Sezzjoni 88
Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta f’Kirtland, Ohio, nhar is-27 u t-28 ta’ Diċembru, 1833. Il-Profeta sejħilha bħala “‘l-werqa taż-żebbuġ’ … maqtugħa mis-Siġra tal-Ġenna, il-messaġġ ta’ paċi tal-Mulej għalina.” Ir-rivelazzjoni ngħatat waqt konferenza, wara li l-qassisin il-kbar talbu “b’mod individwali lill-Mulej bil-fomm biex huwa jiżvela magħna r-rieda tiegħu dwar it-twaqqif ta’ Sijon.”
1–5, Il-Qaddisin fidili jinżel fuqhom il-Farrâġ, li huwa l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem; 6–13, Kollox jiġi kkontrollat u mmexxi permezz tad-Dawl ta’ Kristu; 14–16, Il-Qawmien jiġi fis-seħħ minħabba l-Fidwa; 17–31, L-ubbidjenza lejn il-liġi ċelestjali, terrestjali, jew telestjali tħejji lill-bnedmin għal dawk is-saltniet u l-glorji rispettivi; 32–35, Dawk li jagħżlu li jibqgħu fi stat ta’ dnub jibqgħu maħmuġin; 36–41, Kull saltna tiġi mmexxija permezz tal-liġi; 42–45, Alla ta liġi għal kull ħaġa; 46–50, Il-bnedmin jaslu biex jagħrfu anke lil Alla; 51–61, Il-parabbola tar-raġel li jibgħat lill-qaddejja tiegħu fl-għalqa u jmur iżurhom wieħed wieħed; 62–73, Ersqu qrib il-Mulej, u taraw wiċċu; 74–80, Tqaddsu u għallmu lil xulxin id-duttrina tas-saltna; 81–85, Kull bniedem li ġie mwissi għandu jwissi lil għajru; 86–94, Is-sinjali, it-taqlib tal-elementi, u l-anġli jħejju t-triq għall-miġja tal-Mulej; 95–102, It-trombi tal-anġli jsejħu lill-mejtin biex iqumu meta jkun imiss lilhom; 103–116, It-trombi tal-anġli jħabbru r-restawrazzjoni tal-evanġelju, il-waqgħa ta’ Babilonja, u l-battalja tal-kbir Alla; 117–126, Iksbu t-tagħlim, waqqfu dar ta’ Alla (tempju), u ilbsu fuqkom l-irbit tal-karità; 127–141, Spjegata l-ordni tal-Iskola tal-Profeti, li tinkludi l-ordinanza tal-ħasil tas-saqajn.
1 Tassew, dan jgħid il-Mulej lilkom li nġbartu flimkien biex tkunu tafu x’inhi r-rieda tiegħu għalikom:
2 Araw, dan hu li jogħġob lill-Mulej tagħkom, u l-anġli jifirħu minħabba fikom; l-offerti tat-talb tagħkom waslu f’widnejn il-Mulej tal-Eżerċti, u jinsabu ddokumentati fil-ktieb tal-ismijiet tan-nies mqaddsa, sewwasew dawk tad-dinja ċelestjali.
3 Għalhekk, issa se nibgħat fuqkom Farrâġ ieħor, sewwasew fuqkom il-ħbieb tiegħi, ħalli jkun jista’ jgħammar f’qalbkom, l-istess Spirtu s-Santu li kien imwiegħed; Farraġ ieħor li huwa l-istess wieħed li jiena wegħidt lid-dixxipli tiegħi, kif hemm miktub fix-xhieda mogħtija minn Ġwanni.
4 Dan il-Farrâġ huwa l-wegħda Ii jiena nagħtikom tal-ħajja ta’ dejjem, sewwasew il-glorja tas-saltna ċelestjali;
5 Li hija l-glorja tal-knisja tal-Iben il-Kbir, u anke ta’ Alla, l-aktar qaddis fost kulħadd, permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu—
6 Hu li tela’ fil-għoli, kif ukoll li niżel aktar ’l isfel minn kollox, biex ikun jista’ jifhem kollox, biex ikun jista’ jkun f’kollox u f’kull ħaġa, hu li huwa d-dawl tal-verità;
7 Verità li tiddi. Dan huwa d-dawl ta’ Kristu. U huwa jinsab ukoll fix-xemx, u huwa d-dawl tax-xemx, u huwa l-qawwa li permezz tagħha ġiet fis-seħħ.
8 U huwa jinsab ukoll fil-qamar, u huwa d-dawl tal-qamar, u huwa l-qawwa li permezz tagħha ġie fis-seħħ;
9 U huwa wkoll id-dawl tal-kwiekeb, u huwa l-qawwa li permezz tagħha ġew fis-seħħ;
10 U huwa wkoll id-dawl tal-art, u l-qawwa li permezz tagħha ġiet fis-seħħ, l-istess art li tinsabu fuqha bħalissa.
11 U d-dawl li jiddi, li jagħtikom id-dawl, jasal permezz ta’ dak li jdawwal għajnejkom, li huwa l-istess dawl li jkabbar l-għarfien tagħkom;
12 Dawl li ġej minn fejn jgħammar Alla u li jimla’ l-immensità tal-ispazju—
13 Id-dawl li jinsab f’kollox, li jagħti d-dawl lil kollox, li huwa l-liġi li permezz tagħha jiġi kkontrollat kollox, sewwasew il-qawwa ta’ Alla li jinsab bilqiegħda fuq it-tron tiegħu, li jinsab fil-qalba tal-eternità, u fil-qalba ta’ kollox.
14 Issa, tassew ngħidilkom, li permezz tal-fidwa li ġiet fis-seħħ għalikom se jiġi fis-seħħ il-qawmien mill-imwiet.
15 U l-ispirtu u l-ġisem flimkien jagħmlu r-ruħ tal-bniedem.
16 U l-qawmien mill-imwiet huwa sewwasew il-fidwa tar-ruħ.
17 U l-fidwa tar-ruħ tiġi fis-seħħ permezz ta’ dak li jagħti l-ħajja lil kollox, li mill-ġewwieni tiegħu jiddikjara li l-fqajrin u l-ġwejdin għad jirtu l-art.
18 Għalhekk, jeħtieġ li hija tissaffa minn kull ħażen, ħalli tkun tista’ tħejji ruħha għall-glorja ċelestjali;
19 Għax wara li tkun laħqet l-għan tal-ħolqien tagħha, hija tiġi mżejna bil-glorja, sewwasew fil-preżenza ta’ Alla l-Missier;
20 Ħalli l-iġsma li jappartjenu għas-saltna ċelestjali jkunu jistgħu jgħammru fiha għal dejjem ta’ dejjem; għax kien sewwasew għal dan il-għan li hija saret u nħolqot, u hu għal dan il-għan li huma jiksbu l-qdusija.
21 U dawk li ma jiksbux il-qdusija permezz tal-liġi li jiena tajtkom, sewwasew il-liġi ta’ Kristu, sejrin jirtu saltna oħra, sewwasew is-saltna terrestjali, jew is-saltna telestjali.
22 Għax min mhux lest li jobdi l-liġi tas-saltna ċelestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l-glorja ċelestjali.
23 U min mhux lest li jobdi l-liġi tas-saltna terrestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l-glorja terrestjali.
24 U min mhux lest li jobdi l-liġi tas-saltna telestjali mhux se jkun kapaċi jissaporti l-glorja telestjali; għalhekk huwa mhumiex denn ta’ saltna ta’ glorja. Għalhekk huwa jkollu joqgħod jissaporti saltna li mhijiex saltna ta’ glorja.
25 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, l-art tobdi l-liġi tas-saltna ċelestjali, għax hija tilħaq l-għan tal-ħolqien tagħha, u ma tiksirx il-liġi—
26 Għalhekk, hija sejra tikseb il-qdusija; iva, minkejja li tmut, hija terġa’ tieħu l-ħajja, u tkun kapaċi tissaporti l-qawwa li permezz tagħha tkun ħadet il-ħajja, u se jkunu l-ġusti li jirtuha.
27 Għax minkejja li jmutu, huma wkoll għad jerġgħu jqumu b’ġisem spiritwali.
28 Dawk li għandhom spirtu ċelestjali sejrin jirċievu ġisem l-istess kif kien il-ġisem naturali tagħhom; tabilħaqq intom sejrin tirċievu l-ġisem tagħkom, u l-glorja tagħkom sejra tkun dik il-glorja li tat il-ħajja lil ġisimkom.
29 Intom li ngħatajtu l-ħajja minn parti mill-glorja ċelestjali mbagħad sejrin tiksbu sewwasew l-istess glorja fil-milja tagħha.
30 U dawk li ngħataw il-ħajja minn parti mill-glorja terrestjali mbagħad sejrin jiksbu sewwasew l-istess glorja fil-milja tagħha.
31 U dawk wkoll li ngħataw il-ħajja minn parti mill-glorja telestjali mbagħad sejrin jiksbu sewwasew l-istess glorja fil-milja tagħha.
32 U l-bqija se jingħataw ukoll il-ħajja; madankollu, huma sejrin jerġgħu lura f’posthom, biex igawdu dak li huma lesti li jaċċettaw, peress li ma kinux lesti li jgawdu dak li setgħu jingħataw.
33 Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jingħata rigal u ma jaċċettahx? Araw, huwa ma jifraħx b’dak li jingħatalu, u lanqas jifraħ b’dak li jagħtih ir-rigal.
34 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom li dak li jitmexxa permezz tal-liġi jiġi mħares ukoll permezz tal-liġi u jikseb il-perfezzjoni u l-qdusija permezz tal-istess liġi.
35 Dawk li jiksru l-liġi, u ma jgħixux skont il-liġi, iżda jagħżlu li jimxu wara liġijiet li joħolqu huma stess, u jridu jibqgħu jgħixu fid-dnub, u jibqgħu jgħammru għal kollox fid-dnub, ma jistgħux jiksbu l-qdusija, la permezz tal-liġi u lanqas permezz tal-ħniena jew tal-ġustizzja. Għalhekk, huma jibqgħu maħmuġin.
36 Kull saltna ġiet mogħtija liġi;
37 U hawn bosta saltniet; għax m’hawn l-ebda spazju li fih m’hemmx xi saltna; u m’hawn l-ebda saltna, sew jekk hi saltna akbar u sew jekk hi iżgħar, li fiha m’hemmx spazju.
38 U kull saltna tiġi mogħtija liġi; u ma’ kull liġi hemm ukoll ċerti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet.
39 L-esseri kollha li mhumiex lesti jgħixu taħt dawk il-kundizzjonijiet mhumiex se jkunu iġġustifikati.
40 Għax l-intelliġenza tinġibed lejn l-intelliġenza; l-għerf jistieden l-għerf; il-verità tħaddan il-verità; il-virtù jinġibed lejn il-virtù; id-dawl jinġibed lejn id-dawl; il-ħniena tħenn għal min iħenn u tidħol għalih; il-ġustizzja tkompli tagħmel xogħolha u tidħol għall-ġusti; il-ġudizzju huwa f’idejn dak li jinsab bilqiegħda fuq it-tron u li jmexxi u jagħmel kollox.
41 Huwa jifhem kollox, u kollox jinsab quddiemu, u kollox jinsab mdawwar miegħu; u huwa jinsab fuq kollox, u f’kollox, u huwa jidħol f’kollox, u jdawwar kollox; u kollox hu minħabba fih, u kollox ġej minnu, l-istess Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
42 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, huwa għamel liġi għal kollox, li permezz tagħha kollox idur f’waqtu u f’ħinu;
43 U r-rotot tagħhom huma stabbiliti, sewwasew ir-rotot tas-smewwiet u tal-art, u jinkludu din l-art u l-pjaneti kollha.
44 U huma jagħtu d-dawl lil xulxin f’waqthom u f’ħinhom, fil-minuti tagħhom, fis-sigħat tagħhom, fil-jiem tagħhom, fil-ġimgħat tagħhom, fix-xhur tagħhom, u fis-snin tagħhom—għal Alla dan kollu hu bħallikieku sena, iżda mhux l-istess għall-bniedem.
45 L-art iddur fuq ġwinħajha, u x-xemx tagħti d-dawl binhar, u l-qamar jagħti d-dawl billejl, u l-kwiekeb ukoll jagħtu d-dawl, hekk kif huma jduru fuq ġwenħajhom fil-glorja kollha tagħhom, f’nofs il-qawwa ta’ Alla.
46 Ma xiex triduni nqabbel dawn is-saltniet, ħalli tifhmuni?
47 Araw, dawn kollha huma saltniet, u kull min ra xi waħda minnhom, jew l-iżgħar fosthom, ra lil Alla jdur fil-kobor u l-qawwa tiegħu.
48 Jien ngħidilkom, huwa rah tabilħaqq; madankollu, dak li ġie f’daru, ma ġiex milqugħ.
49 Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma jagħrfux; madankollu, għad jasal il-jum meta intom għad tagħrfu anke lil Alla, għax intom tingħataw il-ħajja fih u permezz tiegħu.
50 Mbagħad għad tagħrfu li intom rajtuni, u li jiena hu tabilħaqq, u li jiena l-vera dawl li jinsab fikom, u li intom tinsabu fija; altrimenti intom ma tistgħux toktru.
51 Araw, jiena nxebbah dawn is-saltniet ma raġel li għandu għalqa, u huwa bagħat lill-qaddejja tiegħu fl-għalqa biex jagħżquha.
52 U huwa jgħid lill-ewwel qaddej: Mur u aħdem fl-għalqa, u fl-ewwel siegħa jiena niġi ħdejk, u inti tkun tista’ tara wiċċi jiddi bil-hena.
53 U huwa qal lit-tieni wieħed: Mur aħdem fl-għalqa int ukoll, u fit-tieni siegħa jiena niġi ħdejk b’wiċċi jiddi bil-hena.
54 U qal ukoll lit-tielet wieħed: Jien se niġi nżurek;
55 U l-istess qal lir-raba’ wieħed, u kompla hekk sat-tnax-il wieħed.
56 U fl-ewwel siegħa sid il-għalqa mar għand l-ewwel wieħed, u għadda dik is-siegħa kollha miegħu, u huwa feraħ minħabba d-dawl li beda jiddi fuq wiċċ sidu.
57 Imbagħad huwa telaq minn ħdejn l-ewwel wieħed u mar iżur ukoll lit-tieni wieħed, u lit-tielet, u lir-raba’, u kompla hekk sal-ħdax-il wieħed.
58 U b’hekk huma lkoll irċevew id-dawl li beda jiddi fuq wiċċ sidhom, kull wieħed fis-siegħa tiegħu, u f’waqtu, u f’ħinu—
59 Mill-ewwel wieħed sal-aħħar wieħed, u mill-aħħar wieħed sal-ewwel wieħed, u mill-ewwel wieħed sal-aħħar wieħed;
60 Kull wieħed meta kien imissu hu, sakemm għaddietlu s-siegħa tiegħu, sewwasew skont kif ordnalu sidu, biex permezz tiegħu sidu jkun jista’ jiġi gglorifikat, u l-istess jiġi gglorifikat hu f’sidu, sabiex ilkoll jiġu gglorifikati.
61 Għalhekk, ma’ din il-parabbola jiena nxebbah dawn is-saltniet kollha, u dawk kollha li jgħammru fihom—kull saltna fis-siegħa tagħha, u f’ħinha, u f’waqtha, sewwasew skont id-digriet li xandar Alla.
62 U għal darb’oħra, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, jien se nħallikom tixtarru f’qalbkom dak li għidtilkom, kif ukoll dan il-kmandament li jiena se nagħtikom, li intom għandkom issejħuli waqt li ninsab qrib tagħkom—
63 Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bil-ħrara u ssibuni; itolbu, u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom.
64 Dak kollu li titolbu lill-Missier f’ismi jingħatalkom, jekk ikun ta’ ħtieġa għalikom;
65 U jekk titolbu għal xi ħaġa li mhijiex ta’ ħtieġa għalikom, hija twassal għall-kundanna tagħkom.
66 Araw, dak li qed tisimgħu huwa bħal-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert—fid-deżert, għaliex ma tistgħux tarawh—li huwa sewwasew leħni, għaliex leħni huwa Spirtu; l-Ispirtu tiegħi huwa verità; il-verità tibqa’ għal dejjem u m’għandhiex tmiem; u jekk hija tinsab fikom hija titkattar.
67 U jekk intom iżżommu ħarsitkom fuq il-glorja tiegħi, ġisimkom kollu jimtela bid-dawl, u ma jkun hemm l-ebda dalma fikom; u dak il-ġisem li hu mimli dawl jasal biex jifhem kollox.
68 Għalhekk, tqaddsu b’mod li ħsibijietkom ikunu dejjem fuq Alla, u jasal iż-żmien meta lilu intom taraw; għax huwa jikxfilkom wiċċu, u dan iseħħ fil-ħin li jrid hu, u bil-mod li jrid hu, skont ir-rieda tiegħu.
69 Ftakru fl-aħħar wegħda kbira li jien għamiltilkom; eħilsu lilkom infuskom mill-ħsibijiet li ma jiswew għal xejn, u mid-daħk żejjed.
70 Ibqgħu hawn f’dan il-post, u sejħu laqgħa solenni, sewwasew għal dawk li huma l-ewwel ħaddiema f’din l-aħħar saltna.
71 U dawk li huma wissew jeħtieġ li waqt li jkunu fi triqthom isejħu lill-Mulej, u jgħaddu ftit ħin jixtarru f’qalbhom it-twissija li ngħataw.
72 Araw, jiena nieħu ħsieb il-merħliet tagħkom, u nqajjem presbiteri u nibgħathom iżuruhom.
73 Araw, jiena nħabrek biex il-ħidma tiegħi sseħħ fil-ħin opportun.
74 U lilkom, li intom l-ewwel ħaddiema f’din l-aħħar saltna, nordnalkom sabiex tinġabru flimkien, u torganizzaw u tħejju lilkom infuskom, u titqaddsu; iva, saffu qlubkom, u naddfu idejkom u riġlejkom quddiemi, sabiex jiena nnaddafkom;
75 Ħalli jiena nkun nista’ nixhed quddiem Missierkom, u Alla tagħkom, u Alla tiegħi, li intom tinsabu mnaddfa mid-demm ta’ dan in-nisel ħażin; ħalli jiena nkun nista’ nwettaq din il-wegħda, din il-wegħda kbira, l-aħħar waħda, li jien għamilt magħkom, meta nħoss li għandi nagħmel dan.
76 U nordnalkom ukoll biex minn issa ’l quddiem tkomplu titolbu u ssumu.
77 U nordnalkom sabiex tgħallmu lil xulxin id-duttrina tas-saltna.
78 Għallmu bir-reqqa, u l-grazzja tiegħi tkun magħkom, sabiex intom tiġu mgħallmin aktar bis-sħiħ fit-teorija, fil-prinċipju, fid-duttrina, fil-liġi tal-evanġelju, u f’kull ħaġa relatata mas-saltna ta’ Alla, li jkun jaqbel li tifhmuha;
79 Dwar ħwejjeġ li jinsabu kemm fis-sema u kemm fl-art, kif ukoll taħt l-art; ħwejjeġ li kienu, ħwejjeġ li huma, u ħwejjeġ li għad iridu jseħħu dalwaqt; kemm f’pajjiżkom u kemm lil hinn; kif ukoll dwar il-gwerer, u dwar ġnus li ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu, u dwar dak kollu li se jolqot il-pajjiżi tal-art; u biex intom ikollkom għarfien ukoll tal-pajjiżi u tas-saltniet—
80 Sabiex intom tkunu tistgħu titħejjew f’kull ħaġa meta jiena nerġa’ nibgħatkom sabiex tonoraw is-sejħa li sejjaħtilkom għaliha, u l-missjoni li ħtartkom fiha.
81 Araw, jiena bgħattkom sabiex tixhdu u twissu lin-nies, u jeħtieġ li kull bniedem li ġie mwissi imur iwissi lil għajru.
82 Għalhekk, huma ma baqgħalhom l-ebda skuża, u huma jridu jagħtu kont ta’ dnubiethom.
83 Min mas-sebħ lili jfittex isibni, u jien lilu ma nabbandunahx.
84 Għalhekk, ibqgħu hawn u aħdmu bil-ħerqa, ħalli l-ministeru tagħkom ikun wieħed perfett meta intom tmorru fost il-Ġentili għall-aħħar darba, intom kollha li tiġu msejħa permezz ta’ fomm il-Mulej, biex torbtu l-liġi u tissiġillaw ix-xhieda, u biex tħejju lill-qaddisin għas-siegħa tal-ħaqq li għad trid tiġi;
85 Sabiex ruħhom tkunu tista’ teħlisha mill-korla ta’ Alla, mill-ħerba orribbli li hemm tistenna lill-ħżiena, kemm f’din id-dinja kif ukoll fid-dinja li għandha tiġi. Tassew ngħidilkom, li jeħtieġ li dawk li mhumiex l-ewwel presbiteri jkomplu jaħdmu fl-għalqa sakemm huma jiġu msejħa permezz ta’ fomm il-Mulej, għax il-ħin tagħhom għadu ma wasaltx; ilbieshom għadu mhux imnaddaf mid-demm ta’ dan in-nisel.
86 Ibqgħu gawdu l-ħelsien li permezz tiegħu intom nies ħielsa; la tintilfux wara d-dnub iżda araw li idejkom ikunu nodfa sa ma jasal il-Mulej.
87 Għax ftit żmien ieħor u l-art sejra titheżżeż u titbandal ’l hemm u ’l hawn bħal raġel fis-sakra; u x-xemx sejra taħbi wiċċha, u ma tkunx trid tagħti d-dawl; u l-qamar jispiċċa maħsul bid-demm; u l-kwiekeb jimtlew b’għadab kbir, u jinxteħtu għal isfel bħall-frott misjur li jaqa’ mit-tina.
88 U wara li tkunu qsamtu x-xhieda tagħkom, il-poplu se jintlaqat mill-qilla u l-għadab.
89 Għax wara x-xhieda tagħkom ikun hemm ix-xhieda tat-theżżiż, li twassal għat-tnehid f’nofs l-art, u n-nies jispiċċaw jaqgħu mal-art u ma jkunux jistgħu jqumu.
90 U jkun hemm ukoll ix-xhieda ta’ leħen ir-ragħad, u leħen il-beraq, u leħen it-tempesti, u leħen il-mewġ tal-baħar li jogħla b’qawwa li tiżboq il-qawwa normali tiegħu.
91 Se jkun hawn konfużjoni sħiħa; u n-nies, bla dubju, se jkollhom qalbhom maqtugħa; għax kulħadd se jinħakem mill-biża’.
92 U l-anġli sejrin itiru fl-għoli tas-sema u jgħajtu b’leħen għoli, waqt li jdoqqu t-tromba ta’ Alla, u jgħidu: Ħejju lilkom infuskom intom li tgħammru fuq l-art; għax wasal jum il-ħaqq ta’ Alla. Araw, wasal l-Għarus; morru biex tiltaqgħu miegħu.
93 U minnufih jidher sinjal fis-smewwiet, u l-bnedmin jarawh kollha f’daqqa.
94 U anġlu ieħor sejjer idoqq it-tromba u jgħid: Dik il-knisja kbira, omm kull abominazzjoni, li wasslet lill-ġnus kollha sabiex jixorbu l-inbid ibaqbaq taż-żína tagħha, li tippersegwita lill-qaddisin ta’ Alla, u xxerred demmhom—dik li tinsab bilqiegħda fuq bosta ilmijiet, u fuq il-gżejjer tal-baħar—araw, hija s-sikrana tal-art; hija tinsab marbuta qatta qatta; l-irbit tagħha hu b’saħħtu, u ħadd ma jista’ jħollu; għalhekk, hija tinsab lesta biex tinħaraq. U huwa se jdoqq it-tromba b’ħoss qawwi u jgħajjat, u se jisimgħuh il-ġnus kollha.
95 U se jkun hemm is-skiet fis-smewwiet għal nofs siegħa sħiħa; u dlonk wara tinfetaħ il-purtiera tas-smewwiet, kif jinfetaħ ktieb meta jitkebbeb ’il fuq, u jiġi żvelat wiċċ il-Mulej;
96 U l-qaddisin li jkunu għadhom ħajjin fuq l-art, jingħataw il-ħajja u jinħatfu sabiex imorru jiltaqgħu miegħu.
97 U dawk li raqdu f’qabarhom sejrin joħorġu minnu, għax l-oqbra tagħhom sejrin jinfetħu; u huma wkoll sejrin jinħatfu sabiex imorru jiltaqgħu miegħu f’nofs il-kolonna tas-sema—
98 Huma jappartjenu lil Kristu, l-ewwel frott, u se jkunu l-ewwel li jinżlu miegħu, u dawn huma dawk li jinsabu fuq l-art u f’qabarhom, li se jinħatfu l-ewwel biex jiltaqgħu miegħu; u dan kollu se jseħħ wara li jinstama’ l-ħoss tat-tromba tal-anġlu ta’ Alla.
99 U dlonk wara, anġlu ieħor sejjer idoqq it-tieni tromba; u mbagħad tasal il-fidwa ta’ dawk li jappartjenu lil Kristu fil-miġja tiegħu; huma li kienu jinsabu f’dak il-ħabs li hemm imħejji għalihom, fejn huma jistgħu jaċċettaw l-evanġelju, u jsir ħaqq minnhom skont il-bnedmin fil-ġisem.
100 U għal darb’oħra, se tindaqq tromba oħra, li hija t-tielet tromba; u mbagħad jiġu l-ispirti ta’ dawk li li se jsir ħaqq minnhom, u huma jinstabu ħatja;
101 U dawn huma l-bqija tal-mejtin; u huma ma jerġgħux jieħdu l-ħajja qabel ma jkunu ntemmu l-elf sena, jiġifieri, sa meta jasal tmiem id-dinja.
102 U tinstama’ tromba oħra, li hija r-raba’ tromba, tgħid: Fost dawk li se jibqgħu jistennew sa dak il-jum kbir u aħħari, jiġifieri sal-aħħar, hemm dawk li se jibqgħu maħmuġin.
103 U tindaqq tromba oħra, li hija l-ħames tromba, mill-ħames anġlu li jiġi biex iwassal l-evanġelju ta’ dejjem—waqt li huwa jittajjar fl-għoli tas-sema, lil kull ġens, tribù, ilsien, u poplu;
104 U l-ħoss tat-tromba tiegħu se jkun dan, li jgħid lin-nies kollha, kemm fis-sema u kemm fl-art, kif ukoll dawk li jinsabu taħt l-art—għax kull widna se tisimgħu, u kull irkoppa se tmil, u kull ilsien se jistqarr, meta jisimgħu l-ħoss tat-tromba: Ibżgħu minn Alla, u agħtu glorja lil dak li jinsab bilqiegħda fuq it-tron, għal dejjem ta’ dejjem; għax waslet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu.
105 U għal darb’oħra, anġlu ieħor, li huwa s-sitt anġlu, sejjer idoqq it-tromba tiegħu, u jgħid: Waqgħet dik li sqiet il-ġnus kollha bl-inbid ibaqbaq taż-żína tagħha; hija waqgħet, hija waqgħet!
106 U għal darb’oħra, anġlu ieħor, li huwa s-seba’ anġlu, sejjer idoqq it-tromba tiegħu, u jgħid: Kollox mitmum, kollox mitmum! Il-Ħaruf ta’ Alla għeleb u għaffeġ waħdu sewwasew il-magħsar tas-saħna tal-korla t’Alla li Jista’ Kollox.
107 U mbagħad l-anġli jiġu nkurunati bil-glorja tal-qawwa tiegħu, u l-qaddisin sejrin jimtlew bil-glorja tiegħu, u huma jingħataw sehemhom u jkollhom dak kollu li għandu hu.
108 U mbagħad l-ewwel anġlu jerġa’ jdoqq it-tromba tiegħu f’widnejn il-ħajjin kollha, u huwa jiżvela l-għemejjel moħbija tal-bnedmin, u l-għeġubijiet kbar ta’ Alla fl-ewwel elf sena.
109 U mbagħad it-tieni anġlu jdoqq it-tromba tiegħu, u jiżvela l-għemejjel moħbija tal-bnedmin, u l-ħsibijiet u l-fehmiet ta’ qalbhom, u l-għeġubijiet kbar ta’ Alla fit-tieni elf sena—
110 U jibqgħu sejrin hekk sakemm is-seba’ anġlu jdoqq it-tromba tiegħu; u huwa jieħu postu fuq l-art u fuq il-baħar, u jaħlef f’isem dak li jinsab bilqiegħda fuq it-tron, li ma baqax aktar żmien; u Satana, dak is-serp tal-qedem, li jissejjaħ ix-xitan, se jisfa marbut, u mhuwiex se jinħall għal elf sena sħaħ.
111 U mbagħad huwa sejjer jinħall għal xi żmien, biex ikun jista’ jiġbor flimkien l-armati tiegħu.
112 U Mikiel, is-seba’ anġlu, sewwasew l-arkanġlu, sejjer jiġbor flimkien l-armati tiegħu, sewwasew l-eżerċti tas-smewwiet.
113 U x-xitan sejjer jiġbor flimkien l-armati tiegħu; sewwasew l-eżerċti tal-infern, u huwa jiġi biex jiġġieled kontra Mikiel u l-armati tiegħu.
114 U mbagħad jingħata bidu għall-battalja tal-kbir Alla; u x-xitan u l-armati tiegħu jinxteħtu fil-post li hemm lest għalihom, fejn huma ma jkollhom l-ebda setgħa aktar fuq il-qaddisin.
115 Għax Mikiel sejjer jiġġieled il-battalji tagħhom, u huwa jegħleb lil dak li jipprova jneħħi minn fuq it-tron lil dak li jinsab bilqiegħda fuq it-tron, li huwa l-Ħaruf.
116 Din hija l-glorja ta’ Alla, u tal-qaddisin; u huma qatt aktar mhuma se jesperjenzaw il-mewt.
117 Għalhekk, tassew ngħidilkom, ħbieb tiegħi, sejħu laqgħa solenni, kif ordnajtilkom jien.
118 U peress li mhux ilkoll kemm intom għandkom il-fidi, fittxu bir-reqqa biex tgħallmu lil xulxin kliem il-għerf; iva, fittxu fl-aqwa kotba kliem il-għerf; fittxu li titgħallmu, sew permezz tal-istudju u sew permezz tal-fidi.
119 Organizzaw ruħkom; ħejju kull ħaġa meħtieġa; u waqqfu dar, sewwasew dar ta’ talb, dar ta’ sawm, dar ta’ fidi, dar ta’ tagħlim, dar ta’ glorja, dar ta’ ordni, dar ta’ Alla;
120 Ħalli kull darba li tidħlu fiha intom tagħmlu dan f’isem il-Mulej; u kull darba li toħorġu minnha tagħmlu dan f’isem il-Mulej; ħalli t-tislim tagħkom isir f’isem il-Mulej, billi tgħollu jdejkom ’il fuq lejn l-Għoli.
121 Għalhekk, ieqfu minn kull diskors fieragħ, u mid-daħk tagħkom, u mill-ġibdiet ħżiena, u minn kull kburija u frivolezza, u mill-għemejjel ħżiena tagħkom.
122 Aħtru għalliem minn fostkom, u titkellmux ilkoll f’ħin wieħed; iżda tkellmu wieħed wara l-ieħor u isimgħu lkoll lil xulxin, ħalli meta intom ilkoll titkellmu, intom tkunu tistgħu tedifikaw ruħkom, u kulħadd ikun jista’ jkollu l-istess privileġġ.
123 Araw li tħobbu lil xulxin; araw li ma jkun hemm l-ebda rgħiba; tgħallmu aqsmu ġidkom bejnietkom kif jitlob l-evanġelju.
124 Tkunux aktar għażżenin; tibqgħux tikkritikaw lil xulxin; tibqgħux torqdu aktar milli hu meħtieġ; iddumux ma tmorru fis-sodda, biex ma tkunux għajjenin; qumu kmieni, biex ġisimkom u moħħkom ikun frisk.
125 U fuq kollox, ilbsu fuqkom l-irbit tal-karità, bħallikieku xi mantar, li huwa sewwasew l-irbit tal-perfezzjoni u s-sliem.
126 Itolbu dejjem, ħalli ma taqtgħux qalbkom, sakemm jiena niġi. Araw, jiena ġej dalwaqt, u jien se neħodkom miegħi. Ammen.
127 U għal darb’oħra, din hi l-ordni tad-dar imħejjija għall-presidenza tal-iskola tal-profeti, li twaqqfet biex huma jitgħallmu kull ħaġa li jaqbel lilhom, sewwasew dawk kollha li huma l-uffiċjali tal-knisja, jew fi kliem ieħor, dawk li huma msejħin għall-ministeru fil-knisja, mill-qassisin il-kbar sad-djakni—
128 U din għandha tkun l-ordni tad-dar tal-presidenza tal-iskola: Dak li jinħatar president, jew għalliem, għandu jieqaf fid-dar li tħejjiet għalih.
129 Għalhekk, huwa għandu jkun l-ewwel wieħed li jmur fid-dar ta’ Alla, fejn il-ġemgħa li jkun hemm fid-dar tkun tista’ tisma’ kliemu bir-reqqa u b’mod ċar, mingħajr ma jgħajjat.
130 U meta huwa jasal fid-dar ta’ Alla, għax hu għandu jkun l-ewwel wieħed fid-dar—araw, din hi ħaġa sabiħa, li huwa jkun ta’ eżempju—
131 Huwa għandu jinżel għarkupptejh u joffri talbu quddiem Alla, bħala sinjal jew tifkira tal-patt ta’ dejjem.
132 U meta jidħol xi ħadd warajh, l-għalliem għandu jqum, u b’idejh dritti mgħollija lejn is-smewwiet, huwa jsellem lil ħuh jew lil ħutu b’dan il-kliem:
133 Inti ħija, jew intom ħuti? Insellimlek f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, permezz tas-sinjal jew tat-tifkira tal-patt ta’ dejjem, il-patt li permezz tiegħu jiena nilqgħek f’din is-sħubija, b’determinazzjoni soda, li ma titħarrikx u ma tinbidilx, biex jiena nkun il-ħabib tiegħek u nkun ukoll ħuk permezz tal-grazzja ta’ Alla fl-irbit tal-imħabba, ħalli jiena ngħix il-kmandament kollha ta’ Alla bla ħtija u bi gratitudni, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
134 U min jinstab li mhuwiex denn ta’ din it-tislima postu mhuwiex magħkom; għax intom m’għandkomx tħalluh iħammeġ dari.
135 U min jidħol u huwa fidil f’għajnejja, u huwa ħukom, jew huma ħutkom fil-knisja, huma għandhom isellmu lill-president jew lill-għalliem b’idejhom mgħollija lejn is-smewwiet, permezz ta’ din l-istess talba u dan il-patt, jew billi jgħidu Ammen, bħala sinjal ta’ din l-istess talba u dan il-patt.
136 Araw, tassew ngħidilkom, dan huwa eżempju kif intom għandkom isellmu lil xulxin fid-dar ta’ Alla, fl-iskola tal-profeti.
137 U intom imsejħin tagħmlu dan permezz tat-talb u r-radd il-ħajr, kif tiġu mmexxija tagħmlu mill-Ispirtu f’kulma tagħmlu fid-dar tal-Mulej, fl-iskola tal-profeti, sabiex hija tkun tista’ ssir santwarju, sewwasew tabernaklu li fih jgħammar l-Ispirtu s-Santu għall-edifikazzjoni tagħkom.
138 U f’din l-iskola għandkom tilqgħu fostkom biss lil min huwa mnaddaf mid-demm ta’ dan in-nisel;
139 U għandkom tilqgħuh permezz tal-ordinanza tal-ħasil tas-saqajn, għax kien għal dan il-għan li ġiet imwaqqfa l-ordinanza tal-ħasil tas-saqajn.
140 U għal darb’oħra, l-ordinanza tal-ħasil tas-saqajn għandha tiġi amministrata mill-president, jew mill-presbiteru li jippresedi tal-knisja.
141 Għandu jingħata bidu għaliha permezz ta’ talba; u wara li jieħu l-ħobż u l-ilma, hu għandu jitħażżem skont kif hemm miktub f’ kapitlu tlettax tax-xhieda ta’ Ġwanni li huwa kiteb dwari. Ammen.