Sezzjoni 90
Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it-8 ta’ Marzu, 1833. Din ir-rivelazzjoni hija pass ieħor lejn it-twaqqif tal-Ewwel Presidenza (ara l-intestatura għal sezzjoni 81); b’konsegwenza tagħha, ġew ordnati l-kunsilliera msemmija nhar it-18 ta’ Marzu, 1833.
1–5, L-imfietaħ tas-saltna ġew mogħtija lil Joseph Smith, u permezz tiegħu ġew mogħtija lill-Knisja; 6–7, Sidney Rigdon u Frederick G. Williams għandhom iservu fl-Ewwel Presidenza; 8–11, L-evanġelju għandu jiġi mxandar lill-ġnus ta’ Iżrael, lill-Ġentili, u lil-Lhud, u kulħadd għandu jisimgħu bl-ilsien tiegħu; 12–18, Joseph Smith u l-kunsilliera tiegħu għandhom jorganizzaw il-Knisja b’mod tajjeb; 19–37, Il-Mulej ordna lil bosta individwi sabiex jimxu b’mod sewwa u jagħmlu dak li jistgħu għas-saltna tiegħu.
1 Dan jgħid il-Mulej, tassew, tassew, ngħidlek, O ibni, dnubietek maħfura, skont it-talba tiegħek, għax it-talb tiegħek u t-talb ta’ ħutek wasal f’widnejja.
2 Għalhekk, mil-lum ’il hemm hieni inti li tħaddan l-imfietaħ tas-saltna li ġew mogħtija lilek; liema saltna qed tiġi mwaqqfa għall-aħħar darba.
3 Tassew ngħidlek, l-imfietaħ ta’ din is-saltna qatt mhuma se jittieħdu mingħandek, la waqt li inti tinsab fid-dinja u lanqas f’li ġejja;
4 Madankollu, l-orakli se jingħataw permezz tiegħek lil ħaddieħor, iva, sewwasew lill-knisja.
5 U dawk kollha li jirċievu l-orakli ta’ Alla, jeħtieġ li joqogħdu attenti kif iħarsu lejhom u li ma jqisuhomx qisu xejn mhu xejn, u minħabba f’hekk jiġu kkundannati, u jispiċċaw jitfixklu u jaqgħu, meta jqum il-maltemp u jonfoħ ir-riħ, u tinżel ix-xita, u jaħbtu fuq darhom.
6 U għal darb’oħra, tassew jiena ngħid lil ħutek, Sidney Rigdon u Frederick G. Williams, li dnubiethom huma maħfura wkoll, u huma meqjusa daqsek fit-tħaddin tal-imfietaħ ta’ din l-aħħar saltna;
7 Kif ukoll permezz tal-amministrazzjoni tiegħek, fit-tħaddin tal-imfietaħ tal-iskola tal-profeti, li jien ordnajtlek biex torganizza;
8 U permezz ta’ dan huma jkunu jistgħu jilħqu l-perfezzjoni fil-ministeru tagħhom għas-salvazzjoni ta’ Sijon, u tal-ġnus ta’ Iżrael, u tal-Ġentili, sewwasew ta’ kull min jemmen fosthom;
9 Biex permezz tal-amministrazzjoni tiegħek huma jkunu jistgħu jingħataw il-kelma, u permezz tal-amministrazzjoni tagħhom il-kelma tkun tista’ tasal sa truf il-art, l-ewwel għand il-Ġentili, u mbagħad, ara, huma għandhom imorru lura għand il-Lhud.
10 U mbagħad jasal il-jum meta l-Mulej juri driegħu bil-qawwa biex jikkonvinċi lill-ġnus, lill-pagani, u lid-dar ta’ Ġużeppi, dwar l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħhom.
11 Għax għad jiġi fis-seħħ, f’dak il-jum, li kull bniedem għad jisma’ l-milja tal-evanġelju bl-ilsien tiegħu u bil-lingwa tiegħu, permezz ta’ dawk li ġew ordnati biex ikollhom din is-setgħa, permezz tal-amministrazzjoni tal-Farrâġ, li jissawwab fuqhom biex jiġi żvelat lilhom Ġesù Kristu.
12 U issa, tassew ngħidilkom, jien nagħtikom kmandament biex intom tibqgħu għaddejjin b’ħidmietkom fil-ministeru u l-presidenza.
13 U meta tkunu lesti mit-traduzzjoni tal-profeti, jeħtieġ li minn dakinhar ’il quddiem intom tippresedu fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-knisja u l-iskola;
14 U minn żmien għall-ieħor, intom se tingħataw ċerti rivelazzjonijiet permezz tal-Farrâġ li jiżvelawlkom il-misteri tas-saltna;
15 U intom għandkom torganizzaw il-knejjes, u tistudjaw u titgħallmu, u ssiru familjari ma’ kull ktieb tajjeb, u mal-linwgi, mal-ilsna, u mal-popli.
16 U din għandha tkun il-ħidma u l-missjoni tagħkom tul ħajjitkom, li tippresedu fil-kunsill, u torganizzaw kull ħaġa li għandha x’taqsam ma’ din il-knisja u ma’ din is-saltna.
17 M’għandkomx mniex tistħu, jew tħammru wiċċkom; iżda araw li tinżgħu minn fuqkom kull sens ta’ kburija u arroganza, għax dan iwassal għall-qerda ta’ ruħkom.
18 Organizzaw djarkom; araw li żżommu ’l bogħod mill-għażż u l-ħmieġ.
19 Issa, jiena tassew ngħidlek, jeħtieġ li jinstab post, kemm jista’ jkun malajr, għall-familja tal-kunsillier u l-iskriba tiegħek Frederick G. Williams.
20 U jeħtieġ li l-qaddej anzjan tiegħi, Joseph Smith, Sen., ikompli jgħix mal-familja tiegħu fil-post fejn jgħix bħalissa; u ara li jibqa’ ma jinbiegħx qabel ma jiġi żvelat mod ieħor permezz ta’ fomm il-Mulej.
21 U jeħtieġ li l-kunsillier tiegħi Sidney Rigdon, jibqa’ jgħix fejn jinsab bħalissa sa ma jiġi żvelat mod ieħor permezz ta’ fomm il-Mulej.
22 U jeħtieġ li l-isqof ifittex bir-reqqa biex isib aġent, u dan jeħtieġ li jkun xi ħadd li għandu ġidu maħżun—li hu bniedem ta’ Alla, u ta’ fidi soda—
23 Biex permezz ta’ ġidu jkun jista’ jħallas kwalunkwe dejn; biex il-maħżen tal-Mejju ma jispiċċax jieħu xi reputazzjoni ħażina f’għajnejn in-nies.
24 Fittxu bir-reqqa, itolbu dejjem, u emmnu, u kollox iseħħ għall-ġid tagħkom, jekk intom timxu bis-sewwa u tiftakru fil-patt li permezz tiegħu dħaltu f’patt bejnietkom.
25 Jeħtieġ li l-familji tagħkom ikunu żgħar, speċjalment tal-qaddej anzjan tiegħi Joseph Smith, Sen., u hawn qed nirreferi għal dawk li ma jagħmlux parti mill-familji tagħkom;
26 Ħalli dawk il-ħwejjeġ li ġew ipprovduti lilkom, biex iġġibu fis-seħħ il-ħidma tiegħi, ma jittieħdulkomx u jingħataw lil dawk li mhumiex denji—
27 U b’hekk tispiċċaw tinżammu milli twettqu dawk il-ħwejjeġ li jiena ordnajtilkom.
28 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, hija r-rieda tiegħi li l-qaddejja tiegħi Vienna Jaques tingħata l-flus biex tkun tista’ tħallas għall-ispejjeż tagħha, u tkun tista’ titla’ fl-art ta’ Sijon;
29 U l-flus li jkun baqa’ jkunu jistgħu jiġu kkonsagrati lili, u hija tingħata l-ħlas tagħha meta nħoss li jkun il-waqt.
30 Tassew ngħidilkom, li jiena nħoss li jkun xieraq li hija titla’ fl-art ta’ Sijon, u tingħata sehemha mingħand l-isqof;
31 Biex hija tkun tista’ tibda toqgħod hemm fil-paċi diment li hija tibqa’ fidila, u minn dak iż-żmien ’il quddiem ma tgħix ħajjitha fil-għażż.
32 U araw, tassew ngħidilkom, li intom għandkom tiktbu dan il-kmandament, u tgħidu lil ħutkom f’Sijon, filwaqt li ssellmulhom b’imħabba, li jien sejjaħtilkom ukoll sabiex intom tippresedu fuq Sijon meta nħoss li jkun il-waqt.
33 Għalhekk, jeħtieġ li huma ma jkomplux jgħejjuni aktar minħabba dil-ħaġa.
34 Araw, jien ngħidilkom li ħutkom ġewwa Sijon bdew jindmu, u l-anġli tassew qed jithennew minħabba fihom.
35 Madankollu, hemm bosta ħwejjeġ li ma jogħġbunix; u jiena m’iniex kuntent bil-qaddej tiegħi William E. McLellin, lanqas bil-qaddej tiegħi Sidney Gilbert; u lanqas bl-isqof, u hemm oħrajn li jeħtieġ li jindmu minn bosta ħwejjeġ.
36 Iżda tassew ngħidilkom, li jien, il-Mulej, se neħodha ma’ Sijon, u se nisħaq b’qawwa mal-mexxejja tagħha, u lilha se nikkastiga sakemm hija tegħleb il-ħażen u tkun safja quddiemi.
37 Għax hija mhijiex se titqanqal minn postha. Jien, il-Mulej, qed ngħid dan. Ammen.