Sezzjoni 96
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta, nhar l-4 ta’ Ġunju, 1833. Dan seħħ waqt konferenza tal-qassisin il-kbar, u s-suġġett ewlieni li ġie diskuss kien id-distribuzzjoni ta’ ċerti artijiet, magħrufin bħala r-razzett ta’ French, li kien hemm qrib Kirtland u li kienu jinsabu f’idejn il-Knisja. Peress li fil-konferenza ma kienx hemm qbil dwar min kellu jibda jieħu ħsieb ir-razzett, kulħadd qabel li huma għandhom jistaqsu lill-Mulej dwar din il-ħaġa.
1, Il-Pal ta’ Sijon f’Kirtland għandu jissaħħaħ; 2–5, L-isqof għandu jagħti lill-Qaddisin sehemhom; 6–9, John Johnson għandu jkun membru tal-ordni unita.
1 Araw, jien ngħidilkom, hawn qiegħed l-għerf, li permezz tiegħu tistgħu tkunu tafu dwar dil-ħaġa, għax inħoss li hu xieraq li dan il-pal jissaħħaħ, li jiena waqqaft biex tissaħħaħ Sijon.
2 Għalhekk, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Newel K. Whitney ikun responsabbli mill-post li intom semmejtu, fejn jien qed nippjana li nibni d-dar qaddisa tiegħi.
3 U jeħtieġ ukoll li l-art tinqasam f’għadd ta’ plottijiet, skont kif taħsbu li hu l-aħjar, għall-ġid ta’ dawk li qed ifittxu li jingħataw sehemhom, kif jiġi deċiż minnkom fil-kunsill.
4 Għalhekk, araw li jsir dan, u araw li dak is-sehem ikun ta’ benefiċċju għall-ordni tiegħi, bil-għan li titwassal il-kelma tiegħi fost ulied il-bnedmin.
5 Għax araw, tassew ngħidilkom, li għalija din hi ħaġa mill-aktar importanti, li l-kelma tiegħi titwassal fost ulied il-bnedmin, bil-għan li trattab qalb ulied il-bnedmin għall-ġid tagħkom. Hekk għandu jkun. Ammen.
6 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li fl-għerf tiegħi nħoss li jkun jaqbel li lill-qaddej tiegħi John Johnson, li l-offerta tiegħu jiena lqajt u li t-talb tiegħu jiena smajt, u li lilu jiena nwiegħed il-ħajja ta’ dejjem jekk minn issa ’l hemm huwa jħares il-kmandamenti tiegħi—
7 Għax huwa ġej min-nisel ta’ Ġużeppi u għandu sehem mill-barkiet tal-wegħda li saret lil missirijietu—
8 Tassew ngħidilkom, jiena nħoss li jkun jaqbel li huwa jsir membru tal-ordni, ħalli jkun jista’ jgħin biex titwassal il-kelma tiegħi fost ulied il-bnedmin.
9 Għalhekk jeħtieġ li lilu tordnaw biex huwa jingħata din il-barka, u bir-reqqa kollha għandu jara li d-dar li intom semmejtu tinħeles minn kull dejn, biex fiha jkun jista’ jgħammar. Hekk għandu jkun. Ammen.