Skrittura
Duttrina u Patti 85


Sezzjoni 85

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar is-27 ta’ Novembru, 1832. Din is-sezzjoni hija silta minn ittra li l-Profeta bagħat lil William W. Phelps, li kien qed jgħix ġewwa Independence, Missouri. Hija tweġiba għal xi mistoqsijiet li saru dwar dawk il-Qaddisin li, minkejja li marru joqogħdu f’Sijon, ma mxewx mal-ordni li ngħataw biex jikkonsagraw ġidhom, u b’hekk huma ma ħadux sehemhom skont l-ordni li ġiet stabbilita fil-Knisja.

1–5, Il-membri f’Sijon jingħataw sehemhom permezz tal-konsagrazzjoni; 6–12, Wieħed qawwi u setgħan jagħti lill-Qaddisin sehemhom f’Sijon.

1 Huwa d-dmir tal-iskrivan tal-Mulej, li ġie maħtur minnu, li jżomm rendikont ġenerali tal-knisja u jikteb dwar dak kollu li jseħħ ġewwa Sijon, u dwar dawk kollha li jikkonsagraw ġidhom, u jiġu mogħtija sehemhom mill-isqof skont il-liġi;

2 Kif ukoll dwar l-istil ta’ ħajja tagħhom, il-fidi tagħhom u ħidmiethom; kif ukoll dwar dawk li waqgħu f’apostasija wara li ngħataw sehemhom.

3 Hi ħaġa li tmur kontra r-rieda u l-kmandament ta’ Alla li dawk li ma jingħatawx sehemhom b’riżultat tal-konsagrazzjoni, skont il-liġi tiegħu, li hu ta sabiex ikun jista’ jara li l-poplu tiegħu jħallas id-dieċmi, biex b’hekk iħejjihom għal jum il-vendetta u n-nirien, ikollhom isimhom iddokumentat ma’ dawk li huma parti mill-poplu ta’ Alla.

4 U m’għandux jinżamm għarblu tar-razza tagħhom, u lanqas m’għandu jsib postu fuq ir-reġistri jew fl-istorja tal-knisja.

5 U isimhom m’għandux jinkiteb fil-ktieb tal-liġi ta’ Alla, u l-istess isem missirijiethom, jew isem uliedhom, jgħid il-Mulej tal-Eżerċti.

6 Iva, dan hu dak li jgħid il-leħen ħelu u sieket, li jgħaddi minn kollox u li jinfed kollox, u ħafna drabi jwassal biex għadmi jitriegħed waqt li juri lilu nnifsu quddiemi, u jgħid:

7 U għad jiġri li jien, il-Mulej Alla, sejjer nibgħat wieħed qawwi u setgħan, bix-xettru tal-poter f’idu, mlibbes bid-dawl, u minn fommu huwa se jitlissen il-kliem ta’ dejjem; waqt li l-ġewwieni tiegħu se jkun għajn ta’ verità, biex iġib f’postha d-dar ta’ Alla, u jirregola, skont il-plott, sehem il-qaddisin li isimhom, u isem missirijiethom, u isem uliedhom, jinsab iddokumentat fil-ktieb tal-liġi ta’ Alla;

8 Filwaqt li dak ir-raġel, li ġie msejjaħ u maħtur minn Alla, li jmedd idu biex jipprova jiddritta l-arka ta’ Alla, se jispiċċa jaqa’ mal-art mad-daqqa tal-mewt, bħal siġra li tintlaqat b’qawwa minn daqqa ta’ sajjetta.

9 U dawk kollha li isimhom ma jkunx miktub fi ktieb it-tifkiriet mhu se jingħataw l-ebda sehem f’dak il-jum, iżda huma jispiċċaw jitqattgħu biċċiet, u sehemhom ikun qalb dawk li ma jemmnux, fejn hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

10 Dawn il-ħwejjeġ mhux qed ngħidhom minn żniedi; għalhekk, għax qed jgħidhom il-Mulej, hu se jara li jiġu fis-seħħ.

11 U dawk li jagħmlu parti mis-Saċerdozju l-Kbir, li isimhom mhuwiex miktub fil-ktieb tal-liġi, jew li nstabu li waqgħu f’apostasija, jew li ġew imqaċċtin mill-knisja, u l-istess ngħid għal dawk li jagħmlu parti mill-iżgħar saċerdozju, u l-membri, f’dak il-jum mhumiex se jingħataw sehemhom fost il-qaddisin tal-Għoli;

12 Għalhekk, se jiġri minnhom kif ġara minn ulied il-qassis, kif insibu miktub f’ kapitlu tnejn, vers wieħed u sittin, u tnejn u sittin ta’ Esdra.