Skrittura
Duttrina u Patti 95


Sezzjoni 95

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar l-1 ta’ Ġunju, 1833. Din ir-rivelazzjoni tkompli ma’ struzzjonijiet divini oħra li ngħataw b’rabta mal-bini ta’ dar għall-qima u t-tagħlim, sewwasew id-dar tal-Mulej (ara sezzjoni 88:119–136).

1–6, Il-Qaddisin jiġu kkastigati talli naqsu li jibnu d-dar tal-Mulej; 7–10, Il-Mulej jixtieq juża d-dar tiegħu biex isawwab qawwa mill-għoli fuq il-poplu tiegħu; 11–17, Id-dar għandha tkun iddedikata bħala post ta’ qima u bħala l-iskola tal-Appostli.

1 Tassew, dan jgħid il-Mulej lilkom li jiena nħobb, u lil min inħobb jiena nikkastiga biex huma jiksbu maħfra ta’ dnubiethom, għax mal-kastig jiena nħejji mod kif neħlishom minn kull tip ta’ tiġrib, u lilkom jiena ħabbejt—

2 Għalhekk, jeħtieġ li lilkom jiena nikkastiga u nċanfar fil-preżenza tiegħi;

3 Għax intom dnibtu kontrija dnub mill-aktar serju, fejn intom bl-ebda mod ma ġibtu quddiem għajnejkom il-kmandament il-kbir, li jiena tajtkom b’rabta mal-bini tad-dar tiegħi;

4 Għat-tħejjija li permezz tagħha qed nippjana li nħejji l-appostli tiegħi biex huma jiżbru l-għalqa tiegħi għall-aħħar darba, ħalli jiena nkun nista’ nwettaq l-opra misterjuża tiegħi, biex inkun nista’ nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq kulħadd—

5 Iżda araw, tassew ngħidilkom, li huma bosta fostkom li ġew ordnati, li lilhom jiena sejjaħt, iżda huma biss ftit minnhom il-magħżulin.

6 Dawk li mhumiex magħżulin għamlu dnub mill-aktar serju, fejn huma jinsabu mexjin fid-dalma fil-ħin ta’ nofsinhar.

7 U għal dan il-għan jiena ordnajtilkom sabiex issejħu laqgħa solenni, biex is-sawm u l-biki tagħkom ikun jista’ jilħaq widnejn il-Mulej tal-Eżerċti, li huwa l-ħallieq tal-ewwel jum, u huwa l-bidu u t-tmiem.

8 Iva, tassew ngħidilkom, jiena ordnajtilkom biex tibnu dar, u f’din id-dar biħsiebni nsawwab qawwa mill-għoli fuq dawk li jiena għażilt;

9 Għax din hija l-wegħda li qed jagħmlilkom il-Missier; għalhekk qed nordnalkom sabiex tibqgħu hawn, kif għamlu l-appostli tiegħi f’Ġerusalemm.

10 Madankollu, il-qaddejja tiegħi għamlu dnub mill-aktar serju; u qam it-tilwim fl-iskola tal-profeti; ħaġa li lili ddejjaqni ferm, jgħid Sidkom il-Mulej; kien għalhekk li b’kastig lilhom jiena keċċejt.

11 Tassew ngħidilkom, hija r-rieda tiegħi li intom tibnu dar. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi intom ikollkom il-qawwa biex tibnuha.

12 Jekk ma tħarsux il-kmandamenti tiegħi, l-imħabba tal-Missier ma tibqax tgħammar magħkom, u b’hekk tispiċċaw timxu fid-dalma.

13 Issa hawn hu l-għerf, u din hija r-rieda tal-Mulej—li intom tibnu d-dar, mhux skont il-mod li bih tibni d-dinja, għax jiena ma rridkomx li tgħixu bil-mod tad-dinja;

14 Għalhekk, jeħtieġ li tibnuha bil-mod li se nuri lil tlieta minnkom, li jiena se naħtar u nordna biex huma jkollhom din il-qawwa.

15 U l-qies tagħha, fil-bitħa ta’ ġewwa, għandu jkun ħamsa u ħamsin pied wisa’, u ħamsa u sittin pied tul.

16 U jeħtieġ li l-parti t’isfel tal-bitħa ta’ ġewwa tkun iddedikata lili għall-offerta tagħkom tas-sagrament, u għax-xandir tal-kelma tagħkom, u għas-sawm u t-talb tagħkom, u biex intom toffru l-eqdes xewqat tagħkom lili, jgħid Sidkom il-Mulej.

17 U jeħtieġ li l-parti ta’ fuq tal-bitħa ta’ ġewwa tkun iddedikata lili għall-iskola tal-appostli tiegħi, jgħid l-Iben Ahman; jew, fi kliem ieħor, Alfu; jew, fi kliem ieħor, Omegu; l-istess Ġesù Kristu Sidkom. Ammen.