Skrittura
Duttrina u Patti 97


Sezzjoni 97

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it-2 ta’ Awwissu, 1833. Din ir-rivelazzjoni tittratta partikolarment dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal-Qaddisin f’Sijon, fil-Kontea ta’ Jackson, f’Missouri, u ngħatat bi tweġiba għall-mistoqsija li l-Profeta għamel lill-Mulej dwar l-iskola tal-profeti f’Missouri. F’dan iż-żmien, il-membri tal-Knisja f’Missouri kienu għaddejjin minn persekuzzjoni kbira u nhar it-23 ta’ Lulju, 1833, ġew imġiegħla jiffirmaw ftehim li jitilqu mill-Kontea ta’ Jackson.

1–2, Ħafna mill-Qaddisin f’Sijon (Kontea ta’ Jackson, Missouri) huma mberkin minħabba l-fedeltà tagħhom; 3–5, Parley P. Pratt jingħata t-tifħir mistħoqq għall-ħidma tiegħu fl-iskola f’Sijon; 6–9, Dawk li josservaw il-patti tagħhom jiġu milqugħin mill-Mulej; 10–17, Għandha tinbena dar f’Sijon li fiha dawk li huma safja f’qalbhom sejrin jaraw lil Alla; 18–21, Sijon hi dawk li huma safja f’qalbhom; 22–28, Sijon se teħlisha mill-kastigi tal-Mulej jekk tibqa’ fidila.

1 Tassew ngħidilkom ħbieb tiegħi, jien se nkellimkom permezz ta’ leħni, sewwasew permezz ta’ leħen l-Ispirtu tiegħi, ħalli nkun nista’ nurikom ir-rieda tiegħi dwar ħutkom li jinsabu fl-art ta’ Sijon, li ħafna minnhom huma nies mill-aktar umli u qed ifittxu bir-reqqa li jiksbu l-għerf u jsiru jafu l-verità.

2 Tassew, tassew, ngħidilkom, li henjin huma, għax huma se jingħataw dak li qed ifittxu; għax jiena, il-Mulej, nuri ħniena mal-imsejknin, u ma’ min irrid jiena, biex inkun iġġustifikat meta jiena nagħmel ħaqq minnhom.

3 Araw, jien ngħidilkom dan dwar l-iskola f’Sijon, li jien, il-Mulej kuntent li jkun hemm skola f’Sijon, u kuntent ukoll bil-qaddej tiegħi Parley P. Pratt, għax huwa jgħammar fija.

4 U diment li huwa jibqa’ jgħammar fija huwa jibqa’ jippresedi fuq l-iskola fl-art ta’ Sijon sakemm jiena nagħtih kmandamenti oħra.

5 U jiena lilu nbierek b’għadd ta’ barkiet, fejn lilu jiena nfisser l-iskrittura u l-misteri kollha għall-edifikazzjoni tal-iskola, u tal-knisja f’Sijon.

6 U jien, il-Mulej, lest li nuri ħniena mal-bqija tal-iskola; madankollu, hemm dawk li jeħtieġ li jiġu kkastigati, u għemilhom għad joħroġ fid-deher.

7 Il-mannara tressqet ma’ għerq is-siġra; u kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, il-Mulej tkellimt.

8 Tassew ngħidilkom, li dawk fosthom li jafu li qalbhom hi onesta, u maqsuma, u li l-ispirtu tagħhom huwa niedem, u li lesti jħarsu l-patti tagħhom billi joffru sagrifiċċju—iva, kull sagrifiċċju li jien, il-Mulej, nitlob minnhom—lilhom jiena se nilqa’ għandi.

9 Għax jien, il-Mulej, inwassalhom biex jipproduċu bil-bosta bħal siġra li tagħti ħafna frott, li tinsab imħawla f’art tajba, ħdejn nixxiegħa safja, u li tagħti ħafna frott għażiż.

10 Tassew ngħidilkom, li hija r-rieda tiegħi li tinbena dar għalija fl-art ta’ Sijon, skont il-mudell li jiena tajtkom.

11 Iva, u jeħtieġ li tinbena f’qasir żmien, permezz tad-dieċmi tal-poplu tiegħi.

12 Araw, din hija d-dieċmi u dan hu s-sagrifiċċju li jien, il-Mulej, neħtieġ mingħandhom, biex ikun jista’ jkun hemm dar għalija għas-salvazzjoni ta’ Sijon—

13 Liema dar tkun post ta’ radd il-ħajr għall-qaddisin kollha, u post ta’ tagħlim għal dawk kollha li huma msejħa għall-ħidma tal-ministeru fid-diversi sejħiet u uffiċċji tagħhom;

14 Biex huma jkunu jistgħu jiksbu l-milja tal-għarfien tal-ministeru tagħhom, fit-teorija, fil-prinċipju, u fid-duttrina, u f’dak kollu li għandu x’jaqsam mas-saltna ta’ Alla fuq l-art, u l-imfietaħ ta’ din is-saltna ġew mogħtija lilkom.

15 U jekk il-poplu tiegħi jibni dar għalija f’isem il-Mulej, u jara li l-ebda ħaġa maħmuġa ma tidħol fiha, u hija ma tiġix imniġġsa, il-glorja tiegħi tkun fuqha;

16 Iva, u l-preżenza tiegħi tkun hemmhekk, għax fiha jiena niġi, u dawk kollha ta’ qalbhom safja li jidħlu fiha għad jaraw lil Alla.

17 Iżda jekk hija tisfa mniġġsa jiena ma niġix fiha, u l-glorja tiegħi ma tkunx hemmhekk; għax jiena ma nidħolx f’tempji li mhumiex qaddisa.

18 U issa, araw, jekk Sijon tagħmel dan kollu hija jkollha r-risq, u hija tinfirex u ssir mill-aktar glorjuża, u mill-aktar kbira, u tal-biża’.

19 U l-ġnus tal-art għad jagħtuha ġieħ, u jgħidu: M’hemmx dubju li Sijon hija l-belt ta’ Alla tagħna, u m’hemmx dubju li Sijon qatt mhi se tikkrolla jew tinqala minn postha, għax Alla jinsab hemm, u id il-Mulej tinsab hemm.

20 U huwa ħalef bil-qawwa ta’ setegħtu li jkun is-salvazzjoni tagħha u l-kenn tagħha.

21 Għalhekk, tassew, dan jgħid il-Mulej, tithenna Sijon, għax Sijon hi sewwasew—dawk li huma safja f’qalbhom; għalhekk, tithenna Sijon, waqt li l-ħżiena kollha jnewħu.

22 Għax araw, il-vendetta ma ddumx ma tolqot lill-ħżiena bħal riefnu; u min se jeħlisha?

23 Il-kastig tal-Mulej se jgħaddi mal-lejl u mal-jum, u din l-aħbar sejra jnikket lil kulħadd; iva, u mhux se jiġi fi tmiemu qabel il-miġja tal-Mulej;

24 Għax bil-korla l-Mulej se jixgħel minħabba l-abominazzjonijiet u l-għemejjel ħżiena tagħhom.

25 Madankollu, Sijon sejra teħlisha jekk tara li tagħmel dak kollu li jiena nordnalha.

26 Iżda jekk hija ma tarax li tagħmel dak kollu li nordnalha, jiena lilha nżur, skont l-għemejjel kollha tagħha, bi tbatija mill-aktar kbira, u b’mard epidemiku, u bil-pesta, u bix-xabla, u b’vendetta, u bin-nar qerried.

27 Madankollu, jeħtieġ li għal darba waħda biss jinqara f’widnejha li jien, il-Mulej, ilqajt l-offerta tagħha; u jekk ma tidnibx aktar hija teħlisha minn dan kollu;

28 U lilha jiena nbierek b’bosta barkiet, u nkattar għadd kbir ta’ barkiet fuqha u fuq nisilha għal dejjem ta’ dejjem, jgħid il-Mulej Alla tagħkom. Ammen.