Skrittura
Duttrina u Patti 87


Sezzjoni 87

Rivelazzjoni u profezija relatata ma’ gwerra, mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, jew x’imkien fil-qrib, nhar il-25 ta’ Diċembru, 1832. F’dawn iż-żminijiet, nqalgħet kontroversja sħiħa fl-Istati Uniti dwar l-iskjavitù u l-aġir ta’ South Carolina li ma jħallsu l-ebda tariffi federali. L-istorja ta’ Joseph Smith tiddikjara li “d-dehra li kien se jqum l-inkwiet fost il-ġnus” bdiet issir “ferm aktar ċara milli qatt kienet qabel” għall-Profeta, “sa minn meta l-Knisja bdiet bil-vjaġġ tagħha lil hinn mill-oskurità.”

1–4, Imbassra gwerra bejn l-Istati tat-Tramuntana u l-Istati tan-Nofsinhar; 5–8, Dawk kollha li jgħammru fuq l-art se jintlaqtu minn għawġ mill-aktar kbir.

1 Tassew, dan jgħid il-Mulej dwar il-gwerer li se jseħħu dalwaqt, fejn kollox se jibda minn irvell ġewwa South Carolina, li eventwalment se jwassal għall-mewt u l-hemm ta’ bosta erwieħ;

2 U se jasal iż-żmien fejn dil-gwerra se tispiċċa tolqot il-ġnus kollha, u kollox se jibda minn dan il-post.

3 Għax araw, l-Istati tan-Nofsinhar sejrin jinfirdu mill-Istati tat-Tramuntana, u l-Istati tan-Nofsinhar se jitolbu l-għajnuna ta’ ġnus oħra, inkluż il-ġens magħruf bħala l-Gran Brittanja, u huma se jitolbu l-għajnuna wkoll ta’ ġnus oħra, biex ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra ġnus oħra; imbagħad il-gwerra se tispiċċa tinfirex mal-ġnus kollha.

4 U għad jiġri li wara bosta jiem, l-iskjavi sejrin iqumu kontra s-sidien tagħhom, li jispiċċaw jorganizzaw irwieħhom u jitħarrġu għall-gwerra.

5 U għad jiġri wkoll li dawk li jkun għad baqa’ fil-pajjiż jorganizzaw irwieħhom u jimtlew b’għadab kbir, u lill-Ġentili jispiċċaw jgħadduhom minn tbatija mill-aktar kbira.

6 U b’hekk, jibku sejrin dawk li jgħammru fuq l-art minħabba x-xabla u t-tixrid tad-demm; u permezz tal-ġuħ, u l-pesta, u t-theżżiż, u r-ragħad tas-sema, kif ukoll permezz tal-beraq feroċi u qawwi, dawk li jgħammru fuq l-art se jesperjenzaw l-għadab, il-qilla, u l-id li twiddeb ta’ Alla li Jista’ Kollox, sakemm il-qerda preskritta tispiċċa tagħmel straġi mill-ġnus kollha;

7 Biex l-għajta tal-qaddisin, u demm il-qaddisin, ma jibqgħux aktar jitilgħu minn din l-art u jilħqu widnejn il-Mulej tal-Eżerċti, biex hu jitħallas mill-għedewwa tagħhom.

8 Għalhekk, jeħtieġ li intom tieqfu dejjem f’postijiet qaddisa u ma titħarrkux, sal-jum li fih jiġi l-Mulej; għax araw, huwa se jiġi dalwaqt, jgħid il-Mulej. Ammen.