popolari, u aħna għandna nagħmlu l-istess. Huwa qal lil kulħadd, “Ejjew għandi” (Mattew 11:28), u aħna ngħidu lil kulħadd, “Ejjew għandu.” Bħala rġiel li nħaddnu s-saċerdozju, aħna rappreżentanti Tiegħu. Li nagħmlu ma nagħmluhx għalina nfusna iżda għalih. Il-kliem li ngħidu mhux tagħna iżda Tiegħu. In-nies li aħna nservu lilu jsiru jafuh aħjar minħabba s-servizz tagħna.

Hekk kif aħna naċċettaw l-istedina tal-Mulej “Imxu miegħi,” in-natura tas-servizz saċerdotali tagħna tinbidel. Kull ħaġa li nagħmlu mhux biss issir aktar divina u nobbli, iżda aktar possibli, għaliex aħna nafu li m’aħniex weħidna. Jiena ħassejt dan b’ qawwa kbira meta disa’ snin ilu l-President Thomas S. Monson poġġa jdejh fuq rasi u berikni hekk kif jien bdejt is-servizz tiegħi fis-sejħa kurrenti tiegħi. F’ dik il-barka, huwa kkwota dan il-kliem tas-Salvatur: “U kull min jilqagħkom, hemm inkun jiena wkoll, għax jiena se nkun quddiemkom. Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.” (D&C 84:88).

Din il-wegħda kienet ta’ gwida għalija bosta drabi, u jiena rajtha tiġi fis-seħħ f’ diversi modi tul it-72 sena ta’ servizz saċerdotali tiegħi. Jien esperjenzajt dan meta kont ġuvni li kont għadni kif ġejt mogħti s-Saċerdozju Aroniku u kont ġejt mitlub ngħaddi s-sagrament. Imbeżża’ li kont se nagħmel xi żball, qabel bdiet il-laqgħa jiena ħriġt mill-kappella u b’ disprament tlabt lil Alla biex jgħinni. Huwa sema’ t-talba tiegħi. Jiena ħassejt li l-Mulej kien miegħi. Jiena ħassejt li huwa kellu verament fiduċja fija għalhekk jiena mtlejt b’ fiduċja b’ dak li kelli nagħmel.

Jien erġajt esperjenzajt dan meta kont qed inservi bħala isqof. Jiena rċevejt telefonata mingħand mara li kienet żbaljat b’ mod serju u issa kienet qed tħabbat wiċċha ma’ deċiżjoni mill-aktar diffiċli li kienet se taffettwalha l-kumplament ħajjitha. Hekk kif iltqajt magħha, jiena ħassejt li kont naf it-tweġiba għall-problema tagħha, iżda ħassejt ukoll b’ qawwa li jien ma kellix ngħidilha x’ kellha tagħmel—kien jeħtieġ li hi stess titlob biex issir taf dan. Jiengħedtilha li “jiena nemmen li Alla żgur jurik x’ għandek tagħmel jekk inti tistaqsih.” Aktar tard hija ġiet tgħidli li hija staqsietu u Huwa qalilha x’ kellha tagħmel.

F’ okkażżjoni oħra, meta kont isqof, jien irċevejt telefonata, din id-darba mingħand il-pulizija. Qaluli li wieħed sewwieq xurban baqa’ dieħel mill-ħġieġ tal-entratura ta’ bank bil-karozza b’ kollox sa ġewwa . Meta s-sewwieq imħawwad ra quddiemu l-gwardja tas-sigurtà jipponta l-arma li kellu lejh, huwa qallu, “Tisparax! Jiena Mormon!”

Is-sewwieq xurban instab li kien membru tal-qasam tiegħi, li kien għadu kif tgħammed. Hekk kif kont qed nistenna biex ikellmu fl-uffiċċju tal-isqof, jien bdejt nippjana x’ se ngħidlu biex jien inwasslu ħalli jiddispjeċih għall-mod kif huwa kien kiser il-patti tiegħu kif ukoll imbarazza l-Knisja. Iżda hekk kif jien poġġejt bilqiegħda nħares lejh, smajt leħen ġewwa moħħi jgħidli b’ mod ċar daqs li kieku kien hemm xi ħadd ikellimni, “Jien se ngħinek tħares lejh kif inħares lejh jiena.” Imbagħad, għal mument qasir, id-dehra sħiħa tiegħu nbidlet quddiemi. Quddiemi jiena ma rajtx żagħżugħ mill-aktar imfixkel iżda iben ta’ Alla mdawwal u nobbli. Fil-pront jiena ħassejt fija l-imħabba li l-Mulej kellu lejh. Dik il-viżjoni biddlet il-konverżazzjoni li aħna kellna flimkien. Wasslet biex biddlet lili wkoll.

Minn dawn l-esperjenzi li fihom jien kont qed nimxi mal-Mulej hekk kif kont qed inwettaq il-ħidma Tiegħu, jiena tgħallimt lezzjonijiet mill-aktar importanti. Nixtieq naqsam magħkom tlieta minnhom. L-ewwel waħda hi li Alla jinnota u jissapportja anke l-aktar djaknu ġdid u żagħżugħ. Qatt m’għandkom tħossukom li intom żgħar wisq jew insinifikanti wisq biex Huwa jinduna bikom jew bis-servizz li intom qed toffru f’ ismu.

It-tieni lezzjoni hi li l-ħidma tal-Mulej mhijiex biss biex issolvi l-problemi; hija wkoll biex tibni n-nies. Għalhekk hekk kif intom timxu Miegħu fis-servizz saċerdotali tagħkom, intom tafu ssibu li xi kultant dik li tidher li hi l-aktar soluzzjoni effiċjenti ma tkunx is-soluzzjoni ppreferita tal-Mulej għaliex ma twassalx biex in-nies verament jiżviluppaw. Jekk Tisimgħu, Huwa Jgħallimkom Triqatu Ftakru li l-ħidma u l-glorja ta’ Alla mhumiex sempliċiment li xi organizzazzjoni titmexxa kif għandha titmexxa; iżda li jġibu “fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem” (Moses 1:39). Din hi, wara kollox, ir-raġuni għalfejn Huwa ta l-awtorità saċerdotali Tiegħu lil nies mortali u dgħajfin bħalek u bħali u Hu jistedinna biex aħna nipparteċipaw fil-ħidma Tiegħu. Il-progress tagħna hi l-ħidma Tiegħu!

Issa t-tielet lezzjoni: Jekk aħna nimxu mas-Salvatur fis-servizz saċerdotali, dan iwassal biex aħna nibdew inħarsu lejn ħaddieħor b’ mod differenti. Huwa jgħallimkom biex tħarsu lejhom kif iħares lejhom Hu, jiġifier li intom tħarsu lil hinn mid-dehra fiżika tagħhom u taraw x’ hemm f’ qalbhom (ara 1 Samwel 16:7). Kien minħabba f’hekk li s-Salvatur irnexxielu jara lil Xmun mhux bħala s-sajjied mill-aktar impulsiv iżda bħala Pietru, il-mexxej futur tal-Knisja Tiegħu mill-aktar sod (ara Luqa 5:1–11). Kien minħabba f’hekk li Huwa rnexxielu jara lil Żakkew mhux bħala l-bniedem korrott li jiġbor it-taxxi, kif kien iħares lejh ħaddieħor, iżda bħala bin Abraham, raġel mill-aktar onest u ġust (ara Luqa 19:1–9). Jekk tgħaddu biżżejjed ħin mexjin mas-Salvatur, intom titgħallmu taraw lil kulħadd bħala iben jew bint Alla b’ potenzjal mingħajr limitu, kien x’ kien il-passat tagħhom. U jekk tkomplu timxu mas-Salvatur, intom tiżviluppaw don ieħor li Huwa għandu—l-abbiltà li tgħinu lin-nies jaraw dak l-istess potenzjal fihom infushom u għalhekk jindmu.

Għeżież ħuti tas-saċerdozju, f’ ħafna affarijiet, aħna nixbhu liż-żewġ dixxipli li mxew it-triq lejn Għemmaws f’ dak l-ewwel Ħadd il-Għid. Kienet l-għodwa tar-Reżurezzjoni, iżda ma kenux għadhom ċerti li kienet verament seħħet reżurezzjoni jew x’kienet tfisser din ir-reżurezzjoni. Huma kienu “ttamaw li Ġesù ta’ Nazaret kellu jifdi lil Iżrael,” iżda huma kienu “tqal biex jemmnu” kull ħaġa li l-iskrittura għallmet dwar ir-reżurezzjoni. Hekk kif huma kienu mexjin u jippruvaw jiddiskutu dan bejniethom, “Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.” (Ara Luqa 24:13–32.)

Jiena nixhed li meta aħna nimxu fit-triq tas-servizz saċerdotali, is-Salvatur Ġesù Kristu jibda jimxi magħna, għaliex hija l-istess triq Tiegħu. Id-dawl Tiegħu jgħaddi quddiemna, u l-anġli Tiegħu jkunu jinsabu madwarna. Aħna nafu ma nifhmux għal kollox x’inhu s-saċerdozju jew kif għandna nħaddmuh kif iħaddmu Hu. Iżda jekk aħna noqogħdu attenti għal dawk il-mumenti li fihom aħna nħossu qlubna “jitkebbsu ġewwa fina” (Luqa 24:32), għajnejna jkunu jistgħu verament jinfetħu u aħna naslu biex naraw l-influwenza Tiegħu f’ ħajjitna u fis-servizz tagħna. Jiena nixhed li l-aħjar mod kif insiru nafuh hu billi naħdmu Miegħu u naqduh fil-ħidma kbira li twassal is-salvazzjoni lil ulied Alla. “Għax kif bniedem jista’ jkun jaf l-imgħallem li qatt ma serva, u li għalih hu barrani, u li jinsab ‘il bogħod minn ħsibijietu u mill-intenzjoni ta’ qalbu?” Mosiah 5:13. Ġesù Kristu Huwa l-Imgħallem tagħna. Din hi l-Knisja Tiegħu. Is-saċerdozju li aħna nħaddnu hu s-saċerdozju Tiegħu. Jalla aħna lkoll nagħżlu li nimxu Miegħu u nagħrfu kif Huwa jimxi magħna.

Jiena nagħtikom ix-xhieda solenni tiegħi li Ġesù hu l-Kristu, Il-Mulej tagħna mqajjem mill-imwiet. Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li s-saċerdozju li Huwa fdana bih huwa l-qawwa li aħna nitkellmu u naġixxu f’ ismu. Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna li jisma’ talbna u jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex isaħħaħna f’ kull responsabbiltà tas-saċerdozju li aħna mberkin li nirċievu. Joseph Smith ra l-Missier u l-Iben. Huwa rċieva l-imfietaħ tas-saċerdozju, li għaddew għand il-President Thomas S. Monson, li qed iħaddem dawn l-imfietaħ illum. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.