Skrittura
Duttrina u Patti 98


Sezzjoni 98

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-6 ta’ Awwissu, 1833. Din ir-rivelazzjoni ġiet mogħtija b’riżultat tal-persekuzzjoni li kienu qed jesperjenzaw il-Qaddisin f’Missouri. In-numru dejjem jikber ta’ membri tal-Knisja li bdew jissetiljaw f’Missouri beda jinkwieta lil xi wħud li kienu marru jissetiljaw hemm ukoll, li bdew iħossuhom mhedda b’dan in-numru kbir ta’ Qaddisin, kif ukoll bl-influwenza politika u ekonomika tagħhom u bid-differenzi kulturali u reliġjużi tagħhom. Nhar l-20 ta’ Lulju, 1833, marmalja ta’ nies qerdu l-propjetà tal-Knisja, u xeħtu l-qatran u r-rix fuq żewġ membri tal-Knisja, u ordnaw lill-Qaddisin biex iħallu l-Kontea ta’ Jackson. Tlett ijiem wara, il-mexxejja tal-Knisja ffirmaw ftehim li kienu lesti jagħmlu dan. Minkejja li ma kienx hemm dubju li l-Profeta, li kien jinsab f’Kirtland (disa’ mitt mil ’il bogħod), ftit jew ieħor kien sema’ b’dak li kien ġara, kien biss permezz ta’ rivelazzjoni li f’dan il-jum huwa sar jaf kemm kienet serja s-sitwazzjoni.

1–3, It-tbatija li jesperjenzaw il-Qaddisin se tkun għall-ġid tagħhom; 4–8, Il-Qaddisin għandhom juru l-appoġġ tagħhom lejn il-liġi kostituzzjonali tal-pajjiż; 9–10, Fejn jidħol il-gvern sekulari, huma għandhom juru l-appoġġ tagħhom lejn individwi li huma onesti, għaqlin, u twajba; 11–15, Dawk li jagħtu ħajjithom għall-kawża tal-Mulej jiksbu l-ħajja ta’ dejjem; 16–18, Irrinunzjaw il-gwerra u xandru l-paċi; 19–22, Il-Qaddisin f’Kirtland jaqilgħu ċanfira u jiġu ordnati jindmu; 23–32, Il-Mulej jiżvela l-liġijiet tiegħu li jirregolaw il-persekuzzjoni u t-tbatija imposta fuq il-poplu tiegħu; 33–38, Il-gwerra hi ġġustifikata biss meta jordnaha l-Mulej; 39–48, Il-Qaddisin għandhom jaħfru lill-għedewwa tagħhom, li, jekk jindmu, jeħilsuha wkoll mill-vendetta tal-Mulej.

1 Tassew ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, la tibżgħux, agħmlu l-qalb; iva, thennew għal dejjem, u f’kollox roddu ħajr;

2 Ittamaw fil-Mulej, għax talbkom wasal f’widnejn il-Mulej tal-Eżerċti, u jinsab iddokumentat permezz ta’ dan is-siġill u t-testment—il-Mulej ħalef u ddikjara li se jisma’ talbkom.

3 Għalhekk, huwa jagħmel wegħda magħkom, permezz ta’ patt li ma jitreġġax lura, li talbkom se jinstama’; u t-tbatija kollha li qed tesperjenzaw se tkun għall-ġid tagħkom, u biex jiġi gglorifikat ismi, jgħid il-Mulej.

4 U issa, dwar il-liġijiet tal-pajjiż jien tassew ngħidilkom li hija r-rieda tiegħi li l-poplu tiegħi jara li jwettaq dak kollu li jiena nordnalu.

5 U l-liġi tal-pajjiż, li hi kostituzzjonali, hija ta’ sapport għal dak il-prinċipju ta’ libertà, fejn hija tħares id-drittijiet u l-privileġġi li jappartjenu għall-umanità kollha, u f’għajnejja hija ġusta.

6 Għalhekk, jien, il-Mulej, niġġustifika li intom, u ħutkom tal-knisja tiegħi, turu l-appoġġ tagħkom lejn dik il-liġi li hija l-liġi kostituzzjonali tal-pajjiż;

7 U fejn tidħol il-liġi tal-bniedem, dak kollu li hu aktar jew anqas minn hekk, ġej mill-ħażen.

8 Jien, il-Mulej, neħliskom, għalhekk intom ħielsa tabilħaqq; u l-liġi teħliskom ukoll.

9 Madankollu, meta l-ħakkiema jkunu ħżiena, il-poplu jitniehed.

10 Għalhekk, għandkom taraw li tagħżlu nies onesti u għaqlin, u li tappoġjaw nies twajbin u għaqlin; altrimenti min hu anqas minn hekk ġej mill-ħażen.

11 U jien nordnalkom sabiex tirrinunzjaw kull ħażen u tintrabtu ma’ kull ħaġa tajba, u biex tgħixu skont kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

12 Għax lil min jemmen, huwa jagħtih linja wara linja, preċett wara preċett; u permezz ta’ dan lilkom jiena nġarrab u nipprova.

13 U min jagħti ħajtu għalija, għall-kawża tiegħi, huwa jsibha mill-ġdid, anzi, huwa jsib ħajja li hi għal dejjem.

14 Għalhekk, la tibżgħux mill-għedewwa tagħkom, għax jiena ddikjarajt ġewwa qalbi, jgħid il-Mulej, li lilkom jiena se nġarrab f’kull ħaġa, biex nara jekk intom tibqgħux fidili, anke sal-mewt, lejn il-patt tiegħi, biex ikun jistħoqqilkom li tkunu miegħi.

15 Għax jekk ma tibqgħux fidili lejn il-patt tiegħi, intom ma jkunx jistħoqqilkom li tkunu miegħi.

16 Għalhekk, araw li tirrinunzjaw il-gwerra u xxandru l-paċi, u araw li tfittxu bir-reqqa li treġġgħu l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom, u l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom;

17 Kif ukoll, il-qlub tal-Lhud lejn il-profeti, u l-qlub tal-profeti lejn il-Lhud; li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered, u kulħadd jispiċċa rmied quddiemi.

18 Tħallux qalbkom titħawwad; għax fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet, u jiena ħejjejt post għalikom; u fejn hemm Missieri u jiena, hemm tkunu intom ukoll.

19 Araw, jien, il-Mulej, m’iniex kuntent b’ħafna minn dawk li hemm fil-knisja ta’ Kirtland;

20 Għax huma ma jiċħdux dnubiethom, u l-għemejjel ħżiena tagħhom, u r-regħba tagħhom, u l-kruhat kollha tagħhom, u ma jagħtux widen għal kliem il-għerf u l-ħajja ta’ dejjem li jiena tajthom.

21 Tassew ngħidilkom, li jien, il-Mulej, lilhom se nikkastiga u se nagħmel bihom dak li rrid, jekk huma ma jindmux u jħarsu dak kollu li għidtilhom jien.

22 U jien ngħidilkom għal darb’oħra, jekk intom taraw li twettqu dak kollu li nordnalkom, jien, il-Mulej, inreġġa’ lura minnkom kull għadab u korla, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbukomx.

23 Issa, se ngħidilkom xi ħaġa dwar il-familji tagħkom—jekk xi ħadd isawwat lilkom jew il-familji tagħkom, darba, u bis-sabar kollu toqogħdu għaliha u ma tweġbuhx lura bit-tgħajjir, u ma tippruvawx tpattuhielu, intom ikollkom ħlas tajjeb;

24 Iżda jekk ma toqogħdux għaliha bis-sabar kollu, il-kejl tal-kastig jitqies bħala wieħed ġust.

25 U jekk l-għadu tagħkom jerġa’ jsawwatkom għat-tieni darba, u lill-għadu tagħkom ma tweġbuhx lura bit-tgħajjir, u bis-sabar kollu toqogħdu għaliha, intom tirċievu l-ħlas tajjeb tagħkom għal mitt darba aktar.

26 U jekk huwa jerġa’ jsawwatkom għat-tielet darba, u bis-sabar kollu toqogħdu għaliha, il-ħlas tajjeb tagħkom jirdoppja għal erba’ darbiet aktar;

27 U jekk huwa jibqa’ ma jindimx, dawn it-tlieta se jkunu ta’ xhieda kontra l-għadu tagħkom, u jibqgħu ma jitħassrux.

28 U issa, tassew ngħidilkom, jekk dak l-għadu jeħlisha mill-vendetta tiegħi, jekk hu ma jinġiebx quddiemi biex jiena nagħmel ħaqq minnu, f’dak il-każ għandkom taraw li twissuh f’ismi, biex hu ma jerġax jiġi biex jeħodha magħkom, jew mal-familja tagħkom, kif ukoll ma’ wlied uliedkom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni.

29 Imbagħad, jekk huwa jiġi biex jeħodha magħkom jew ma’ wliedkom, jew ma’ wlied uliedkom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni, jiena nagħtikom f’idejkom l-għadu tagħkom;

30 U mbagħad jekk intom ikollkom ħniena minnu, intom tirċievu ħlas tajjeb minħabba t-tjieba tagħkom; u l-istess uliedkom u wlied uliedkom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni.

31 Madankollu, l-għadu tagħkom jinsab f’idejkom; u jekk intom tħallsuh skont għemilu, intom tkunu ġġustifikati; jekk huwa jipprova jneħħilkom ħajjitkom, u jpoġġi ħajjitkom fil-periklu, araw, l-għadu tagħkom jinsab f’idejkom u intom iġġustifikati.

32 Araw, din hija l-liġi li jiena tajt lill-qaddej tiegħi Nefi, u lil missirijietkom, Ġużeppi, Ġakobb, Iżakk, u Abraham, u lill-profeti u l-appostli tiegħi żmien ilu.

33 U għal darb’oħra, din hija l-liġi li jiena tajt lill-poplu tiegħi żmien ilu, li huma m’għandhomx joħorġu jitqabdu kontra xi ġens, tribù, ilsien, jew poplu, jekk ma nkunx jien, il-Mulej, li nordnalhom jagħmlu dan.

34 U jekk xi ġens, ilsien, jew poplu jiddikjara gwerra kontrihom, huma l-ewwel għandhom jgħollu l-istendard tal-paċi quddiem dak il-poplu, ġens, jew ilsien;

35 U jekk dak il-poplu jibqa’ ma jilqax l-offerta ta’ paċi, għal darba, tnejn, tlieta, huma għandhom jippreżentaw din ix-xhieda quddiem il-Mulej;

36 Imbagħad jien, il-Mulej, nordnalhom, u niġġustifika, li huma joħorġu jitqabdu kontra dak il-ġens, ilsien, jew poplu.

37 U jien, il-Mulej, niġġieled il-battalji tagħhom, u l-battalji ta’ wliedhom, u ta’ wlied uliedhom, sakemm huma jkunu tħallsu mill-għedewwa tagħhom kollha, sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni.

38 Araw, fuq dan l-eżempju għandu jimxi kulħadd, jgħid il-Mulej Alla tagħkom, biex intom tkunu ġġustifikati quddiemi.

39 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, jekk wara l-ewwel darba li l-għadu tagħkom jiġi biex jaħbat għalikom huwa jindem u jiġi quddiemkom jitlobkom il-maħfra, araw li taħfrulu, u m’għandkomx tibqgħu żżommu dan bħala xhieda kontra l-għadu tagħkom—

40 U araw li tagħmlu l-istess it-tieni u t-tielet darba; u kull darba li l-għadu tagħkom jindem mid-deni li jkun għamlilkom, araw li taħfrulu, sa sebgħa u sebgħin darba.

41 U jekk jagħmlilkom id-deni u l-ewwel darba ma jindimx, madankollu araw li taħfrulu.

42 U jekk jagħmlilkom id-deni t-tieni darba, u ma jindimx, madankollu araw li taħfrulu.

43 U jekk jagħmlilkom id-deni t-tielet darba, u ma jindimx, araw li terġgħu taħfrulu.

44 Iżda jekk jagħmlilkom id-deni r-raba’ darba, m’għandkomx taħfrulu, iżda għandkom tippreżentaw din ix-xhieda quddiem il-Mulej; u hija ma titħassarx qabel ma huwa jindem u jpattihielkom bit-tajjeb, għal erba’ darbiet aktar, għall-ħsara li għamlilkom.

45 U jekk huwa jagħmel dan, araw li taħfrulu b’qalbkom kollha; u jekk ma jagħmilx dan, jien, il-Mulej, nitħallas mill-għadu tagħkom mitt darba aktar;

46 U l-istess nagħmel minn ulied, u wlied ulied dawk kollha li jobogħduni, sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni.

47 Iżda jekk l-ulied, jew l-ulied ulied jindmu, u jduru lejn il-Mulej Alla tagħhom, b’qalbhom kollha u bis-setgħa u l-qawwa u l-fakultà mentali tagħhom kollha, u jpattuhielkom bit-tajjeb għal erba’ darbiet aktar għall-ħsara li għamlulkom, jew għall-ħsara li għamlulkom missirijiethom jew missier missirijiethom, intom għandkom treġġgħu lura l-korla tagħkom kontrihom;

48 U m’għandiex isir aktar vendetta minnhom, jgħid il-Mulej Alla tagħkom, u ħtijiethom m’għandhomx jinġiebu aktar quddiem il-Mulej bħala xhieda kontrihom. Ammen.