Skrittura
Duttrina u Patti 100


Sezzjoni 100

Rivelazzjoni mogħtija lil Joseph Smith il-Profeta u Sidney Rigdon, ġo Perrysburg, New York, nhar it-12 ta’ Ottubru, 1833. Iż-żewġt aħwa, li kienu ilhom neqsin mill-familji tagħhom għal bosta jiem, bdew jinkwetaw xi ftit dwarhom.

1–4, Joseph u Sidney għandhom ixandru l-evanġelju għas-salvazzjoni tal-erwieħ; 5–8, Jingħata lilhom dak il-ħin stess x’għandhom jgħidu; 9–12, Sidney għandu jkun il-kelliem u Joseph għandu jkun ir-rivelatur u bniedem setgħan fix-xhieda tiegħu; 13–17, Il-Mulej sejjer iqajjem poplu ta’ qalb safja, u l-ubbidjenti se jiksbu s-salvazzjoni.

1 Tassew, dan jgħid il-Mulej lilkom, il-ħbieb tiegħi Sidney u Joseph, li l-familji tagħkom jinsabu tajbin; huma jinsabu f’idejja, u jien nagħmel minnhom dak li nħoss li hu tajjeb; għax fija tinsab kull qawwa.

2 Għalhekk, imxu warajja, u isimgħu mill-parir li sejjer nagħtikom.

3 Araw, huma bosta n-nies tiegħi li jinsabu f’dan il-post, fl-inħawi tal-madwar; u se jinfetaħ bieb li għad iħalli l-frott fl-inħawi tal-madwar f’din l-art tal-lvant.

4 Għalhekk, jien, il-Mulej, ippermettejt li intom tiġu f’dan il-post; għax rajt li kien meħtieġ li jsir dan għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

5 Għalhekk, tassew ngħidilkom, semmgħu leħinkom quddiem dan il-poplu; lissnu l-ħsibijiet li jiena se niżvela ġewwa qalbkom, u intom ma titħawdu qatt quddiem il-bnedmin;

6 Għax jingħata lilkom dak il-ħin stess, iva, f’dak il-mument, x’għandkom tgħidu.

7 Iżda jien nagħtikom kmandament, li dak kollu li intom ixxandru araw li xxandruh f’ismi, b’qalb mill-aktar solenni, fi spirtu ta’ ħlewwa, f’kull ħaġa.

8 U jien nagħmlilkom din il-wegħda, li jekk intom tagħmlu dan, jiena nibgħat fostkom l-Ispirtu s-Santu biex jagħti xhieda ta’ dak kollu li intom tgħidu.

9 U nħoss li jkun jaqbel li inti, O qaddej tiegħi Sidney, tkun kelliem quddiem dan il-poplu; iva, tassew, jiena lilek nordnak għal din is-sejħa, sewwasew biex tkun kelliem għall-qaddej tiegħi Joseph.

10 U jiena lilu nagħtih il-qawwa li jkun bniedem setgħan fix-xhieda tiegħu.

11 U lilek nagħtik il-qawwa li jkollok is-setgħa li tispjega l-iskrittura kollha, biex inti tkun tista’ titkellem għalih, u huwa jkun għalik rivelatur, sabiex inti tkun tista’ tagħraf tassew dak kollu li għandu x’taqsam mas-saltna tiegħi fuq l-art.

12 Għalhekk, komplu bil-vjaġġ tagħkom u ħalluha tifraħ qalbkom; għax araw, jiena magħkom sal-aħħar.

13 U issa se ngħidilkom xi ħaġa dwar Sijon. Sijon għad tinfeda, minkejja li lilha se nikkastiga ftit ieħor.

14 Ħutkom, il-qaddejja tiegħi Orson Hyde u John Gould, jinsabu f’idejja; u jekk huma jħarsu l-kmandamenti tiegħi huma jiksbu s-salvazzjoni.

15 Għalhekk, agħmlu l-qalb; għax kollox għad jiġi fis-seħħ għall-ġid ta’ dawk li jimxu bis-sewwa, u għall-qdusija tal-knisja.

16 Għax jiena se nqajjem għalija poplu ta’ qalb safja, li lili jaqdi fis-sewwa;

17 U dawk kollha li jsejħu isem il-Mulej, u jħarsu l-kmandamenti tiegħu, għad jiksbu s-salvazzjoni. Hekk għandu jkun. Ammen.