7.
L-ordinanzi u l-patti jagħtuk aċċess għal qawwa divina
Missierkom fis-Smewwiet jinsab ħerqan biex jgħallimkom u jberikkom. Mod kif huwa jagħmel dan hu permezz ta’ ordinanzi bħall-magħmudija, il-konferma, u s-sagrament. Permezz ta’ ordinanzi bħal dawn, aħna nagħmlu patt, jew wegħda, ma’ Alla. Li żżommu l-patti jkabbar il-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom u jgħinkom titħejjew għall-ħajja eterna. Huwa għalhekk li l-ordinanzi u l-patti huma prezzjużi għalina—għaliex isaħħu l-konnessjoni tagħna ma’ Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna u jgħinuna nsiru aktar bħalhom.
Veritjiet Eterni
L-ordinanzi jidderiġukom lejn Ġesù Kristu. Ordinanza hija ċerimonja sagra b’tifsiriet simboliċi li jgħallmu dwar Ġesù Kristu. Per eżempju, is-sagrament mhuwiex sempliċiment ħobż u ilma. Ifakkarna fis-Salvatur.
Il-patti huma sinjal tal-imħabba, tal-fiduċja, u tal-aspettattivi ta’ Alla. Huma jieħdu r-relazzjoni tagħkom ma’ Alla f’livell aktar profond. Li tagħmlu patt juri li intom tħobbu lil Alla u tinsabu impenjati għalih. Intom tistgħu tafdaw fih, u huwa jista’ jafda fikom. B’dak l-impenn aktar profond jasal aċċess akbar għall-qawwa u l-għajnuna tiegħu hekk kif intom tħarsu l-patti tagħkom.
Intom tagħmlu patti ma’ Alla meta titgħammdu u tiġu kkonfermati u meta tieħdu sehem fis-sagrament. Meta titgħammdu, intom twiegħdu li tieħdu fuqkom innifiskom l-isem ta’ Ġesù Kristu, li taqduh, u li żżommu l-kmandamenti tiegħu tul ħajjitkom. Matul is-sagrament, intom twiegħdu wkoll li dejjem se tiftakru fih. Dawn huma l-wegħdiet tagħkom. Peress li intom lesti żżommuhom, Alla jwiegħed li jagħtikom l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħkom.
Stediniet
Ittrattaw is-sagrament bħal rigal sagru. Uru l-impenn tagħkom lejn Ġesù Kristu billi titħejjew għal esperjenza sagra matul is-sagrament. Xtarru x’tistgħu tagħmlu biex din l-ordinanza tagħmluha l-aktar mument spiritwali tal-ġimgħa tagħkom.
Fittxu s-Salvatur fl-ordinanzi. Meta taraw jew tipparteċipaw f’ordinanza, staqsu lilkom infuskom, “X’nitgħallem minn dan dwar Ġesù Kristu?” jew “Dan kif jista’ jressaqni aktar viċin tiegħu?” Oqogħdu attenti għal dak li jgħallimkom l-Ispirtu.
Araw li l-patti tagħkom jiggwidaw l-għemejjel tagħkom. Meta jkollkom għażla li tridu tagħmlu, ftakru fir-relazzjoni tal-patt tagħkom ma’ Alla. Kunu leali lejh. Staqsu lilkom infuskom: Dan jallinja ruħu mal-patti tiegħi? Per eżempju, jiena nħobb u nimministra lil ħaddieħor, infarraġ nies li jeħtieġu l-faraġ, u nieqaf bħala xhieda ta’ Kristu—kullimkien u dejjem?
Barkiet Imwiegħda
Jista’ jkollkom il-qawwa li tegħlbu t-tentazzjoni, id-dnub, u l-isfidi tal-ħajja. Li tagħmlu u żżommu l-patti jagħtikom aċċess għall-qawwa ta’ Alla. B’dik il-qawwa, intom tistgħu tiffaċċjaw kull ħaġa b’kunfidenza. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħkom!
Intom tistgħu tkunu nodfa u maħfura. Parti mill-wegħda ta’ Alla magħkom talli intom żżommu l-patt tal-magħmudija tagħkom hija maħfra ta’ dnubietkom. Dan ifisser li hekk kif intom tindmu u tħarsu l-wegħdiet tagħkom ma’ Alla, Huwa jaħfrilkom u jgħinkom titjiebu.
Intom jista’ jkollkom l-Ispirtu s-Santu dejjem magħkom. Wegħda oħra marbuta mal-magħmudija u s-sagrament hija s-sħubija kostanti tal-Ispirtu tiegħu u l-ministeru tal-anġli. M’għandkom qatt għalfejn tiffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja waħdedkom. Alla qatt ma jabbanduna lil uliedu tal-patt—intom tistgħu sserħu raskom dwar dan.
Intom jista’ jkollkom is-sapport tal-poplu tal-patt ta’ Alla. Intom tappartjenu għal komunità ta’ nies tal-patt fil-Knisja tas-Salvatur. Intom tgħinu u tħeġġu lil xulxin. Intom tibku flimkien u tifirħu flimkien. Intom iġġorru t-tagħbija ta’ xulxin. Il-familja tiegħek, l-isqof, il-mexxejja, u membri oħra tal-Knisja jinsabu hawn biex jgħinuk, u inti tista’ tgħinhom.
Mistoqsijiet u Tweġibiet
Nista’ nkun dixxiplu tajjeb ta’ Ġesù Kristu mingħajr ordinanzi u patti? Hemm bosta nies twajbin li b’sinċerità jimxu wara Ġesù Kristu, minkejja li qatt ma tgħammdu jew kienu fit-tempju. Madankollu, Missierna fis-Smewwiet irid li wliedu kollha jirċievu l-ordinanzi tiegħu u jagħmlu l-patti miegħu ħalli huma jkollhom aċċess akbar għall-għajnuna, għall-ħniena, u għall-qawwa tiegħu. Din hi waħda mir-raġunijiet ewlenin li Ġesù Kristu rrestawra l-Knisja tiegħu! Ulied Alla kollha se jkollhom l-opportunità—f’din il-ħajja jew f’li jmiss—li jaċċettaw l-ordinanzi u l-patti meħtieġa għall-ħajja eterna.
Mhux dejjem kont fidil lejn il-patti tiegħi. Hemm it-tama għalija? Iva! L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa evanġelju ta’ tama u ta’ bidu ġdid. Għalhekk kull ġimgħa aħna nieħdu s-sagrament. Missierna fis-Smewwiet kien jaf li konna se niżbaljaw u kien se jkollna bżonn bidu ġdid. Is-Salvatur ta ħajtu biex jagħtik triq lura. Hekk kif teżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu u tindmu, intom tistgħu terġgħu tiksbu aċċess għall-qawwa ta’ Alla.
Ara 1 Korintin 11:23–26 (meta nieħdu s-sagrament jurina li aħna nemmnu f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu); Mosija 18:10, 13 (il-patt tal-magħmudija); Doctrine and Covenants 13 (is-Saċerdozju ta’ Aron jinkludi l-imfietaħ tal-indiema, tal-magħmudija, u tal-ministeru tal-anġli); 20:37 (rekwiżiti għall-magħmudija); 20:77, 79 (talb tas-sagrament).
Mistoqsija għar-Rakkomandazzjoni tat-Tempju
-
Tagħmel l-almu tiegħek biex tqaddes Jum il-Mulej, kemm fid-dar kif ukoll fil-knisja; biex tattendi l-laqgħat tiegħek; biex tħejji ruħek ħalli b’mod den tieħu sehem fis-sagrament; u biex tgħix ħajtek f’armonija mal-liġijiet u l-kmandamenti tal-evanġelju?