12.
Ġesù Kristu jwassal il-ferħ
Doctrine and Covenants 101:36
Missierkom fis-Smewwiet huwa kollu ferħan. Huwa jrid li intom, uliedu, ikollkom kemm jista’ jkun ferħ. Għalhekk hu ħejja l-pjan tal-ferħ. Huwa bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun is-Salvatur tagħkom u jgħallem l-evanġelju tiegħu. Il-kelma evanġelju tfisser “aħbar tajba,” u l-aħbar it-tajba hi li minħabba Ġesù Kristu, intom jista’ jkollkom il-ferħ f’din il-ħajja u milja ta’ ferħ għall-eternità.
Veritajiet Eterni
Intom intenzjonati li jkollkom il-kuntentizza u l-ferħ. Dan hu l-għan ta’ ħajjitkom. Huwa l-għan tal-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet. Dan ma jfissirx li intom qatt mhu se tkunu mdejqin jew qatt mhu se jkollkom żminijiet diffiċli. Iżda dan ifisser li s-Salvatur jista’ jgħinkom tgħixu fi żminijiet diffiċli u ssibu l-ferħ.
Il-ferħ ma jinkisibx mċ-ċirkustanzi tagħkom; jinkiseb meta nimxu wara Ġesù Kristu. Jista’ jkollkom jum ħażin, ġimgħa ħażina, jew sena ħażina. Iżda l-ferħ mhuwiex in-nuqqas ta’ niket f’ħajjitkom; huwa l-preżenza ta’ Kristu f’ħajjitkom.
Il-ferħ tas-Salvatur huwa akbar u aktar dejjiem minn kull ħaġa oħra. Satana jġarrabkom biex tfittxu l-gost u s-sodisfazzjon b’mod egoistiku jew mill-pjaċiri tad-dinja. Kull ħaġa li tmur kontra Ġesù Kristu u l-kmandamenti tiegħu ma tistax iġġiblek ferħ u hena ta’ vera u dejjiema. Ftakru li l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja huma temporanji. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu joffrilna l-ferħ u l-hena li huma profondi, qaddisa, u eterni.
Stediniet
Agħżlu l-ferħ. Għalkemm huwa veru li f’din id-dinja hemm in-niket u t-tbatija, Missierna fis-Smewwiet mela wkoll lid-dinja b’ħafna ħwejjeġ sbieħ u denji. Fittxuhom. Ippruvaw innutaw raġunijiet għalfejn għandkom tifirħu kuljum—forsi anke iktbuhom. Dawn huma rigali mingħand Missierkom fis-Smewwiet li tant iħobbkom.
Ġibu l-ferħ u l-kuntentizza lil ħaddieħor. Ġesù Kristu sab milja ta’ ferħ billi ġabilna l-ferħ. Intom tistgħu timxu wara l-eżempju tiegħu billi ssibu l-ferħ u l-hena meta sservu lil ħaddieħor. Għinu biex xi ħadd iħossu maħbub. Ikkumplimenta lil xi ħadd b’mod sinċier. Ħeġġu lil xi ħadd li jinsab jitqabad. Jekk intom xi darba tħossukom li teħtieġu aktar ferħ f’ħajjitkom, ippruvaw ġibu l-ferħ lil xi ħadd ieħor.
Kunu ferħanin meta tqimu lill-Mulej. Meta tmorru l-knisja, iffokaw fuq il-ferħ li jagħtikom Ġesù Kristu, u faħħruh għal dan! Agħmlu l-parti tagħkom biex tikkontribwixxi għal spirtu ta’ ferħ fil-laqgħat tagħkom tal-Knisja. Agħmlu l-mużika sagra parti mill-qima tagħkom fid-dar u fil-knisja.
Barkiet Imwiegħda
Intom tistgħu tħossu l-ferħ anke meta l-ħajja tkun diffiċli. Forsi tistaqsu kif dan hu possibbli, iżda infatti huwa veru. Il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu, il-qawwa tiegħu tal-fejqan, u l-wegħdiet eterni tiegħu jistgħu jagħtukom ferħ kostanti. Il-ferħ tiegħu jegħleb in-niket u jwasslilna l-paċi li twassal kull għarfien.
Milja ta’ ferħ tistenniekom fis-saltna ċelestjali ta’ Alla. Ġesù Kristu għeleb kull ħaġa li tista’ żżommkom milli tirċievu l-ferħ etern. Hekk kif tafdaw fih u timxu warajh, dan il-ferħ ikun tagħkom.
Mistoqsijiet u Tweġibiet
Jekk l-evanġelju huwa ta’ ferħ, għalfejn inħossni daqstant imdejjaq? Li tħossukom imdejqin mhuwiex sinjal li intom m’intomx qed tgħixu l-evanġelju. Il-ħajja ta’ kulħadd tinkludi l-avversità, l-isfidi, u n-niket. Li nimxu wara Ġesù Kristu ma jibdilx dan, iżda jgħaqqadkom ma’ Salvatur li jista’ jfarraġkom u jgħinkom issibu l-ferħ u l-kuntentizza.
Għalfejn hawn daqstant sofferenza fid-dinja? Xi wħud mit-tbatijiet fid-dinja niksbuhom għaliex in-nies jużaw il-volontà tagħhom biex jagħmlu għażliet ħżiena. Dan jista’ jikkawża s-sofferenza għalihom infushom u għal nies oħra. F’każijiet oħra, it-tbatija mhi ħtija ta’ ħadd—hija biss riżultat li ngħixu f’dinja imperfetta. Hi x’inhi l-kawża, taf tkun ta’ qsim il-qalb li taraw lil xi ħadd ibati, speċjalment lil xi ħadd li tħobbu. Kunu assigurati li Alla huwa wkoll imnikket meta intom issofru. Huwa jagħti ċ-ċans li l-isfidi tal-mortalità jgħinukom tikbru u titħejjew għall-ferħ etern miegħu, iżda huwa ma jħallikomx tbatu weħidkom. Huwa bagħat lil Ġesù Kristu biex jieħu fuqu nnifsu l-uġigħ tagħkom ħalli jkun jista’ jgħinkom. Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħkom! U hu jistedinkom, bħala d-dixxipli tiegħu, biex tagħmlu dak li tistgħu ħalli tgħinu biex tittaffa t-tbatija ta’ ħaddieħor.
Ara Salm 16:11 (fil-preżenza ta’ Alla hija milja ta’ ferħ); 95:1 (kanta lill-Mulej); Ġwanni 16:33 (agħmlu l-qalb; Ġesù Kristu għeleb id-dinja); Galatin 5:22 (il-frott tal-Ispirtu huwa l-ferħ); Lhud 12:2 (Ġesù sofra s-sofferenza tiegħu minħabba l-ferħ li nsalvaw lil ulied Alla); 2 Nefi 2:25 (Alla jrid li jkollkom il-ferħ); Alma 26:15–16 (li nagħmlu l-ħidma ta’ Alla jwassal għall-ferħ); Doctrine and Covenants18:15–16 (kemm ikun kbir il-ferħ tagħkom meta intom tgħinu lil ħaddieħor jersaq lejn Kristu).
Mistoqsija għar-Rakkomandazzjoni tat-Tempju
-
Għandek testimonjanza tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu u tal-irwol tiegħu bħala s-Salvatur u l-Feddej tiegħek?