Żgħażagħ
8. L-ordinanzi u l-patti tat-tempju jagħtuk aċċess akbar għall-barkiet ta’ Alla


Ġesù Kristu bilqiegħda u jgħallem lid-dixxipli tiegħu

8.

L-ordinanzi u l-patti tat-tempju jagħtuk aċċess akbar għall-barkiet ta’ Alla

Doctrine and Covenants 95:8

Uħud mill-barkiet ta’ Missierna fis-Smewwiet huma tant sagri li huwa talabna biex inwarrbu postijiet speċjali u qaddisa fejn nistgħu nirċevuhom: it-tempji. Fit-tempju, id-dar tal-Mulej, intom tistgħu tirċievu l-ogħla ordinanzi tiegħu—id-dotazzjoni u s-siġill—u tirċievu l-wegħdiet akbar tiegħu.

Veritajiet Eterni

Id-dotazzjoni hija rigal ta’ għarfien u qawwa. Fl-ordinanzi tad-dotazzjoni tat-tempju, intom tieħdu isem is-Salvatur fuqkom infuskom b’mod aktar sħiħ. Intom tagħmlu patt li tobdu lil Alla, tissagrifikaw biex tagħmlu r-rieda tiegħu, tgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, tobdu l-liġi tal-kastità, u tikkonsagraw—jew tiddedikaw—ħajjitkom u dak kollu li Alla takom lill-Knisja tiegħu. Dawn huma l-wegħdiet tagħkom. Alla jwiegħed li jberikkom b’għarfien, protezzjoni, u aċċess akbar għall-qawwa tiegħu. Huwa jwegħidkom ukoll li jagħtikom il-ħajja eterna miegħu. Bħala parti mill-għotja mqaddsa, intom tirċievu l-privileġġ sagru li tilbsu l-ilbies tas-saċerdozju mqaddes. L-ilbies huwa simbolu ta’ Ġesù Kristu u tifkira tal-patti tagħkom tat-tempju.

Is-siġill tat-tempju jgħaqqad flimkien koppji u familji għall-eternità. Fl-ordinanza tas-siġill tat-tempju, intom u l-konjuġi tagħkom tagħmlu patt ma’ Alla u ma’ xulxin. Intom twiegħdu li tkunu kompletament leali lejn Alla u lejn xulxin, li tħobbu u taqdu lil xulxin, u li taħdmu flimkien biex tħarsu l-liġijiet ta’ Alla. Din hija l-wegħda tagħkom. Alla jwiegħed li r-relazzjoni tiegħek mal-konjuġi tiegħek u wliedek tista’ tibqa’ għal dejjem. Huwa jwiegħed ukoll li intom tistgħu tirċievu l-ogħla glorja miegħu fis-saltna ċelestjali hekk kif intom tħarsu l-patti tagħkom. Din il-barka tissejjaħ l-eżaltazzjoni.

Stediniet

Dejjem għandu jkollkom rakkomandazzjoni tat-tempju. Iltaqgħu ma’ membru tal-veskovat tagħkom biex tirċievu waħda. Huwa jistaqsikom mistoqsijiet dwar kif intom qed tgħixu l-istandards tal-Mulej ħalli tidħlu fid-dar imqaddsa tiegħu. Irrevedu dawn il-mistoqsijiet ta’ spiss. (Tistgħu ssibuhom fl-appendiċi għal din il-gwida.) Anke jekk tgħixu ’l bogħod minn tempju, araw li r-rakkomandazzjoni tagħkom tkun simbolu tal-imħabba tagħkom lejn il-Mulej u l-impenn tagħkom li tgħixu l-istandards tiegħu.

Morru t-tempju spiss kemm tistgħu. Permezz tar-rakkomandazzjoni tat-tempju, intom tistgħu tidħlu fid-dar tal-Mulej u titgħammdu u tiġu kkonfermati għall-antenati tagħkom, sabiex huma jkunu jistgħu jirċievu l-barkiet li ngħatajtu. Ħudu vantaġġ minn kull opportunità biex tkunu fit-tempju. Araw li tfittxu lill-Mulej fid-dar tiegħu. Fittxuh fl-ordinanzi, fis-simboli, u fl-Ispirtu li tħossu. Intom ser issibuh.

Tħejju biex tagħmlu il-patti fid-dar tal-Mulej. Wieħed mill-aħjar modi kif tagħmlu dan hu li żżommu l-patt tagħkom tal-magħmudija. Agħmluha waħda mill-għanijiet li jiggwidawkom li tirċievu l-ordinanzi tat-tempju u li tħarsu l-patti tul ħajjitkom kollha. Ibdew minn issa biex tgħixu l-liġijiet li intom twiegħdu li tobdu fit-tempju: ubbidjenza lejn il-kmandamenti, is-sagrifiċċju, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-kastità, u l-konsagrazzjoni. Il-familja tagħkom, l-isqof, u mexxejja oħra tal-Knisja jistgħu jgħinukom.

It-Tempju ta’ Tegucigalpa, il-Ħonduras

Barkiet Imwiegħda

Intom tistgħu ssiru aktar bħal Ġesù Kristu. Huwa jgħinkom issiru dixxipli aqwa tas-sewwa. L-ordinanzi u l-patti tat-tempju jgħallmukom kif tidħlu fil-preżenza ta’ Alla u tirċievu l-ħajja eterna miegħu.

Intom tkunu armati bil-qawwa ta’ Alla. Il-patti tat-tempju jiġu bil-wegħda li l-qawwa u l-glorja ta’ Alla tkun fuqkom. L-anġli tiegħu jħarsukom.

Iż-żmien fit-tempju jgħaqqadkom aktar mill-viċin ma’ Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu. Intom tħossu l-paċi u l-mistrieħ ta’ Alla. Intom tisimgħu leħnu b’aktar ċarezza. Is-smewwiet jinfetħu għalikom, u intom tifhmu aħjar il-modi tiegħu. Intom ikollkom qawwa akbar biex tiffaċċjaw l-isfidi tagħkom għaliex qalbkom hija marbuta ma’ tiegħu.

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Meta nista’ nirċievi d-dotazzjoni? Id-deċiżjoni li tirċievu d-dotazzjoni tiegħek hija personali; ħudu d-deċiżjoni bl-għajnuna tat-talb. Iddiskutu mal-familja tagħkom u mal-mexxejja tal-Knisja. Biex tirċievu d-dotazzjoni, jeħtieġ li intom ikollkom tal-anqas 18-il sena u tkunu għamiltu l-iskola sekondarja. Intom tiġu ddotati qabel isservu missjoni jew tiġu ssiġillati, iżda m’għandkomx għalfejn tistennew xi waħda minn dawn l-avvenimenti qabel tiġu ddotati. Intom sempliċiment teħtieġu xewqa u tħejjija biex tagħmlu u żżommu aktar patti ma’ Missierkom fis-Smewwiet. L-isqof jew il-president tal-fergħa tagħkom jista’ jgħinkom tkunu tafu jekk intomx ippreparati. Tarawx id-dotazzjoni bħala biċċa xogħol fuq lista ta’ kontroll eterna. Arawha bħala parti sabiħa u glorjuża tal-vjaġġ etern tagħkom li tersqu lejn Kristu u tirċievu l-akbar barkiet spiritwali ta’ Alla.

Għalfejn għandi bżonn rakkomandazzjoni tat-tempju biex nidħol fit-tempju? It-tempju huwa d-dar tal-Mulej, u hu jistabbilixxi l-istandards biex nidħlu fih. L-ordinanzi u l-patti tat-tempju tant huma sagri li jeħtieġu tħejjija spiritwali speċjali. L-intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju għandha l-għan li tiżgura li intom ippreparati spiritwalment għall-ogħla privileġġi tal-patti tat-tempju. Missierna fis-Smewwiet jistieden lil uliedu kollha biex jitħejjew biex jagħmlu wegħdiet miegħu fid-dar imqaddsa tiegħu.

Jeħtieġ inkun perfett biex nagħmel il-patti tat-tempju? Ħadd mhu perfett. Alla jitlobkom biex tkunu onesti u b’rieda li tħarsu l-kmandamenti tiegħu. Li tagħmlu u żżommu l-patti ma’ Alla hu dak li jagħtikom il-qawwa li ssiru perfetti permezz ta’ Ġesù Kristu. Huwa l-qawwa tagħkom!

Ara Isaija 2:2–3 (Alla jgħallimna triqatu fit-tempju); Mattew 11:28–30 (ħu fuqek innifsek il-madmad tas-Salvatur); 1 Nefi 14:14 (il-qawwa ta’ Alla tinsab fuq il-poplu tiegħu tal-patt); Doctrine and Covenants 97:15–16 (il-preżenza ta’ Alla u l-glorja tiegħu tinsab fid-dar tiegħu); 109:22 (fit-tempju aħna armati bil-qawwa ta’ Alla); 131:1–4; 132:4–6, 15–20 (biex jirċievu l-ħajjaeterna, raġel u mara għandhom jiġu ssiġillati għall-eternità permezz tal-patt ġdid u etern taż-żwieġ); Abraham 1:2 (Abraham ried ikun dixxiplu akbar tas-sewwa u jirċievi għarfien akbar).

Mistoqsija għar-Rakkomandazzjoni tat-Tempju

  • Inti tikkunsidra lilek innifsek den li tidħol fid-dar tal-Mulej u tipparteċipa fl-ordinanzi tat-tempju?