2020–2024
Li Jagħrfu Lilek
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Li Jagħrfu Lilek

(Ġwanni 17:3)

L-akbar xewqa tiegħi hi li intom issiru tafu lil Ġesù permezz tal-ħafna ismijiet tiegħu u li ssiru bħalu.

Ftit tas-snin ilu, waqt laqgħa tas-sagrament fil-qasam tagħna f’Arizona, kelli esperjenza li bidlitli ħajti. Hekk kif t-talba tas-sagrament indikat ir-rieda tagħna li “[nieħdu fuqna] isem [Ġesù Kristu],”1 l-Ispirtu s-Santu fakkarni li Ġesù għandu bosta ismijiet. Imbagħad f’qalbi feġġet din il-mistoqsija: “Din il-ġimgħa liema fost l-ismijiet ta’ Ġesù sejjer nieħu fuqi?”

Ġew f’moħħi tlett ismijiet, u ktibthom. Kull wieħed minn dawk it-tlett ismijiet kien fih kwalitajiet Kristjani li ridt niżviluppa aktar. Fil-ġimgħa ta’ wara, jien iffokajt fuq dawk it-tlett ismijiet u ppruvajt inħaddan il-kwalitajiet u l-karatteristiċi marbuta magħhom. Minn dak iż-żmien ’l hawn, komplejt nistaqsi dik il-mistoqsija bħala parti mill-qima personali tiegħi: “Din il-ġimgħa liema fost l-ismijiet ta’ Ġesù sejjer nieħu fuqi?” L-impenn tiegħi li nwieġeb dik il-mistoqsija u li nagħmel li nista’ biex niżviluppa l-kwalitajiet Kristjani marbuta magħhom verament berkuli ħajti.

Fit-Talba ta’ Interċessjoni kbira tiegħu, Ġesù esprima din il-verità importanti: “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”2 Illum nixtieq naqsam magħkom il-barkiet u l-qawwa li niksbu meta nsiru nafu lil Ġesù Kristu permezz tal-ħafna ismijiet tiegħu.

Mod sempliċi kif nistgħu nsiru nafu lil xi ħadd hu billi nitgħallmu isimhom. Intqal li “għal dak li jkun ismu huwa l-aktar ħoss ħelu u importanti fi kwalunkwe lingwa.”3 Qatt kellhom esperjenza li ssejħu lil xi ħadd b’isem ieħor jew tinsew ismu? Jien u marti, Alexis, xi kultant insejħu lil waħda minn uliedna, “Lola.” Sfortunatament, kif forsi indunajtu, Lola hija l-kelba tagħna! B’xi mod, li tinsa isem xi ħadd juri lil dak li jkun li inti probabbilment ma tantx tafu sew.

Ġesù kien jaf lin-nies u kien isejħilhom b’isimhom. Lil Iżrael tal-qedem, il-Mulej qallu, “La tibżax, għax jien fdejtek, jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi.”4 Fl-għodwa tal-Għid, ix-xhieda ta’ Marija ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet ġiet imsaħħa meta Ġesù sejħilha b’isimha.5 Bl-istess mod, Alla sejjaħ lil Joseph Smith b’ismu bi tweġiba għat-talba ta’ fidi tiegħu.6

F’ċerti każijiet, Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu ismijiet ġodda li kienu jindikaw in-natura, il-kapaċità, u l-potenzjal tagħhom. Jaħweh ta lil Ġakobb l-isem il-ġdid ta’ Iżrael, li jfisser “wieħed li jiddomina ma’ Alla” jew “ħalli lil Alla jiddomina.”7 Ġesù ta lil Ġakbu u lil Ġwanni l-isem ta’ Boanerges, li jfisser “ulied ir-ragħad.”8 Peress li kien qed jara l-irwol futur tiegħu bħala mexxej, Ġesù ta lil Xmun l-isem ta’ Kefa jew Pietru, li jfissru blata.9

L-istess kif Ġesù jafna lkoll b’isimna, mod kif nistgħu nsiru nafu aħjar lil Ġesù hu billi nitgħallmu l-ħafna ismijiet tiegħu. L-istess bħall-ismijiet ta’ Iżrael u Pietru, ħafna mill-ismijiet ta’ Ġesù huma titli biex jgħinuna nifhmu l-missjoni, l-għan, il-karattru, u l-kwalitajiet tiegħu. Hekk kif insiru nafu l-ħafna ismijiet ta’ Ġesù, nibdew nifhmu aħjar il-missjoni divina tiegħu u l-karattru altruwista tiegħu. Li nkunu nafu l-ħafna ismijiet tiegħu jispirana wkoll biex insiru aktar bħalu—biex niżviluppaw kwalitajiet Kristjani li jġibulna l-hena u għan f’ħajjitna.

Ftit tas-snin ilu, il-President Russell M. Nelson studja l-iskrittura kollha li hemm fil-Gwida tas-Suġġetti li tittratta dwar Ġesù Kristu.10 Imbagħad huwa stieden lill-adulti żgħażagħ biex jistudjaw dawn l-istess versi mill-iskrittura. Dwar il-ħafna ismijiet ta’ Ġesù, il-President Nelson qal, “Studjaw dak kollu dwar Ġesù Kristu billi bl-għajnuna tat-talb u vigorożament tippruvaw tifhmu xi jfissru għalikom personalment id-diversi titli u ismijiet mogħtija lilu.”11

Wara l-istedina tal-President Nelson, jien bdet niżviluppa l-lista tiegħi tal-ħafna ismijiet ta’ Ġesù. Il-lista personali tiegħi fiha ’l fuq minn 300 isem, u ċert li hemm bosta oħrajn li għadni ma skoprejtx.

Filwaqt li hemm xi wħud mill-ismijiet ta’ Ġesù li huma riservati biss għalih,12 nixtieq naqsam magħkom ħames ismijiet u titli li japplikaw għalina lkoll. Nistedinkom biex tiżviluppaw il-lista tagħkom hekk kif issiru tafu lil Ġesù permezz tal-ħafna ismijiet tiegħu. Hekk kif tagħmlu dan, issibu li hemm ismijiet oħra—flimkien tal-kwalitajiet Kristjani marbuta magħhom—li tkunu tridu tieħdu fuqkom bħala dixxipli tal-patt ta’ Ġesù.13

L-ewwel, Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb.14 B’hekk, Ġesù jaf lin-nagħaġ tiegħu,15 “hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom,”16 u, bħala l-Ħaruf ta’ Alla, ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.17 Bl-istess mod, Ġesù jridna nkunu rgħajja tajbin, partikolarment fil-familji tagħna u bħala aħwa li jimministraw. Mod kif nistgħu nuru mħabbitna għal Ġesù hu billi nitimgħu lin-nagħaġ tiegħu.18 Għal dawk in-nagħaġ li jinsabu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn, ir-rgħajja tajbin imorru fix-xagħri biex isibu lin-nagħaġ mitlufin u mbagħad jibqgħu magħhom sakemm jerġgħu lura lejn il-post sigur.19 Bħala rgħajja tajbin u kif jippermettu l-kundizzjonijiet tal-lokal, jeħtieġ nippruvaw inqattgħu aktar ħin nimministraw lin-nies fi djarhom. Fil-ministeru tagħna, il-messaġġi u t-teknoloġija għandhom jintużaw biex itejbu u mhux biex jieħdu post il-kuntatt personali.20

It-tieni, Ġesù huwa l-Qassis il-Kbir tal-Ġid li Għandu Jiġi.21 Hekk kif kien jaf li l-Kruċifissjoni tiegħu kienet biss ftit sigħat ’il bogħod, Ġesù qal: “Dawn il-ħwejjeġ għidthomlkom ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja.”22 Illum, hekk kif id-dinja tagħna ħafna drabi hi waħda polarizzata u maqsuma, hemm ħtieġa kbira li aħna nxandru u nipprattikaw il-pożittività, l-ottimiżmu, u t-tama. Minkejja kwalunkwe sfida li seta’ kellna fil-passat, il-fidi dejjem tidderiġina lejn il-futur,23 timliena bit-tama, u tagħtina ċ-ċans li nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù li nagħmlu l-qalb.24 Li ngħixu b’ferħ l-evanġelju jgħinna nsiru dixxipli tal-ġid li għandu jiġi.

Titlu ieħor ta’ Ġesù hu li Huwa li Kien, fl-Imgħoddi, Issa, u Għal Dejjem.25 Il-konsistenza hija kwalità kristjana. Ġesù dejjem għamel ir-rieda ta’ Missieru,26 u driegħu jinsab dejjem lest biex isalvana, jgħinna, u jfejjaqna.27 Hekk kif inkunu aktar konsistenti fl-għajxien tagħna tal-evanġelju, aħna nsiru aktar bħal Ġesù.28 Minkejja li d-dinja tesperjenza ċaqliq kbir fil-pendli tagħha tal-popolarità hekk kif in-nies jispiċċaw mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim,29 li ngħixu l-evanġelju b’konsistenza jgħinna nkunu sodi u immobbli waqt il-maltemp tal-ħajja.30 Aħna nistgħu wkoll nuru l-konsistenza billi naċċettaw l-istedina tal-President Nelson biex “niddedikaw ħin għall-Mulej.”31 Qawwa spiritwali kbira niksbuha minn ħwejjeġ żgħar u sempliċi32 bħal li niżviluppaw “osservanzi qaddisa, u rutini xierqa”33 ta’ talb ta’ kuljum, indiema, studju ta’ skrittura, u servizz lejn ħaddieħor.

Ir-raba’, Ġesù huwa l-Qaddis ta’ Iżrael.34 Il-ħajja ta’ Ġesù kienet mudell ta’ qdusija. Hekk kif nimxu wara Ġesù, aħna nistgħu nsiru qaddisin ġo Iżrael.35 Aħna nikbru fil-qdusija hekk kif regolarment nżuru t-tempju, fejn fuq kull daħla hemm imnaqqax il-kliem “Qdusija lill-Mulej.” Kull darba li nqimu fit-tempju, aħna noħorġu minnu ddotati b’qawwa akbar biex nagħmlu minn djarna postijiet qaddisa.36 Għal dawk kollha li bħalissa m’għandkomx rakkomandazzjoni biex tidħlu fit-tempju mqaddes, nistedinkom biex tiltaqgħu mal-isqof tagħkom u titħejjew ħalli tidħlu jew terġgħu lura f’dak il-post qaddis. Il-ħin li ngħaddu fit-tempju jkabbar il-qdusija f’ħajjitna.

L-aħħar isem ta’ Ġesù li se nitkellem dwaru hu li Huwa Fidil u Leali.37 L-istess kif Ġesù kien dejjem fidil u leali, ix-xewqa kbira tiegħu hi li aħna nuru dawn il-kwalitajiet f’ħajjitna. Meta l-fidi tagħna tiddgħajjef, nistgħu nitolbu lil Ġesù, “Salvani, Mulej,” l-istess kif għamel Pietru meta qabad se jegħreq fil-baħar imqalleb tal-Galilija .38 F’dak il-jum, Ġesù ħareġ idu biex isalva lid-dixxiplu li kien qed jegħreq. L-istess għamel lili, u l-istess lest jagħmel lilkom. Qatt tieqfu tafdaw f’Ġesù—Huwa qatt ma jieqaf jafda fikom!

Meta nkunu fidili u leali, aħna nimxu wara s-sejħa ta’ Ġesù “ibqgħu fija,” li tista’ tfisser ukoll “ibqgħu miegħi.”39 Meta nħabbtu wiċċna ma’ ċerti mistoqsijiet, meta jiddisprezzawna minħabba l-fidi tagħna, meta dawk li jinsabu fil-bini kbir u spazjuż jippuntaw subgħajhom lejna , aħna nibqgħu fidili u nibqgħu leali. F’dawn il-mumenti, aħna niftakru f’dak li talabna nagħmlu Ġesù, “Ħares lejja f’kull ħsieb; tiddubitax, tibżax.”40 Hekk kif nagħmlu dan, Hu jagħtina l-fidi, it-tama, u l-qawwa meħtieġa biex nibqgħu miegħu għal dejjem.41

Għeżież ħuti, Ġesù iridna nkunu nafuh għaliex ismu hu l-uniku isem taħt is-smewwiet li permezz tiegħu nistgħu niġu salvati.42 Ġesù huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja—ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu.43 Ġesù huwa l-uniku triq! Għal dik ir-raġuni, Ġesù jsejħilna “Ejjew għandi,”44 “Imxu warajja,”45 “Imxu miegħi,”46 u “Tgħallmu minni.”47

B’qalbi kollha, naqsam ix-xhieda tiegħi dwar Ġesù Kristu—li Huwa jgħix, li Huwa jħobbkom, u li Huwa jafkom b’isimkom. Huwa ll-Iben ta’ Alla,48 l-Iben il-Waħdieni tal-Missier.49 Huwa l-blata tagħna, il-Fortizza tagħna, it-Tarka tagħna, ir-Refuġju tagħna, u l-Ħellies tagħna.50 Huwa d-Dawl li Jiddi fid-Dlam.51 Huwa s-Salvatur tagħna52 u l-Feddej tagħna.53 Huwa l-Qawmien u l-Ħajja.54 L-akbar xewqa tiegħi hi li intom issiru tafu lil Ġesù permezz tal-ħafna ismijiet tiegħu u li ssiru bħalu hekk kif tkunu ta’ eżempju tal-kwalitajiet divini tiegħu f’ħajjitkom. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 20:77.

  2. Ġwanni 17:3; enfażi miżjuda. Rigward din it-talba, il-President David O. McKay għallem: “Dan it-test hu meħud minn waħda mill-aktar talbiet glorjużi—jista’ jkun l-akbar talba—li qatt intqalu f’din id-dinja, inkluż it-Talba tal-Mulej. Din kienet it-talba li Kristu qal qabel daħal fil-Ġnien tal-Ġetsemani fil-lejl tat-tradiment tiegħu. … Ma nafx li hemm kapitlu aktar importanti fil-Bibbja” (fir-Rapport tal-Konferenza, Ott. 1967, 5).

  3. Dale Carnegie, How to Win Friends and Influence People, ed. riv. (1981), 83.

  4. Isaija 43:1; enfażi miżjuda.

  5. Ara Ġwanni 20:16.

  6. Ara Joseph Smith—History 1:17.

  7. Dizzjunarju tal-Bibbja, “Israel.”

  8. Mark 3:17.

  9. Ara Luqa 6:14; Ġwanni 1:42.

  10. Ara Russell M. Nelson, “I Studied More Than 2,200 Scriptures about the Savior in Six Weeks: Here Is a Little of What I Learned,” Inspiration (blog), 28 ta’ Fr., 2017, ChurchofJesusChrist.org. Wara din l-esperjenza, il-President Nelson iddikjara, “Jiena bniedem differenti!” (“Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2017, 39).

  11. Russell M. Nelson, “Prophets, Leadership, and Divine Law” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 8 ta’ Jan., 2017), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  12. Per eżempju, Ġesù huwa l-Messija, il-Kristu, il-Kbir Jaħweh, l-Ewwel Wild mill-Mejtin, u l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.

  13. Minbarra l-istedina tal-President Nelson biex tistudjaw l-iskrittura dwar Ġesù fil-Gwida tas-Suġġetti, tistgħu tistudjaw ukoll il-ħafna ismijiet ta Ġesù billi tirreferu għad-Dizzjunarju tal-Bibbja taħt “Christ, names of.” Tafu tridu wkoll tistudjaw il-ktieb tal-Presbiteru Jeffrey R. Holland Witness for His Names (2019) u d-diskors devozzjonali mill-Presbiteru Ronald A. Rasband li jġib l-isem “Name above All Names” (Brigham Young University–Hawaii devotional, 20 ta’ Ott., 2020), speeches.byuh.edu.

  14. Ara Ġwanni 10:11.

  15. Ara Ġwanni 10:14.

  16. Ġwanni 10:3

  17. Ara Ġwanni 10:11–15; 1 Nefi 11:31–33.

  18. Ara Ġwanni 21:15–17.

  19. Jien togħġobni partikolarment it-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith ta’ Luqa 15:4, li tgħid, “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra u jmur fid-deżert wara l-mitlufa, sa ma jsibha?” (f’ Luqa 15:4, nota f’qiegħ il-paġna a, enfażi miżjuda).

  20. Kif osserva l-Presbiteru David A. Bednar: “Kulħadd jaħseb li messaġġ hu biżżejjed għall-ministeru. Hemm mumenti fejn jeħtieġ li tkunu fid-dar u tħarsu lin-nies f’għajnejhom, għaliex fid-dar sejrin tirċievu suġġerimenti u ispirazzjoni li ma tiksbux b’mod ieħor” (“An Evening with Elder David A. Bednar” [broadcast for religious educators], 7 ta’ Fr., 2020], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org).

  21. Ara Lhud 9:11.

  22. Ġwanni 16:33.

  23. Ara Jeffrey R. Holland, “‘Remember Lot’s Wife’: Faith Is for the Future” (Brigham Young University devotional, 13 ta’ Jan., 2009), 2, speeches.byu.edu. “Il-fidi dejjem timmira lejn il-futur. Il-fidi dejjem tirrigwarda l-barkiet u l-veritajiet u l-ġrajjiet li għad iridu jħallu effett f’ħajjitna.”

  24. Ara Mattew 9:2; Mark 6:50; Ġwanni 16:33; 3 Nephi 1:13; Doctrine and Covenants 61:36.

  25. Ara Lhud 13:8; ara wkoll Bible Dictionary, “Christ, names of.”

  26. Ara Ġwanni 8:29.

  27. Ara Alma 5:33; 19:36; 3 Nephi 9:14.

  28. Ara, per eżempju, David A. Bednar, “More Diligent and Concerned at Home,” Liahona, Nov. 2009, 20: “Il-konsistenza hija prinċipju ewlieni hekk kif inħejju l-pedament ta’ ħidma kbira fil-ħajja individwali tagħna. … Jeħtieġ inkunu u nsiru aktar konsistenti.”

  29. Ara Efesin 4:14.

  30. Ara Mosija 5:15.

  31. Russell M. Nelson, “Iddedikaw Ħin għall-Mulej,” Liahona, Nov. 2021, 120.

  32. Ara Alma 37:6.

  33. Din hi frażi li l-President Dallin H. Oaks irrepeta kemm-il darba fil-ministeru tiegħu. Ara, per eżempju, “YSA Face to Face with Elder Oaks and Elder Ballard” (broadcast for young single adults, 19 ta’ Nov., 2017), ChurchofJesusChrist.org.

  34. Ara 2 Nefi 9:18–19, 41.

  35. Waqt devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ riċenti, Sister Wendy Nleson għamlet mistoqsija li qalet tista’ tibdel il-ħajjiet, tkabbar il-kunfidenza u tnaqqas l-anzjetà, timmotivana, tkabbar il-gratitudni u tnaqqas l-istress, tgħinna nirreżistu t-tentazzjoni, u ġġibilna l-hena, il-faraġ, l-imħabba, u l-paċi. Il-mistoqsija kienet “X’għandu jagħmel adult żagħżugħ qaddis?” Imbagħad hija ħeġġitna biex napplikaw din il-mistoqsija f’sitwazzjoni waħda kuljum għal tlett ijiem wara xulxin. Ara “One Question That Can Change Your Life” (worldwide devotional for young adults, 5 ta’ Mejju, 2022), broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  36. Ara Doctrine and Covenants 109:12-13, 22.

  37. Ara Apokalissi 19:11.

  38. Mattew 14:30.

  39. Ġwanni 15:4 Il-kelma Griega għal abide hija μείνατε (mejnate jew menó), li tfisser tibqa’.

  40. Doctrine and Covenants 6:36.

  41. Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland darba nnota li, fl-Ispanjol, il-frażi Ingliża “abide in me” hi tradotta bħala “permaneced en mi.” Huwa kompla: “Is-sens tagħha mela huwa ‘ibqa’—iżda ibqa’ għal dejjem.’ … Ejja b’mod permanenti, għalik u għall-ġenerazzjonijiet kollha ta’ warajk, u aħna ngħinu lil xulxin nibqgħu b’saħħitna sal-aħħar” (“Abide in Me,” Liahona, Mejju 2004, 32).

  42. Ara 2 Nefi 31:21.

  43. Ara Ġwanni 14:6.

  44. Mattew 11:28; 3 Nephi 9:14, 22.

  45. Mattew 16:24; Luqa 18:22; Ġwanni 21:19; ara wkoll 2 Nefi 31:10.

  46. Apokalissi 3:4; Moses 6:34.

  47. Mattew 11:29; Doctrine and Covenants 19:23.

  48. Ara 3 Nephi 9:15.

  49. Ara Ġwanni 1:14; Alma 5:48.

  50. Ara 2 Samwel 22:2–3.

  51. See Doctrine and Covenants 6:21.

  52. Ara Luqa 2:11.

  53. Ara Doctrine and Covenants 18:11–13.

  54. Ara Ġwanni 11:25.