Skrittura
Duttrina u Patti 86


Sezzjoni 86

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-6 ta’ Diċembru, 1832. Din ir-rivelazzjoni ngħatat waqt li l-Profeta kien qed jirrevedi u jeditja l-manuskritt tat-traduzzjoni tal-Bibbja.

1–7, Il-Mulej jiżvela t-tifsira tal-parabbola tal-qamħ u s-sikrana; 8–11, Huwa jispjega l-barkiet tas-saċerdozju li jingħataw lil dawk li bil-liġi huma werrieta skont in-nisel.

1 Tassew, dan jgħid il-Mulej lilkom il-qaddejja tiegħi, dwar il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana:

2 Araw, tassew ngħidilkom, l-għalqa kienet id-dinja, u l-appostli kienu dawk li żergħu ż-żerriegħa;

3 U wara li huma raqdu, il-persekutur il-kbir tal-knisja, dik li waqgħet f’apostasija, il-prostituta, l-istess Babilonja, li twassal biex il-ġnus kollha jixorbu mit-tazza tagħha, li bilqiegħda f’qalbha hemm isaltan l-għadu, l-istess Satana—arawh jiżra’ s-sikrana; għalhekk, is-sikrana toħnoq il-qamħ u tixħet il-knisja fid-deżert.

4 Għax araw, fl-aħħar żminijiet, sewwasew bħalissa, waqt li l-Mulej qed jibda jistabbilixxi l-kelma, u l-qamħ qed jinbet u għadu artab—

5 Araw, tassew ngħidilkom, l-anġli qed isejħu lill-Mulej lejl u nhar, fejn huma jinsabu lesti u qed jistennew biex jintbagħtu ħalli jaħsdu l-għelieqi;

6 Iżda l-Mulej jgħidilhom, taqtgħux is-sikrana waqt li l-qamħ għadu artab (għax il-fidi tagħkom hi tabilħaqq dgħajfa), ma tmorrux teqirdu wkoll il-qamħ.

7 Għalhekk, ħallu l-qamħ u s-sikrana jikbru flimkien sakemm jilħaq sew il-ħsad; mbagħad isseparaw l-ewwel il-qamħ mis-sikrana, u wara li tiġbru l-qamħ, araw, orbtu flimkien is-sikrana qatta qatta, u mbagħad l-għalqa agħtuha n-nar.

8 Għalhekk, dan jgħidilkom il-Mulej, intom li bikom is-saċerdozju baqa’ għaddej permezz ta’ nisel missirijietkom—

9 Għax bil-liġi intom werrieta, skont in-nisel, u intom bqajtu moħbija mid-dinja flimkien ma’ Kristu permezz ta’ Alla—

10 Għalhekk intom ġejtu mħarsa u s-saċerdozju kompla għaddej, u jeħtieġ li jkompli permezz tagħkom u n-nisel tagħkom, sakemm kull ħaġa li ġiet imlissna minn fomm il-profeti qaddisa kollha sa mill-bidu tad-dinja tkun irrestawrata.

11 Għalhekk, henjin intom jekk tibqgħu fi tjubiti, u tkomplu tkunu dawl għall-Ġentili, u permezz ta’ dan is-saċerdozju, tkunu salvaturi għall-poplu tiegħi Iżrael. Dan hu kliem il-Mulej. Ammen.