2020–2024
Fidili sat-Tmiem
konferenza ġenerali April 2024


Fidili sat-Tmiem

Bil-qawwa ta’ idu, intom tkunu tistgħu tegħlbu lil kull Gulija li jidher f’ħajjitkom.

Għeżież ħbieb żgħażagħ, illum nixtieq ikellimkom direttament—lilkom iż-żgħażagħ tal-Knisja.

Ilna sena minn meta ġiet imsejħa l-Presidenza Ġenerali tagħna tal-Tfajliet. Kemm ġraw affaijiet f’din l-aħħar sena!

Aħna ltqajna ma ħafna minnkom u studjajna t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu flimkien. Aħna kantajna l-għanjiet, għamilna ħbieb ġodda, u servejna magħkom fil-komunitajiet. Aħna ssaħħaħna meta smajna t-testimonjanzi tagħkom waqt il-konferenzi taż-żgħażagħ u l-avvenimenti dinjin. U tajna qima flimkien fid-dar tal-Mulej.

Kull darba, aħna qsamna messaġġ minn Sidna Ġesù Kristu. Illejla mhux se tkun differenti; jien għandi messaġġ għalikom, iż-żgħażagħ tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Il-Mistoqsijiet il-Kbar

Qatt ħsibtu kif tistgħu tkunu fidili lejn Alla waqt li tgħixu f’dinja ta’ dnub? Minfejn iġġibu l-qawwa li timxu ’l quddiem u tkomplu tagħmlu t-tajjeb? Kif tistgħu tesperjenzaw il-vera hena?

Naħseb li l-esperjenza ta’ David u Gulija1 tista’ tgħinkom.

David u Gulija

Fit-Testment il-Qadim, l-armata tal-Filistin kienet tinsab f’battalja mal-Iżraelin, u kull filgħodu u kull filgħaxija, ġgant Filistin jismu Gulija kien jisfida lill-Iżraelin għall-ġlied.

David u Gulija.

Fost il-poplu Iżraelit kien jgħix wieħed jismu David, ragħaj żagħżugħ ta’ statura ferm iżgħar minn Gulija iżda b’fidi ġganteska f’Ġesù Kristu! David offra li jiġġilidlu. Anke s-Sultan ipprova jipperswadih biex ma jagħmilx dan, iżda David għażel li jafda f’Ġesù Kristu.

Qabel, David kien iġġieled iljun, u ors ukoll. Mill-esperjenza tiegħu, hu kien jaf li Alla kien ipproteġieh u ħarġu rebbieħ. Għal David, il- kawża ta’ Alla kienet l-aktar kawża importanti. Għalhekk, kollu fidi f’Alla li ma kienx se jabbandunah, huwa ġabar ħames ġebliet lixxi, ħa f’idejh l-iżbandola tiegħu, u mar jiffaċċja lill-ġgant.

Il-ħames ġebliet ta’ David.

L-iskrittura tgħidilna li l-ewwel ġebla li xeħet David laqtet lil Gulija f’moħħu, u qatlitu.2

Infittxu t-Tweġiba

Għalkemm David uża biss ġebla waħda biex joqtol lil Gulija, huwa mar preparat b’ħamsa. B’ħamsa! Dan iwassalni biex naħseb dwar kif jien nista’ nħejji lili nnifsi biex niffaċċja d-dinja.

Xi ngħidu jekk kull ġebla ta’ David tirrappreżenta xi qawwa li aħna neħtieġu biex noħorġu rebbieħa f’ħajjitna? Kieku xi jkunu dawn il-ħames ġebliet? Jiena ħsibt dwar dawn il-possibiltajiet:

  1. Il-ġebla ta’ mħabbti lejn Alla.

  2. Il-ġebla tal- fidi tiegħi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

  3. Il-ġebla tal- għarfien tal-vera identità tiegħi.

  4. Il-ġebla tal- indiema tiegħi ta’ kuljum.

  5. Il-ġebla tal- aċċess tiegħi għall-qawwa ta’ Alla.

Ejjew nitkellmu dwar kif aħna mberkin permezz ta’ dawn il-qawwiet.

L-ewwel, il-ġebla ta’ mħabbti lejn Alla. Li nħobbu lil Alla huwa l-akbar kmandament.3 Il-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tgħallimna: “Alla jħobbkom. Huwa missierkom. L-imħabba perfetta tiegħu tista’ tispirakom biex tħobbuh. Meta l-imħabba tagħkom lejn Missierna fis-Smewwiet hija l-aktar influwenza importanti f’ħajjitkom, ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli.”4

L-imħabba tagħna għal Alla u r-relazzjoni mill-viċin tagħna miegħu jagħtuna l-qawwa li neħtieġu biex nittrasformaw qalbna u b’mod aktar faċli negħlbu l-isfidi tagħna.

It-tieni, il-ġebla tal- fidi tiegħi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Meta Ġesù Kristu ġie fid-dinja, Huwa bata għal dnubietna,5 u ħa fuqu nnifsu n-niket tagħna, l-uġigħ tagħna, id-dgħufijiet tagħna, u l-mard fiżiku u mentali tagħna. Għalhekk jaf kif għandu jgħinna. Li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu jfisser li nafdaw kompletament fl-għerf tiegħu, fl-orarju tiegħu, fl-imħabba tiegħu, u fil-qawwa tiegħu li jpatti għal dnubietna. Il-ġebla tal-fidi f’Ġesù Kristu tasal biex tegħleb kull “ġgant” f’ħajjitna.6 Aħna nistgħu negħlbu lil din id-dinja mitlufa għaliex Huwa għelibha qabilna.7

Numru tlieta, il-ġebla tal- għarfien tal-vera identità tiegħi. Il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, għallimna li l-aktar identitajiet importanti tagħna huma li aħna wlied Alla, ulied il-patt, u dixxipli ta’ Ġesù Kristu.8

Kollox jieħu tifsira differenti meta jiena nkun naf min jien verament.9 Meta jien niddubita l-abbiltajiet tiegħi, jien spiss intenni f’moħħi jew b’leħen għoli, Jiena bint Alla, jiena bint Alla,” kemm ikun hemm bżonn possibli sakemm nerġa’ nħossni kunfidenti li nkompli għaddejja.

Ir-raba, il-ġebla tal- indiema tiegħi ta’ kuljum. Fil-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ naqraw: “L-indiema mhijiex kastig għad-dnub; hija l-mod kif is-Salvatur jeħlisna mid-dnub. Li nindmu jfisser li ninbidlu―li nitbiegħdu mid-dnub u nersqu viċin Alla. Ifisser li ninbidlu għall-aħjar u nirċievu l-maħfra. Din it-tip ta’ bidla mhijiex xi avveniment ta’ darba; hija proċess kontinwu.”10

M’hemm xejn li jista’ jeħlisna aktar milli nħossu l-maħfra ta’ Alla u li nkunu nafu li aħna nodfa u rrekonċiljati miegħu. Il-maħfra hi possibbli għal kulħadd.

Il-ħames ġebla hija l-ġebla tal- aċċess tiegħi għall-qawwa ta’ Alla. Il-patti li nagħmlu ma’ Alla, bħal dawk li nagħmlu fl-ordinanza tal-magħmudija, jagħtuna aċċess għall-qawwa tad-divinità.11 Il-qawwa ta’ Alla hija qawwa reali li tgħinna niffaċċjaw l-isfidi, nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u nkabbru l-kapaċità tagħna li nikkumbattu sitwazzjonijiet diffiċli. Hija qawwa li permezz tagħha nistgħu nikbru f’abbiltajiet speċifiċi li neħtieġu.12

Il-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ tispjega: “II-patti jorbtukom ma’ Missierkom fis-Smewwiet u mas-Salvatur. Huma jkabbru l-qawwa ta’ Alla f’ħajjitkom.”13

Ejjew nitkellmu dwar ir-rabta. Tiftakru meta Kristu għallem dwar id-differenza bejn dar mibnija fuq il-blat u oħra fuq ir-ramel?14 Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf spjega: “Dar ma tiġġarrafx filmaltemp għax id-dar hija b’saħħitha. Lanqas ma tiġġarraf għax sempliċiment il-blat huwa b’saħħtu. Id-dar ma tiġġarrafx fil-maltemp għax hijamqiegħda sew f’dak il-blat b’saħħtu. Hija l-qawwa tar- rabta mal-blat li hija importanti.”15

Dar mibnija fuq blata.

Ir-rabta personali tagħna ma’ Ġesù Kristu tagħtina l-kuraġġ u l-kunfidenza biex nimxu ’l quddiem minkejja n-nies li ma jirrispettawx it-twemmin tagħna jew li jgħadduna biż-żmien. Kristu jistedinna biex inżommuh fi ħsibijietna l-ħin kollu; Huwa jgħidilna, “Ħarsu lejja f’kull ħsieb.”16 Li naħsbu dwar is-Salvatur jagħtina ċarezza fil-moħħ biex nieħdu deċiżjonijiet u naġixxu bla biża’, u ngħidu le għal dak li huwa kontra t-tagħlim ta’ Alla.17 Meta l-jum ikun diffiċli u nħossni li ma niflaħx aktar, li naħseb fi Kristu jġibli l-paċi u jagħtini t-tama.

Kif nistgħu ngawdu minn din il-qawwa ta’ Ġesù Kristu? Importanti ħafna li nobdu l-patti tagħna u nkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.

Fil-fatt nixtieq li David kellu ġebla oħra; dik kienet tkun il-ġebla tat- testimonjanza tiegħi. It-testimonjanza tagħna tinbena permezz ta’ esperjenzi spiritwali personali li fihom nagħrfu l-influwenza divina f’ħajjitna.18 Ħadd ma jista’ joħdilna dak l-għarfien. Li nafu dak li nafu għax għexna l-esperjenzi spiritwali hija ħaġa imprezzabbli. Li nkunu leali lejn dak l-għarfien jagħtina l-ħelsien. Jagħtina l-hena! Jekk aħna nħobbu l-verità, aħna nfittxuha, u ladarba nsibuha, niddefenduha.19

Stedina

L-istess kif jiena għażilt ġebla numru sitta, nistedinkom biex tiltaqgħu mal-klassi, mal-kworum, jew mal-familja tagħkom, u taħsbu ftit dwar qawwiet oħra li teħtieġu li tiksbu biex tibqgħu fidili lejn Alla u, għalhekk, tegħlbu d-dinja.

Wegħda

Għeżież ħbieb tiegħi, Kristu jinsab ħerqan biex jakkumpanjakom fil-vjaġġ ta’ ħajjitkom. Inwegħidkom, hekk kif iżżommu sod mal-bastun tal-ħadid, intom timxu id f’id ma’ Ġesù Kristu.20 Hu jkun qed jiggwidakom, u Hu jkun qed jgħallimkom.21 Bil-qawwa ta’ idu intom tkunu tistgħu tegħlbu lil kull Gulija li jidher f’ħajjitkom.

Testimonjanza

Nixhed li aħna nesperjenzaw l-hena meta nitolbu kull jum, meta naqraw il-Ktieb ta’ Mormon, meta nieħdu sehem fis-sagrament kull nhar ta’ Ħadd, u meta nattendu s-seminarju—anke daqstant kmieni filgħodu! Nesperjenzaw l-hena meta nagħmlu t-tajjeb.

Nesperjenzaw l-hena meta nkunu fidili lejn l-Alla tal-univers, is-Salvatur tad-dinja, is-Sultan tas-slaten. Nesperjenzaw l-hena meta nkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Alla huwa Missierna. Huwa jaf ix-xewqat ta’ qalbkom u l-possibbiltajiet tagħkom, u Hu jafdakom.

Għeżież żgħażagħ, Ġesù Kristu żgur jgħinkom tibqgħu fidili sat-tmiem. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed f’isem Ġesu Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara 1 Samwel 17.

  2. Ara 1 Samwel 17:40, 45–49.

  3. Ara Mattew 22:36–38.

  4. Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ: Gwida għal Biex Tagħmel l-Għażliet (2022), 11.

  5. Ara Alma 7:11–14.

  6. Ara 1 Nefi 7:12.

  7. Ara Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 95–98.

  8. Ara Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022),Gospel Library.

  9. Ara “Young Women Theme” and “Aaronic Priesthood Quorum Theme,” Librerija tal-Evanġelju.

  10. Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, 7.

  11. Ara Russell M. Nelson, “Il-Qawwa ta’ Spinta Spiritwali,” Liahona, Mejju 2022, 97–100; ara wkoll Doctrine and Covenants 84:19–21.

  12. Ara Manwal Ġenerali: Inservu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, 3.5, Gospel Library.

  13. Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, 34; enfażi miżjuda.

  14. Ara 3 Nefi 14:24–27.

  15. Dieter F. Uchtdorf, “Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ: The Savior’s Message to You,” Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Mar. 2024, 38.

  16. Doctrine and Covenants 6:36; enfażi miżjuda.

  17. Ara Doctrine and Covenants 6:33–34.

  18. Ara Dallin H. Oaks, “Testimony,” Liahona, Mejju 2008, 26–29; ara wkoll Alma 5:46.

  19. Ara Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, 32: “Ħobbu l-verità tant li qatt ma tiġikom ix-xewqa li tisirqu, tigdbu, tkunu diżonesti, jew tqarrqu b’xi mod—fl-iskola, fuq ix-xogħol, onlajn, kullimkien. Kunu l-istess dixxipli fidili ta’ Ġesù Kristu fil-pubbliku u fil-privat.”

  20. Ara 1 Nefi 8:19, 30; 15:24–25; Ħelaman 3:29–30.

  21. Ara 3 Nefi 22:13.