Sezzjoni 89
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-27 ta’ Frar, 1833. Peress li f’dawk iż-żminijiet bikrin l-aħwa kienu jagħmlu użu mit-tabakk fil-laqgħat tagħhom, fuq suġġeriment ta’ martu, Emma Smith, il-Profeta staqsa lill-Mulej dwar dan. B’riżultat ta’ dan, huwa rċieva din ir-rivelazzjoni, magħrufa bħala l-Kelma tal-Għerf.
1–9, Huwa pprojbit li wieħed jixrob l-inbid, ix-xorb qawwi, u xarbiet sħan kif ukoll l-użu tat-tabakk; 10–17, Il-ħxejjex aromatiċi, il-frott, il-laħam, u ċ-ċereali ngħataw għall-użu tal-bniedem u l-annimali; 18–21, L-ubbidjenza lejn il-liġi tal-evanġelju, inkluż il-Kelma tal-Għerf, twassal għall-barkiet temporali u spiritwali.
1 Kelma tal-Għerf, għall-benefiċċju tal-membri tal-kunsill tal-qassisin il-kbar miġburin ġewwa Kirtland, u tal-knisja, kif ukoll tal-qaddisin ġewwa Sijon—
2 Li qed tintbagħat bħala tislima; u mhux bħala kmandament jew restrizzjoni, iżda qed tingħata permezz ta’ rivelazzjoni bħala l-kelma tal-għerf, u hija turi l-ordni u r-rieda ta’ Alla fejn tidħol il-benesseri temporali tal-qaddisin kollha fl-aħħar żminijiet—
3 U qed tingħata bħala prinċipju flimkien ma’ wegħda, u hi adattata b’mod biex ikunu kapaċi jobduha d-dgħajfin u l-aktar nies dgħajfa fost il-qaddisin kollha, li huma, jew li għad jistgħu jissejħu, qaddisin.
4 Araw, tassew, dan hu dak li jgħidilkom il-Mulej: Minħabba l-ħażen u t-tattiċi qarrieqa li jeżistu u se jeżistu fi qlub in-nies li jikkonfoffaw fl-aħħar żminijiet, jiena lilkom widdibt u se nerġa’ nwiddeb, billi nagħtikom din il-kelma tal-għerf permezz ta’ rivelazzjoni—
5 Li mhux tajjeb li fostkom ikun hemm min jixrob l-inbid jew xi xorb qawwi, u din lanqas mhi ħaġa aċċettabbli f’għajnejn Missierkom, ħlief meta intom tinġabru flimkien biex toffru s-sagramenti tagħkom quddiemu.
6 U araw, dan l-inbid għandu jkun, sewwasew, inbid pur tal-għenba, li tagħsru intom stess.
7 U x-xorb qawwi lanqas mhu tajjeb għall-istonku, iżda hu tajjeb biex taħslu ġisimkom bih.
8 U t-tabakk la hu tajjeb għall-ġisem, u lanqas għall-istonku, u mhuwiex tajjeb għall-bniedem, iżda huwa sewwasew ħaxixa aromatika tajba għal xi tbenġila, u għall-merħliet morda kollha, li għandha tintuża b’għaqal u kompetenza.
9 U x-xarbiet sħan ukoll, la huma tajbin għall-ġisem u lanqas għall-istonku.
10 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, li l-ħxejjex aromatiċi bnini Alla tahom kollha biex jintużaw għall-benesseri, għan-natura, u għall-użu tal-bniedem—
11 Kull ħaxixa aromatika fi żmienha, u kull frotta fi żmienha; dawn kollha għandhom jintużaw b’għaqal u b’radd il-ħajr.
12 Iva, jien, il-Mulej, tajtkom ukoll il-laħam tal-annimali u t-tjur tal-ajru biex il-bniedem jagħmel użu minnu b’radd il-ħajr; madankollu dan għandu jintuża b’moderazzjoni;
13 U jiena nieħu gost jekk intom tagħmlu użu minnu biss fi żmien ix-xitwa, jew fil-kesħa, jew fi żmien il-ġuħ.
14 Iċ-ċereali kollha jiena tajthom għall-użu tal-bniedem u tal-bhejjem, biex ikunu l-ħobż tal-ħajja, mhux biss għall-bniedem iżda wkoll għall-bhejjem tar-raba’, u l-għasafar tas-sema, u l-annimali selvaġġi kollha li jiġru jew jitkaxkru fuq l-art;
15 U Alla għamilhom kollha għall-użu tal-bniedem, biex jagħmel użu minnhom biss fi żmien il-għaks u fi żmien ta’ ġuħ kbir.
16 Iċ-ċereali kollha huma tajbin biex jittieklu mill-bniedem; u l-istess frott id-dwieli; sewwasew dak kollu li jagħti l-frott, kemm fl-art kif ukoll ’il fuq mill-art—
17 Madankollu, il-qamħ hu l-aħjar għall-bniedem, u l-qamħirrun għall-gendus, u l-ħafur għaż-żiemel, u s-segala għat-tajr u l-ħnieżer u għall-bhejjem tar-raba’, u x-xgħir għall-annimali essenzjali kollha u għax-xorb ħafif, u l-istess ċereali oħra.
18 U l-qaddisin kollha li jaraw li jħarsu u jagħmlu dak li ntqal hawnhekk, u jobdu l-kmandamenti, jingħataw is-saħħa f’żokrithom u l-mudullun f’għadamhom;
19 U huma jsibu l-għerf u teżori ta’ għarfien mill-aktar kbar, saħansitra teżori moħbija;
20 U huma jiġru bla ma jegħjew, u jimxu bla ma jintelqu.
21 U jien, il-Mulej, inwiegħedhom li l-anġlu l-qerriedi jgħaddi minn ħdejhom, kif għadda minn ħdejn ulied Iżrael, u ma joqtolhomx. Ammen.