Żgħażagħ
11. Il-verità tagħmlek ħieles


Żagħżugħ fi żminijiet tal-qedem jaqra minn skroll

Feast Upon the Word, ta’ Liz Lemon Swindle. Bil-kortesija ta’ Havenlight

11.

Il-verità tagħmlek ħieles

Ġwanni 8:32

Missierkom fis-Smewwiet huwa Alla tal-verità. Huwa omnixxenti. Il-verità kollha ġejja minnu u twassal għalih. Intom turu li intom taraw siwi fil-verità hekk kif intom tfittxu li titgħallmu, tgħixu b’integrità, u tieqfu b’kuraġġ għal dak li tafu li hu tajjeb—anke jekk tridu tieqfu weħidkom.

Veritàjiet Eterni

Missierna fis-Smewwiet irid li wliedu jkunu dejjem qed jitgħallmu. Intom għandkom raġunijiet kemm temporali kif ukoll spiritwali biex tfittxu u tħobbu t-tagħlim. L-edukazzjoni mhijiex biss dwar kif għandna nagħmlu l-flus. Hija parti mill-għan etern tagħkom li ssiru tixbhu aktar lil Missierna fis-Smewwiet.

Li tgħixu b’integrità jfisser li tħobbu dak li hu sewwa f’ħarset Alla—ferm aktar milli tħobbu l-faraġ, il-popolarità, jew il-konvenjenza personali. Ifisser li nagħmlu dak li hu sewwa sempliċiment għaliex huwa sewwa.

Intom għandkom xi ħaġa prezzjuża x’taqsmu ma’ ħaddieħor. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ħajja. Huwa t-triq li twassal għas-sigurtà u l-paċi. Jista’ jkun li intom ma tafux kollox, iżda tafu biżżejjed li tħobbu lil għajrkom, taqsmu l-prinċipji vera magħhom, u tistednuhom biex jitgħallmu aktar.

Stediniet

Dejjem kunu qed titgħallmu. Fittxu opportunitajiet biex tespandu moħħkom u l-ħiliet tagħkom. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jinkludu l-edukazzjoni formali fl-iskola jew fit-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll tagħlim informali minn sorsi li tafda fihom. Involvu lill-Mulej fl-isforzi tagħkom, u hu jiggwidakom.

Tgħallmu veritajiet spiritwali. Hekk kif titgħallmu dwar id-dinja ta’ madwarkom, tgħallmu wkoll dwar is-Salvatur. … Studjaw ħajtu u t-tagħlim tiegħu. Agħmlu s-seminarju, l-istitut, u l-istudju personali tal-evanġelju parti mit-tagħlim tagħkom tul ħajjitkom. Dan kollu jista’ jħejjikom biex isservu missjoni u taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor tul ħajjitkom.

Għixu b’integrità. Tisirqux, tilagħbux, la tingannaw u lanqas tqarrqu bl-ebda mod—fl-iskola, fuq ix-xogħol, onlajn, kullimkien. Kunu l-istess dixxipli fidili ta’ Ġesù Kristu fil-pubbliku u fil-privat.

nies għarkupptejhom quddiem Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet

Barkiet Imwiegħda

L-edukazzjoni tkabbar l-abbiltà tagħkom li sservu lill-Mulej, inkluż bħala missjunarji. Tagħtikom is-setgħa li tbierku lil ħaddieħor, speċjalment lill-familja tagħkom. Aktar ma titgħallmu, aktar tistgħu tgħinu fil-bini tas-saltna ta’ Alla u tinfluwenzaw id-dinja għat-tajjeb.

L-onestà ġġib il-paċi u l-awto-rispett. Meta kliemkom u l-għemejjel tagħkom jallinjaw ruħhom mal-verità, intom turu li intom tistgħu tkunu fdati minn ħaddieħor u mill-Mulej.

Meta intom tieqfu favur it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, huwa jinsab wieqaf fostkom. Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħkom! Oħrajn jafu ma jaqblux mat-twemmin tagħkom, iżda l-kuraġġ u s-sinċierità tagħkom se jiġu nnutati. Sew jekk ħaddieħor jimxi wara l-eżempju tagħkom, sew jekk le, it-testimonjanza, il-kunfidenza u l-fidi tagħkom fi Kristu tikber.

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Mhux ħażin li jkollna mistoqsijiet dwar il-Knisja? Kif nista’ nsib it-tweġibiet? Li jkollna l-mistoqsijiet mhuwiex sinjal ta’ dgħjufija jew nuqqas ta’ fidi. Fil-fatt, li tistaqsu mistoqsijiet jistgħu jgħinu biex tinbena l-fidi. Ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju bdiet meta Joseph Smith, tfajjel ta’ 14-il sena, staqsa mistoqsijiet b’fidi. Fittxu tweġiba fl-iskrittura, fi kliem il-profeti ta’ Alla, mill-mexxejja tagħkom u mill-membri fidili tal-familja tagħkom, u mingħand Alla nnifsu. Jekk it-tweġibiet ma jiġux mill-ewwel, afdaw li intom titgħallmu linja wara linja. Ibqgħu għixu skont dak li diġà tafu, u komplu fittxu l-verità.

Kif nista’ nieqaf favur dak li hu sewwa mingħajr ma noffendi lil dawk li għandhom twemmin differenti? Ibdew billi tiżguraw li kliemkom u l-għemejjel tagħkom jiġu ispirati mill-imħabba lejn Alla u lejn uliedu. Li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor m’għandniex nagħmluh fi spirtu ta’ tilwim iżda pjuttost b’ċarezza, manswetudni, u tjubija. Intom tistgħu tħobbu lil ħaddieħor anke jekk ma taqblux mal-fehmiet tagħhom. Kunu ta’ eżempju tajjeb bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu bil-mod li tgħixu.

Ara Mattew 5:14–16 (ħallu d-dawl tagħkom jiddi); Ġwanni 14:6 (Ġesù huwa l-verità); 1 Pietru 3:15 (kunu dejjem lesti biex taqsmu t-tama tagħkom fi Kristu); Doctrine and Covenants 88:77–80 (ħwejjeġ li l-Mulej iridna nitgħallmu); 88:118 (fittxu l-għerf mill-aqwa kotba); 93:36 (il-glorja ta’ Alla hija l-intelliġenza); 124:15 (l-integrità tfisser li tħobbu dak li hu sewwa); 130:18 (l-intelliġenza tagħna tqum magħna meta nqumu mill-imwiet).

Mistoqsijiet ta’ Rakkomandazzjoni tat-Tempju

  • Tagħmel l-almu tiegħek biex tkun onest f’dak kollu li tagħmel?

  • Inti tissapportja jew tippromwovi xi tagħlim, drawwiet, jew duttrina li jmorru kontra dawk tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien?