Skrittura
Duttrina u Patti 93


Sezzjoni 93

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-6 ta’ Mejju, 1833.

1–5, Il-fidili kollha għad jaraw lill-Mulej; 6–18, Ġwanni xehed li l-Iben ta’ Alla kompla jikber fil-grazzja sakemm huwa rċieva l-milja tal-glorja tal-Missier; 19–20, Il-fidili, li jibqgħu jikbru fil-grazzja, se jirċievu wkoll il-milja tiegħu; 21–22, Dawk li jitwieldu permezz ta’ Kristu jagħmlu parti mill-Knisja tal-Iben il-Kbir; 23–28, Kristu rċieva l-milja tal-verità kollha, u l-bniedem ubbidjenti jista’ jirċievi l-istess; 29–32, Il-bniedem kien fil-bidu ma’ Alla; 33–35, L-elementi huma għal dejjem, u fil-Qawmien il-bniedem jista’ jirċievi l-milja tal-hena; 36–37, Il-glorja ta’ Alla hija intelliġenza; 38–40, It-tfal huma innoċenti f’għajnejn Alla minħabba l-fidwa ta’ Kristu; 41–53, L-aħwa mexxejja huma ordnati biex jorganizzaw b’mod xieraq il-familji tagħhom.

1 Tassew, dan jgħid il-Mulej: Għad jiġri li kull min jiċħad dnubietu u jiġi għandi, u jsejjaħ ismi, u jagħti widen għal kliemi, u jħares il-kmandamenti tiegħi, għad jara wiċċi u jkun jaf li jiena hu;

2 U li jiena l-veru dawl li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja;

3 U li jiena ninsab fil-Missier, u l-Missier fija, u l-Missier u jiena ħaġa waħda—

4 Il-Missier għaliex huwa tani sehem mill-milja tiegħu, u l-Iben għax jiena kont fid-dinja u ħadt fuqi nnifsi ġisem tal-laħam, u għammart fost ulied il-bnedmin.

5 Jiena kont fid-dinja u ngħatajt dak li tani Missieri, u l-għemejjel tiegħu dehru b’mod ċar.

6 U Ġwanni ra u ta xhieda tal-milja tal-glorja tiegħi, u l-milja tar-rakkont ta’ Ġwanni se tiġi żvelata aktar ’il quddiem.

7 U huwa ta xhieda u qal: Jien rajt il-glorja tiegħu, li huwa kien fil-bidu, qabel ma kienet id-dinja;

8 Għalhekk, fil-bidu kienet il-Kelma, għax il-Kelma kien hu, sewwasew il-messaġġier tas-salvazzjoni—

9 Id-dawl u l-Feddej tad-dinja; l-Ispirtu tal-verità, li ġie fid-dinja, għax id-dinja saret minnu, u fih kellu l-ħajja tal-bnedmin u d-dawl tal-bnedmin.

10 Id-dinjiet saru minnu; il-bnedmin saru minnu; kollox sar minnu, u permezz tiegħu, u bih.

11 U jiena, Ġwanni, nixhed li jiena rajt il-glorja tiegħu, sewwasew il-glorja tal-Iben il-Waħdieni tal-Missier, mimli grazzja u verità, sewwasew l-Ispirtu tal-verità, li ġie u għammar fil-ġisem, u għammar fostna.

12 U jiena, Ġwanni, rajt li huwa ma rċeviex il-milja mill-ewwel, iżda huwa rċieva grazzja għal grazzja;

13 U huwa ma rċeviex il-milja mill-ewwel, iżda kompla jirċievi grazzja għal grazzja, sakemm irċieva l-milja;

14 U b’hekk huwa kien imsejjaħ Bin Alla, għaliex huwa ma rċeviex il-milja mill-ewwel.

15 U jiena, Ġwanni, nixhed dan, u araw, is-smewwiet infetħu, u l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema, u straħ fuqu, u nstama’ leħen mis-smewwiet jgħid: Dan hu ibni l-għażiż.

16 U jiena, Ġwanni, nixhed li huwa rċieva l-milja tal-glorja tal-Missier;

17 U huwa rċieva kull qawwa, kemm fis-smewwiet u kemm fl-art, u l-glorja tal-Missier kienet miegħu, għax huwa kien jgħammar fih.

18 U għad jiġri li jekk intom tibqgħu fidili intom tirċievu l-milja tar-rakkont ta’ Ġwanni.

19 Jiena qed ngħidilkom dan biex intom tkunu tistgħu tifhmu u tkunu tafu kif għandkom tqimu, u x’għandkom tqimu, biex tkunu tistgħu tiġu għand il-Missier f’ismi, u meta jkun il-waqt tirċievu l-milja tiegħu.

20 Għax jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi intom tirċievu l-milja tiegħu, u tkunu gglorifikati permezz tiegħi kif jiena gglorifikat jien permezz tal-Missier; għalhekk, jien ngħidilkom, intom tirċievu grazzja għal grazzja.

21 U issa, tassew ngħidilkom, jiena kont fil-bidu mal-Missier, u jiena l-Iben il-Kbir;

22 U dawk kollha li huma mnissla permezz tiegħi għandhom sehem mill-istess glorja tiegħi, u huma parti mill-Knisja tal-Iben il-Kbir.

23 Intom kontu wkoll fil-bidu mal-Missier; u kontu wkoll Spirtu, sewwasew l-Ispirtu tal-verità;

24 U l-verità hija l-għarfien ta’ ħwejjeġ kif inhuma bħalissa, kif kienu, u kif se jkunu ’l quddiem;

25 U dak li hu aktar jew anqas minn hekk ġej mill-ispirtu tal-ħażin li kien giddieb sa mill-bidu.

26 L-Ispirtu tal-verità ġej minn Alla. Jiena l-Ispirtu tal-verità, u Ġwanni ta xhieda tiegħi, fejn qal: Huwa jirċievi l-milja tal-verità, iva, tal-verità kollha;

27 U l-ebda bniedem ma jirċievi l-milja jekk ma jħarisx il-kmandamenti tiegħu.

28 Min iħares il-kmandamenti tiegħu jirċievi d-dawl u l-verità, sakemm huwa jiġi gglorifikat permezz tal-verità u jkollu għarfien ta’ kollox.

29 Il-bniedem kien ukoll fil-bidu ma’ Alla. L-intelliġenza, jew id-dawl tal-verità, la ġiet maħluqa u lanqas magħmula, ħaġa li ma tistax tkun.

30 Il-verità kollha hi indipendenti, f’dik l-isfera li poġġiha fiha Alla, biex taġixxi għaliha nnifisha, l-istess kif inhi l-intelliġenza kollha; altrimenti ma kien ikun hawn l-ebda eżistenza.

31 Araw, f’dan nistgħu naraw il-volontà tal-bnedmin, u f’dan nistgħu naraw il-kundanna tal-bnedmin; għax dak li kien sa mill-bidu jiġi żvelat lilhom b’mod ċar, u huma ma jirċevux id-dawl.

32 U kull bniedem li l-ispirtu tiegħu ma jirċevix id-dawl jiġi kkundannat.

33 Għax il-bniedem huwa spirtu. L-elementi huma għal dejjem, u l-ispirtu u l-element, magħqudin flimkien b’mod inseparabbli, jirċievu l-milja tal-hena;

34 U meta huma jkunu mifrudin minn xulxin, il-bniedem ma jistax jirċievi l-milja tal-hena.

35 L-elementi huma t-tabernaklu ta’ Alla; iva, il-bniedem huwa t-tabernaklu ta’ Alla, u l-bnedmin huma tabilħaqq tempji; u kull tempju li jisfa mniġġes, Alla jeqred dak it-tempju.

36 Il-glorja ta’ Alla hija intelliġenza, jew, fi kliem ieħor, dawl u verità.

37 Id-dawl u l-verità jżommu ’l bogħod mill-malinn.

38 Kull spirtu tal-bniedem fil-bidu kien innoċenti; u peress li Alla feda lill-bniedem mill-waqgħa, il-bniedem reġa’ sar, fl-istat infantili tiegħu, innoċenti f’għajnejn Alla.

39 U dak il-ħażin jiġi u jisraq id-dawl u l-verità minn ulied il-bnedmin, permezz tad-diżubbidjenza u d-drawwiet ta’ missirijiethom.

40 Iżda jiena ordnajtilkom biex trabbu ’l uliedkom fid-dawl u l-verità.

41 Iżda tassew ngħidlek, O qaddej tiegħi Frederick G. Williams, inti għadek taħt din il-kundanna;

42 Inti m’għallimtx lil uliedek id-dawl u l-verità, skont l-ordnijiet tiegħi; u int għadek maħkum minn dak il-ħażin u din hi r-raġuni tal-hemm li inti tinsab fih.

43 U issa qed nordnalek—jekk inti tiġi meħlus inti għandek torganizza sew darek, għax hemm bosta ħwejjeġ f’darek li mhumiex sew.

44 Tassew, jiena ngħid lill-qaddej tiegħi Sidney Rigdon, li f’ċertu ħwejjeġ fejn jidħlu wliedu huwa ma ħarisx il-kmandamenti; għalhekk, l-ewwel għandu jorganizza sew daru.

45 Tassew, jiena ngħidlek O qaddej tiegħi Joseph Smith, Jun., jew aħjar, jiena ngħidilkom ħbieb tiegħi, għax intom ħbieb tiegħi, u intom se jkollkom sehem miegħi—

46 Jiena sejjaħtilkom qaddejja f’ġieħ in-nies tad-dinja, u intom il-qaddejja tagħhom għal ġieħi—

47 U issa, tassew ngħid lil Joseph Smith, Jun.—Inti ma ħaristx il-kmandamenti, u jeħtieġ li tiġi mċanfar quddiem il-Mulej;

48 Il-membri ta’ familtek jeħtieġ li jindmu u jabbandunaw ċerti affarijiet, u jagħtu aktar widen għall-ordnijiet tiegħek, għax inkella se jispiċċaw jitneħħew minn posthom.

49 Dak li ngħid lil wieħed ngħidu għal kulħadd; itolbu dejjem biex il-ħażin ma jkollu l-ebda setgħa fuqkom, u jispiċċa jneħħikom minn postkom.

50 Anke l-qaddej tiegħi Newel K. Whitney, li huwa isqof tal-knisja tiegħi, jeħtieġ li jiġi kkastigat, u jeħtieġ li jorganizza sew familtu, u għandu jara li huma jkunu aktar bilgħaqal u jinvolvu ruħkom aktar fid-dar, u li huma jitolbu dejjem, għax inkella se jispiċċaw jitneħħew minn posthom.

51 Issa, jien ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, jeħtieġ li l-qaddej tiegħi Sidney Rigdon imur fi triqtu, u ma jdumx, u huwa għandu jxandar ukoll is-sena tal-grazzja tal-Mulej, u l-evanġelju tas-salvazzjoni, għax lilu jiena tajt id-don tal-kelma; u jekk titolbu għalih b’qalb waħda, bil-fidi, lilu jiena nsostni.

52 U l-qaddejja tiegħi Joseph Smith Jun., u Frederick G. Williams jeħtieġ ukoll li ma jdumux, u jingħata lilhom sewwasew skont it-talb tal-fidi; u jekk intom tobdu kliemi intom ma titħawdux, la f’din id-dinja u lanqas fid-dinja li jmiss.

53 U tassew ngħidilkom, li hija r-rieda tiegħi li intom tfittxu tittraduċu l-iskrittura tiegħi, u tiksbu għarfien tal-istorja, u tal-pajjiżi, u tas-saltniet, u tal-liġijiet ta’ Alla u tal-bniedem, u għandkom tagħmlu dan kollu għas-salvazzjoni ta’ Sijon. Ammen.