Skrittura
Duttrina u Patti 84


Sezzjoni 84

Rivelazzjoni mogħtija permezz ta’ Joseph Smith il-Profeta, f’Kirtland, Ohio, nhar it-22 u t-23 ta’ Settembru, 1832. Matul ix-xahar ta’ Settembru, il-presbiteri bdew ġejjin lura mill-missjonijiet tagħhom fl-istati tal-lvant u bdew jagħtu rendikont ta’ ħidmiethom. Kien sewwasew waqt li kienu jinsabu flimkien f’dan iż-żmien ta’ ferħ li ngħatat il-komunikazzjoni li ġejja. Il-Profeta qal li din kienet rivelazzjoni dwar is-saċerdozju.

1–5, Ġerusalemm il-Ġdida u t-tempju se jinbnew ġewwa Missouri; 6–17, Mogħtija l-linja tas-saċerdozju minn Mosè sa Adam; 18–25, L-akbar saċerdozju iħaddan fih l-imfietaħ tal-għarfien ta’ Alla; 26–32, L-iżgħar saċerdozju iħaddan fih l-imfietaħ tal-qadi tal-anġli u l-evanġelju preparatorju; 33–44, Il-bnedmin jiksbu l-ħajja ta’ dejjem permezz tal-ġurament u l-patt tas-saċerdozju; 45–53, L-Ispirtu ta’ Kristu jdawwal lill-bnedmin, u d-dinja tinsab fi stat ta’ dnub; 54–61, Il-Qaddisin jeħtieġ li jixhdu dwar dawk il-ħwejjeġ li huma ngħataw; 62–76, Huma għandhom ixandru l-evanġelju, u s-sinjali jsieħbu l-predikazzjoni tagħhom; 77–91, Il-Presbiteri għandhom imorru bla borża u bla ħorġa, u l-Mulej jieħu ħsieb ħtiġijiethom; 92–97, Dawk li jirrifjutaw l-evanġelju se jintlaqtu mill-kastig u s-saħta; 98–102, Żvelata l-għanja ġdida tal-fidwa ta’ Sijon; 103–110, Kull bniedem għandu jwettaq dmiru fl-uffiċċju tiegħu u jaħdem fis-sejħa tiegħu; 111–120, Il-qaddejja tal-Mulej għandhom ixandru dwar il-ħerba orribbli tal-aħħar żminijiet.

1 Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu lill-qaddej tiegħu Joseph Smith, Jun., u lil sitt presbiteri, waqt li, magħqudin flimkien qalb waħda, bdew jgħollu leħinhom lejn is-smewwiet.

2 Iva, il-kelma tal-Mulej li tikkonċerna l-knisja tiegħu, li ġiet imwaqqfa fl-aħħar żminijiet għar-restawrazzjoni tal-poplu tiegħu, li huwa wassal permezz ta’ fomm il-profeti tiegħu, kif ukoll għall-ġabra tal-qaddisin tiegħu, fejn huma jieqfu fuq l-Għolja ta’ Sijon, li se tkun il-belt ta’ Ġerusalemm il-Ġdida.

3 Liema belt għandha tinbena, fejn l-ewwel għandu jinbena l-plott tat-tempju, li s-saba’ tal-Mulej wera fejn jinsab, mal-fruntieri tal-punent tal-Istat ta’ Missouri, u li ġiet iddedikata minn Joseph Smith, Jun., u minn nies oħrajn li jogħġbu lill-Mulej.

4 Din tassew hija l-kelma tal-Mulej, li l-belt ta’ Ġerusalemm il-Ġdida għandha tinbena għall-ġabra tal-qaddisin, u għandu jingħata bidu għall-bini tagħha f’dan il-post, sewwasew fil-post tat-tempju, liema tempju għandu jinbena f’dan iż-żmien.

5 Għax tassew li dan iż-żmien mhuwiex se jgħaddi qabel ma tinbena dar għall-Mulej, li fuqha sserraħ sħaba, liema sħaba sejra tkun sewwasew il-glorja tal-Mulej, li sejra timla d-dar.

6 U wlied Mosè, skont is-Saċerdozju Mqaddes li huwa rċieva minn taħt idejn il-kunjatu tiegħu, Ġetru;

7 U li Ġetru rċieva minn taħt idejn Kaleb;

8 U li Kaleb rċieva minn taħt idejn Eliħu;

9 U Eliħu minn taħt idejn Ġeremija;

10 U Ġeremija minn taħt idejn Gad;

11 U Gad minn taħt idejn Eżaija;

12 U li Eżaija rċevieh minn taħt idejn Alla.

13 Eżaija għex ukoll fi żmien Abraham, u hu ġie mbierek minnu—

14 U dan Abraham rċieva s-saċerdozju mingħand Melkisedek, li rċevieh min-nisel ta’ missirijietu, li jmorru lura sa Noè;

15 U minn Noè sa Ħenok, permezz ta’ nisel missirijiethom;

16 U minn Ħenok sa Abel, li kien ġie maqtul minħabba l-konfoffa ta’ ħuh, li rċieva s-saċerdozju fuq ordni ta’ Alla, minn taħt idejn missieru Adam, li kien l-ewwel bniedem—

17 Liema saċerdozju għadu u jibqa’ ħaj fil-knisja ta’ Alla tul iż-żminijiet kollha, li la għandu bidu u lanqas tmiem.

18 U l-Mulej għadda s-saċerdozju wkoll lil Aron u lil uliedu, u lin-nisel kollu tagħhom, liema saċerdozju għadu u jibqa’ ħaj ukoll għal dejjem flimkien mas-saċerdozju li hu skont l-ordni l-aktar qaddisa ta’ Alla.

19 U dan l-akbar saċerdozju jamministra l-evanġelju u jħaddan fih l-muftieħ tal-misteri tas-saltna, sewwasew il-muftieħ tal-għarfien ta’ Alla.

20 Għalhekk, fl-ordinanzi tiegħu, tiġi żvelata l-qawwa tad-divinità.

21 U mingħajr l-ordinanzi tiegħu, u l-awtorità tas-saċerdozju, il-qawwa tad-divinità ma tkunx tista’ tiġi żvelata lill-bniedem waqt li huwa fil-ġisem;

22 Għaliex mingħajrha l-ebda bniedem ma jista’ jara wiċċ Alla, l-istess Missier, u jgħix.

23 Issa dan kien sewwasew dak li Mosè għallem b’mod ċar lil ulied Iżrael fid-deżert, u huwa ra kif jagħmel biex iqaddes lill-poplu tiegħu ħalli huma jkunu jistgħu jaraw wiċċ Alla;

24 Iżda huma webbsu qalbhom u ma setgħux jissaportu l-preżenza tiegħu; għalhekk, il-Mulej fil-qilla tiegħu, għax il-korla tiegħu xegħlet għalihom, ħalef li huma ma kenux se jidħlu fil-mistrieħ tiegħu waqt li kienu fid-deżert, liema mistrieħ huwa l-milja tal-glorja tiegħu.

25 Għalhekk, huwa ħa lil Mosè minn nofshom, u ħa wkoll is-Saċerdozju Mqaddes;

26 U ħallielhom l-iżgħar saċerdozju, liema saċerdozju jħaddan fih l-imfietaħ tal-qadi tal-anġli u tal-evanġelju preparatorju;

27 Liema evanġelju hu l-evanġelju tal-indiema u tal-magħmudija, u tal-maħfra tad-dnubiet, u tal-liġi tan-nisel tal-ġisem, li l-Mulej, fil-qilla tiegħu, ra li jibqa’ għaddej f’idejn id-dar ta’ Aron, fost ulied Iżrael, sa żmien Ġwanni, liema Ġwanni ġie mħejji minn Alla, u kien mimli bl-Ispirtu s-Santu sa minn ġuf ommu.

28 Għax huwa ġie mgħammed meta kien għadu tfajjel, u ġie ordnat biex iħaddan din is-setgħa minn anġlu ta’ Alla meta kellu tmint ijiem, biex jeqred is-saltna tal-Lhud, u biex iwitti t-triq tal-Mulej quddiem il-poplu tiegħu, sabiex iħejjihom għall-miġja tal-Mulej li f’idejh ġie mogħtija kull qawwa.

29 U għal darb’oħra, l-uffiċċji ta’ presbiteru u ta’ isqof huma appendiċi neċessarji li jagħmlu parti mis-saċerdozju l-kbir.

30 U għal darb’oħra, l-uffiċċji ta’ għalliem u ta’ djaknu huma appendiċi neċessarji li jagħmlu parti mill-iżgħar saċerdozju, liema saċerdozju ġie mogħti lil Aron u lil uliedu.

31 Għalhekk, kif għidt dwar ulied Mosè—għax kemm ulied Mosè kif ukoll ulied Aron jeħtieġ li joffru offerta u sagrifiċċju xierqa fid-dar tal-Mulej, liema dar għandha tinbena għall-Mulej f’dan iż-żmien, fil-post ikkonsagrat li jien għażilt—

32 U wlied Mosè u wlied Aron għad jimtlew bil-glorja tal-Mulej, fuq l-Għolja ta’ Sijon fid-dar tal-Mulej, u dawn l-ulied huma intom; kif ukoll ħafna oħrajn li jiena sejjaħt u li lilhom bgħatt biex jibnu l-knisja tiegħi.

33 Għax dawk kollha li huma fidili biżżejjed li jingħataw dawn iż-żewġ saċerdozji li tkellimt dwarhom, u jonoraw is-sejħa tagħhom, huma jiġu mqaddsa permezz tal-Ispirtu u dan iwassalhom biex ġisimhom jiġġedded.

34 Huma jsiru wlied Mosè u Aron, u n-nisel ta’ Abraham, u l-knisja u s-saltna, u l-magħżulin ta’ Alla.

35 Kif ukoll dawk kollha li jilqgħu dan is-saċerdozju jkunu qed jilqgħu lili, jgħid il-Mulej;

36 Għax min jilqa’ lill-qaddejja tiegħi jkun qed jilqa’ lili;

37 U min jilqa’ lili jkun qed jilqa’ lil Missieri;

38 U min jilqa’ lil Missieri jkun qed jilqa’ s-saltna ta’ Missieri; għalhekk dak kollu li Missieri għandu jingħata lilu.

39 U dan skont il-ġurament u l-patt li jappartjenu lis-saċerdozju.

40 Għalhekk, dawk kollha li jirċievu s-saċerdozju, ikunu qed jaċċettaw minn rajhom dan il-ġurament u l-patt ta’ missieri, li hu ma jistax jikser, u lanqas ma jista’ jitneħħa.

41 Iżda min jikser dan il-patt, wara li jkun aċċettah min rajh, u jitbiegħed għal kollox minnu, mhux sejjer jikseb maħfra ta’ dnubietu, la f’din id-dinja u lanqas fid-dinja li għandha tiġi.

42 U ħażin għalihom dawk kollha li ma jilqgħux dan is-saċerdozju li intom ingħatajtu, li issa jien se nikkonferma fuqkom li tinsabu hawn illum, permezz ta’ fommi mis-smewwiet; u jiena ordnajt lill-eżerċti tas-smewwiet u lill-anġli tiegħi sabiex jieħdu ħsiebkom.

43 U issa se nordnalkom sabiex toqogħdu attenti x’tagħmlu, u biex tagħtu widen għall-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

44 Għax jeħtieġ li intom tgħixu b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

45 Għax il-kelma tal-Mulej hija l-verità, u kulma hu verità huwa dawl, u kulma huwa dawl huwa Spirtu, sewwasew l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu.

46 U l-Ispirtu jagħti d-dawl lil kull bniedem li jiġi fid-dinja; u l-Ispirtu jdawwal lil kull bniedem madwar id-dinja li jagħti widen għal-leħen tal-Ispirtu.

47 U kull min jagħti widen għal-leħen tal-Ispirtu jkun qed jersaq lejn Alla, sewwasew lejn il-Missier.

48 U lilu l-Missier jgħallmu dwar il-patt li huwa ġedded u kkonferma fuqkom, u hu kkonfermah fuqkom għall-ġid tagħkom, u mhux biss għall-ġid tagħkom, iżda għall-ġid tad-dinja kollha.

49 U d-dinja kollha tinsab fi stat ta’ dnub, u qed titniehed taħt id-dalma u l-jasar tad-dnub.

50 U permezz ta’ dan tistgħu tagħrfu li huma jinsabu taħt il-jasar tad-dnub, għaliex ma jridux jersqu lejja.

51 Għax min ma jridx jersaq lejja jinsab taħt il-jasar tad-dnub.

52 U min ma jaċċettax leħni ma jistax jagħraf leħni, u huwa ma jagħmilx parti mill-merħla tiegħi.

53 U permezz ta’ dan tistgħu tagħrfu t-twajbin mill-ħżiena, u d-dinja kollha tinsab titniehed minħabba d-dnub u d-dalma, anke bħalissa.

54 U moħħkom fl-imgħoddi spiċċa ddallam minħabba n-nuqqas ta’ fidi, u minħabba li intom m’urejtux biżżejjed rispett lejn il-ħwejjeġ li ngħatajtu—

55 U din il-frugħa u nuqqas ta’ fidi wasslu lill-knisja kollha taħt il-kundanna.

56 U wlied Sijon jinsabu sewwasew ilkoll taħt din il-kundanna.

57 U huma se jibqgħu taħt din il-kundanna sakemm huma jindmu u jiftakru l-patt il-ġdid, sewwasew il-Ktieb ta’ Mormon, u l-kmandamenti li jiena tajthom qabel, mhux biss biex ilissnuhom b’fommhom, iżda wkoll biex jaġixxu skont dak li jiena ktibt—

58 Ħalli huma jkunu jistgħu jipproduċu frott xieraq għas-saltna ta’ Missierhom; altrimenti l-kastig u l-ġudizzju jkomplu jolqtu lil ulied Sijon.

59 Għax taħsbu li jien se nħalli lil ulied is-saltna jniġġsu l-art imqaddsa tiegħi? Tassew, ngħidilkom, Le.

60 Tassew, tassew, ngħidilkom lilkom li bħalissa qed tisimgħu kliemi, permezz ta’ leħni, henjin intom jekk intom taċċettaw dawn il-ħwejjeġ;

61 Għaliex jien naħfrilkom dnubietkom u nagħtikom ukoll dan il-kmandament—li intom għandkom tibqgħu sodi fi ħsibijietkom, f’solennità u fi spirtu ta’ talb, hekk kif taqsmu x-xhieda tagħkom mad-dinja kollha dwar dawk il-ħwejjeġ li jiġu żvelati lilkom.

62 Għalhekk, morru fid-dinja kollha; u kull fejn ma tistgħux tmorru araw li tibgħatu x-xhieda tagħkom, biex hija tgħaddi mingħandkom għal għand kull ħlejqa madwar id-dinja.

63 U kif jiena għidt lill-appostli tiegħi, l-istess ngħid lilkom, għax intom l-appostli tiegħi, sewwasew il-qassisin il-kbar ta’ Alla; intom dawk li tani Missieri; intom ħbieb tiegħi;

64 Għalhekk, kif għidt lill-appostli tiegħi se ngħid lilkom ukoll, li dawk kollha li jemmnu fi kliemkom, u jitgħammdu bl-ilma għall-maħfra tad-dnubiet, sejrin jirċievu l-Ispirtu s-Santu.

65 U dawn is-sinjali sejrin isieħbu lil dawk li jemmnu—

66 F’ismi huma sejrin iwettqu bosta għemejjel tal-għaġeb;

67 F’ismi huma sejrin ikeċċu x-xjaten;

68 F’ismi huma sejrin ifejqu l-morda;

69 F’ismi huma sejrin jiftħu għajnejn l-għomja u widnejn it-torox;

70 U lsien l-imbikkma se jinħall;

71 U jekk xi ħadd jagħtihom il-velenu, dan ma jagħmlilhomx ħsara;

72 U l-velenu tas-serp ma jkollu l-ebda qawwa biex jagħmlilhom il-ħsara.

73 Iżda jiena nordnalhom biex ma joqogħdux jiftaħru b’dawn il-ħwejjeġ, u lanqas m’għandhom jitkellmu dwarhom quddiem in-nies tad-dinja; għax dawn il-ħwejjeġ qed jingħataw lilkom għall-ġid u għas-salvazzjoni tagħkom.

74 Tassew, tassew, ngħidilkom, dawk kollha li ma jemmnux fi kliemkom, u ma jitgħammdux fl-ilma f’ismi, għall-maħfra ta’ dnubiethom, ħalli huma jkunu jistgħu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, sejrin jiġu kkundannati, u mhumiex se jidħlu fis-saltna ta’ Missieri, fejn hemm Missieri u jiena.

75 U din ir-rivelazzjoni u dan il-kmandament li qed nagħtikom jibdew jgħoddu sewwasew minn issa, madwar id-dinja kollha, u l-evanġelju sejjer jasal għand dawk kollha li għadu ma wasaltx fosthom.

76 Iżda tassew ngħid lil dawk kollha li lilhom ġiet mogħtija s-saltna—fejn għandkom tkunu intom li xxandruh lilhom, ħalli huma jindmu mill-għemejjel ħżiena tagħhom; għax huma jeħtieġ li jiġu mċanfra għall-qalb ħażina u bla fidi tagħhom, u ħutkom f’Sijon jeħtieġ li jiġu mċanfra talli ħaduha kontrikom fil-mument li jiena bgħattkom fosthom.

77 U għal darb’oħra jien ngħidilkom, O ħbieb tiegħi, għax minn issa ’l quddiem se nsejħilkom ħbieb, jeħtieġ li jiena nordnalkom sabiex intom issiru sewwasew bħall-ħbieb tiegħi li kienu jgħixu fi żmien meta jiena kont fosthom, hekk kif kont għaddej inxandar l-evanġelju b’qawwa;

78 Għax jiena ridt li huma la jkollhom borża u lanqas ħorġa, u lanqas żewġ ilbiesi.

79 Araw, jiena nibgħatkom biex tippruvaw lid-dinja, u l-ħaddiem ħaqqu ħlasu.

80 U kull min imur u jxandar dan l-evanġelju tas-saltna, u jara li jibqa’ fidil f’kull ħaġa, hu la qatt mhu se jesperjenza għeja fil-moħħ, għax moħħu qatt mhu se jiddallam, u lanqas għeja fil-ġisem, fir-riġel jew fil-ġog; u l-ebda xagħra minn rasu mhi se taqa’ mal-art bla ma ħadd jintebaħ. U huma la qatt mhu se jaqbadhom il-ġuħ, u lanqas l-għatx.

81 Għalhekk, toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, x’se tieklu, jew x’se tixorbu, jew x’se tilbsu.

82 Għax, ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru; u la jitħabtu u lanqas jinsġu; u s-saltniet tad-dinja, fil-glorja kollha tagħhom, ma jilbsux bħal wieħed minnhom.

83 Għax Missierkom, li hu fis-smewwiet, jaf li intom teħtieġu dan kollu.

84 Għalhekk, ħallu l-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.

85 U la toqogħdux taħsbu minn qabel x’se tgħidu; iżda għożżu f’moħħok kontinwament kliem il-ħajja, u fil-mument propju jingħatalkom x’għandkom twasslu lil kull bniedem.

86 Għalhekk, araw li minn issa ’l quddiem ħadd fostkom li jmur ixandar dan l-evanġelju tas-saltna, għax din hi l-ordni li qed tingħata lill-fidili kollha fil-knisja li huma msejħin minn Alla għall-ministeru, ma jieħu miegħu xi borża jew ħorġa.

87 Araw, jiena qed nibgħatkom biex iċċanfru lin-nies tad-dinja minħabba l-għemejjel ħżiena tagħhom, u biex tgħallmuhom dwar il-ħaqq li għad irid iseħħ.

88 U kull min jilqa’ lilkom, hemm inkun jiena wkoll, għax jiena nkun hemm quddiemkom. Jiena nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi jgħammar f’qalbkom, u l-anġli tiegħi jkunu madwarkom biex jgħinukom.

89 Min jilqa’ lilkom ikun qed jilqa’ lili; u lilkom huwa jitma’ u jlibbes, u jipprovdilkom il-flus.

90 U min jitma’ u jlibbes lilkom, jew jipprovdilkom il-flus, bl-ebda mod mhu se jibqa’ mingħajr il-ħlas tiegħu.

91 U min ma jagħmilx dan mhuwiex dixxiplu tiegħi; minn dan tagħrfuhom lid-dixxiplu tiegħi.

92 Min ma jilqagħkomx għandu, itilqu minn ħdejh weħidkom, u naddfu riġlejkom bl-ilma, sewwasew bl-ilma safi, sew fis-sħana u sew fil-kesħa, u aqsmu x-xhieda tagħkom dwar dan ma’ Missierkom li hu fis-smewwiet, u la terġgħux lura għand dak il-bniedem.

93 U f’kull raħal jew belt li tidħlu fihom, agħmlu l-istess.

94 Madankollu, fittxu bir-reqqa u żżommux lura; u ħażin għaliha dik id-dar, u dik il-belt, u ħażin għalih dak ir-raħal, li ma jilqgħukomx, jew ma jilqgħux kliemkom, jew ix-xhieda tagħkom dwari.

95 U għal darb’oħra ngħidilkom li ħażin għaliha dik id-dar, u dik il-belt, u ħażin għalih dak ir-raħal, li ma jilqgħukomx, jew ma jilqgħux kliemkom, jew ix-xhieda tagħkom dwari;

96 Għax jiena, ix-Xaddaj, fuq il-ġnus meddejt idi biex lilhom nikkastiga minħabba ħżunithom.

97 U se jinfirxu fuq l-art il-kastigi, u mhumiex se jintemmu qabel ma jiena nkun temmejt il-ħidma tiegħi, li nara li tiġi fi tmiemha fis-sewwa f’qasir żmien—

98 Sewwasew qabel ma lkoll kemm huma jsiru jafuni, miż-żgħir sal-kbir, u huma jimtlew bl-għarfien tal-Mulej, u jibdew jaraw b’għajnejhom, u jgħollu leħinhom, u b’leħen wieħed jgħannu din l-għanja ġdida, u jgħidu:

99 Il-Mulej reġa’ ġab lura lil Sijon; Il-Mulej ġie jwassal il-fidwa lill-poplu tiegħu, Iżrael, Skont l-għażla tal-grazzja,Li ġiet fis-seħħ permezz tal-fidiU l-patt ta’ missirijiethom.

100 Il-Mulej wassal il-fidwa lill-poplu tiegħu;U Satana jinsab marbut u ż-żmien m’għadux aktar.Il-Mulej ġabar kollox taħt ras waħda.Il-Mulej niżżel lil Sijon mis-smewwiet.Il-Mulej għolla ’l fuq lil Sijon mill-art.

101 L-art ħasset uġigħ il-ħlas, u wildet setegħtha;U fil-ġewwieni tagħha żżomm sħiħa l-verità;U bi tbissima ħarsu lejha s-smewwiet; U hija tinsab mlibbsa bil-glorja ta’ Alla;Għax huwa jinsab wieqaf f’nofs il-poplu tiegħu.

102 Glorja, u ġieħ, u qawwa, u saħħa, Nagħtu lil Alla tagħna; għax huwa kollu ħniena,Ġustizzja, grazzja, verità, u sliem,Għal dejjem ta’ dejjem, Ammen.

103 U għal darb’oħra, tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li kull bniedem imur ixandar l-evanġelju ta’ dejjem tiegħi, u jekk hu għandu familja, u jingħata xi flus bħala rigal, għandu jibgħathomlhom jew jużahom għall-ġid tagħhom, kif jgħidlu biex jagħmel il-Mulej, għax din hi ħaġa li togħġob lili.

104 U kull min m’għandux familja, u jingħata xi flus, għandu jibgħathom lill-isqof f’Sijon, jew lill-isqof f’Ohio, ħalli jiġu kkonsagrati għall-pubblikazzjoni tar-rivelazzjonijiet u l-istampar tagħhom, u għat-twaqqif ta’ Sijon.

105 U jekk xi ħadd jagħti xi ġakketta jew libsa lil xi ħadd minnkom, araw li taqbdu l-qadima u tagħtuha lill-foqra, u mbagħad morru fi triqtkom ferħanin.

106 U jekk xi ħadd fostkom ikun b’saħħtu fl-Ispirtu, araw li jieħu miegħu lil min hu dgħajjef, ħalli huwa jedifika ruħu b’umiltà sħiħa, biex huwa jissaħħaħ ukoll.

107 Għalhekk, ħudu magħkom lil dawk li ġew ordnati għall-iżgħar saċerdozju, u ibagħtuhom qabilkom biex jagħmlu l-appuntamenti, u biex iħejju t-triq, u jattendu l-appuntamenti li intom ma tistgħux tattendu għalihom.

108 Araw, dan huwa l-mod kif l-appostli tiegħi, fi żmien il-qedem, bnew il-knisja tiegħi għalija.

109 Għalhekk, jeħtieġ li kull bniedem iwettaq dmiru fl-uffiċċju tiegħu u jaħdem fis-sejħa tiegħu; u araw li r-ras ma tgħidx lis-saqajn li m’għandhiex bżonn is-saqajn; għax mingħajr saqajn kif jista’ jieqaf il-ġisem?

110 U l-ġisem l-istess, għandu bżonn kull parti tal-ġisem, biex ilkoll ikunu jistgħu jedifikaw ruħhom flimkien, biex is-sistema tibqa’ waħda sħiħa.

111 U araw, il-qassisin il-kbar għandhom jitilqu għal għonq it-triq, u l-istess il-presbiteri, u l-istess il-qassisin li jħaddnu l-iżgħar saċerdozju; iżda d-djakni u l-għalliema għandhom jintalbu sabiex jibqgħu jieħdu ħsieb il-knisja, u jkunu ministri għall-knisja marbutin mal-post speċifiku tagħhom.

112 U l-isqof, Newel K. Whitney, għandu wkoll jerħilha għal għonq it-triq u jmur idur il-knejjes kollha, ifittex il-foqra u jipprovdilhom għal ħtiġijiethom billi jumilja lill-għonja u l-imkabbra.

113 Hu għandu wkoll iqabbad aġent biex jieħu ħsieb, u jagħmel, il-ħidma sekulari kif imexxih hu.

114 Madankollu, jeħtieġ li l-isqof imur fil-belt ta’ New York, kif ukoll fil-belt ta’ Albany, u fil-belt ta’ Boston, u jwissi lin-nies ta’ dawk il-bliet b’leħen għoli, permezz tal-ħoss tal-evanġelju, dwar il-ħerba u l-qerda sħiħa li hemm tistennihom jekk huma ma jaċċettawx dawn il-ħwejjeġ.

115 Għax jekk huma ma jaċċettawx dawn il-ħwejjeġ, araw, is-siegħa tal-ġudizzju tagħhom tinsab fil-qrib, u djarhom għad jispiċċaw ħerba.

116 Jekk huwa jafda fija ma jitħawwadx; u l-ebda xagħra minn rasu mhi se taqa’ mal-art bla ma ħadd jintebaħ.

117 U lilkom, il-bqija tal-qaddejja tiegħi, tassew ngħidilkom, morru għal għonq it-triq skont kif jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħkom, fil-bosta sejħiet tagħkom, u erħulha lejn il-bliet u l-irħula kbar u importanti, u fis-sewwa kollha ċanfru lin-nies tad-dinja minħabba l-ħażen u l-għemejjel ħżiena tagħhom, u fissrulhom b’mod ċar, u li jinftiehem, dwar il-ħerba orribbli tal-aħħar żminijiet.

118 Għax permezz tagħkom, jgħid il-Mulej li Jista’ Kollox, jiena neqridilhom saltniethom; u jien mhux biss nriegħed l-art, iżda nheżżeż is-sema kollha kwiekeb.

119 Għax jien, il-Mulej, meddejt idi biex neżerċita l-qawwiet tas-smewwiet; għalissa intom ma tistgħux taraw dan, madankollu, ftit ieħor u tkunu tistgħu taraw kollox, u intom tagħrfu li jien hu, u li jien għad niġi u nsaltan flimkien mal-poplu tiegħi.

120 Jiena l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem. Ammen.