Sezzjoni 94
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it-2 ta’ Awwissu, 1833, li tiddeskrivi l-mod kif għandha tkun imqassma Kirtland, li hi waħda mill-pali ta’ Sijon, kif ukoll il-ħatra ta’ Hyrum Smith, Reynolds Cahoon, u Jared Carter bħala membri tal-kumitat tal-bini tal-Knisja.
1–9, Il-Mulej jagħti kmandament relatat mal-bini ta’ dar għall-ħidma tal-Presidenza; 10–12, Għandha tinbena stamperija; 13–17, Jiġi mqassam ċertu ġid.
1 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, qed nordnalkom biex tagħtu bidu għall-ħidma tat-tfassil u t-tħejjija tas-sisien u l-pedament tal-belt, li hi waħda mill-pali ta’ Sijon, hawn fl-art ta’ Kirtland, u għandkom tibdew mid-dar tiegħi.
2 U araw li kollox isir skont il-mudell li jiena tajtkom.
3 U araw li l-ewwel plott li hemm fin-naħa t’isfel jiġi kkonsagrat lili, għall-bini ta’ dar għall-presidenza, għall-ħidma tal-presidenza, biex fiha jingħataw ir-rivelazzjonijiet; u għall-ħidma tal-ministeru tal-presidenza, f’dak kollu li hu relatat mal-knisja u mas-saltna.
4 Tassew ngħidilkom, li l-qisien tagħha, fil-bitħa ta’ ġewwa, għandhom ikunu ħamsa u ħamsin u ħamsa u sittin pied fil-wisa’ u t-tul tagħha.
5 U għandu jkun hemm żewġ sulari, wieħed isfel u ieħor fuq, skont il-mudell li se jingħatalkom aktar ’il quddiem.
6 U għandha tkun iddedikata lill-Mulej sewwasew mill-pedament tagħha, skont l-ordni tas-saċerdozju, skont il-mudell li se jingħatalkom aktar ’il quddiem.
7 U għandha tkun iddedikata kollha kemm hi lill-Mulej għall-ħidma tal-presidenza.
8 U araw li ma tħallu l-ebda ħaġa mniġġsa tidħol ġewwa fiha; u fiha se jkun hemm il-glorja tiegħi u l-preżenza tiegħi.
9 Iżda jekk fiha tidħol xi ħaġa mniġġsa, fiha ma jkunx hemm il-glorja tiegħi; u l-preżenza tiegħi ma tkunx fiha.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, it-tieni plott li hemm fin-naħa t’isfel għandu jkun iddedikat għalija, biex tinbena dar għalija, għall-ħidma tal-istampar tat-traduzzjoni tal-iskrittura tiegħi, u ta’ kull ħaġa li nordnalkom jiena.
11 U l-qisien tagħha, fil-bitħa ta’ ġewwa, għandhom ikunu ħamsa u ħamsin u ħamsa u sittin pied fil-wisa’ u t-tul tagħha; u għandu jkun hemm żewġ sulari, wieħed isfel u ieħor fuq.
12 U din id-dar għandha tkun iddedikata kollha kemm hi lill-Mulej sewwasew mill-pedament tagħha, għall-ħidma tal-istampar, ta’ kull ħaġa li nordnalkom jiena, u hija għandha tkun qaddisa u safja f’kollox, skont il-mudell li se jingħatalkom.
13 U t-tielet plott għandu jkun is-sehem li għandu jingħata l-qaddej tiegħi Hyrum Smith.
14 U l-ewwel u t-tieni plott li hemm fin-naħa ta’ fuq għandu jkun is-sehem li għandhom jingħataw il-qaddejja tiegħi Reynolds Cahoon u Jared Carter—
15 Ħalli huma jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma li jiena ħtarthom għaliha, biex flimkien jiffurmaw kumitat responsabbli mill-bini tad-djar tiegħi, skont il-kmandament li jien, il-Mulej Alla, tajtkom.
16 Dawn iż-żewġt idjar m’għandhomx jinbnew qabel ma nagħtikom kmandament relatat magħhom.
17 U għalissa m’jiena se nagħtikom l-ebda informazzjoni oħra. Ammen.