2020–2024
Il-Madmad Tiegħu Hu Ħelu, u t-Toqol Tiegħu Ħafif
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Il-Madmad Tiegħu Hu Ħelu, u t-Toqol Tiegħu Ħafif

Ejjew niftakru li kull persuna fuq din l-art hija wild Alla u Huwa jħobb lil kulħadd.

L-istorja titkellem dwar raġel jismu Jack li kellu kelba tal-kaċċa ferm għal qalbu jisimha Cassie. Jack kien kburi ħafna b’Cassie u spiss kien iħobb jiftaħar kemm kienet kelba kapaċi. Biex juri dan, Jack stieden xi ħbieb biex jaraw lil Cassie waqt l-azzjoni. Wara li waslu fil-klabb tal-kaċċa, Jack ħalla lil Cassie toqgħod tiġri ftit barra waqt li hu daħal ġewwa biex jirreġistra.

Meta wasal il-ħin biex tibda, Jack kien ħerqan biex juri l-ħila tal-għaġeb ta’ Cassie. Madankollu, Cassie bdiet taġixxi b’mod stramb. Hi ma bdiet tobdi l-ebda kmand ta’ Jack kif is-soltu tagħmel minn jeddha. Kulma riedet tagħmel kien li toqgħod maġenbu.

Jack ħassu frustrat u imbarazzat u nkorlat għal Cassie; ma damx ma ssuġġerixxa li jitilqu minn hemm. Cassie lanqas biss riedet taqbeż għall-ġol kaxxa tal-vann, u Jack, li tilef kull sabar, qabadha u xeħitha fil-kaxxa tagħha. Hu ħassu veru maħruq hekk kif dawk li kienu miegħu għaddew it-triq kollha lejn id-dar jiddieħqu bl-imġiba tal-kelba. Jack ma setax jifhem għalfejn Cassie ma bdietx tobdi. Hija kienet mħarrġa tajjeb, u qabel dakinhar ix-xewqa tagħha kienet biss li tikkuntentah u taqdih.

Wara li waslu d-dar, Jack beda jeżamina lil Cassie għal xi ferita, xi żerriegħa jew qurdien, kif spiss kien jagħmel. Hekk kif poġġa jdejh fuq sidirha, ħass qisu likwidu u nduna li idu kienet mimlija demm. Maħkum minn għajb u paniku, seta’ jara li Cassie kellha ġerħa twila u wiesgħa fuq il-lemin ta’ sidirha. Huwa sab oħra fuq sieqha l-leminija ta’ quddiem, kif ukoll fuq l-għadma.

Jack ħa lil Cassie f’dirgħajh u nfaqa’ jibki. Kien qed iħossu kkunsmat mill-għajb għal kif kien iġġudikaha u ttrattaha. Aktar kmieni fil-jum Cassie bdiet taġixxi mhux bħas-soltu għaliex kienet muġugħa. L-imġiba tagħha kienet riżultat tal-uġigħ tagħha, tat-tbatija tagħha, u tal-ġrieħi tagħha. Ma kellha x’taqsam xejn man-nuqqas ta’ xewqa li tobdi lil Jack jew man-nuqqas ta’ mħabba lejh.1

Din l-istorja smajtha snin ilu u baqgħet f’moħħi. Kemm għandna individwi miġruħa fostna? Kemm-il darba niġġudikaw lil ħaddieħor minħabba d-dehra u l-għemejjel esterjuri tagħhom, jew għax ma jagħmlux xi ħaġa, meta, jekk nifhmuhom sew, aħna nirreaġixxu b’kompassjoni u b’xewqa li ngħinuhom minflok ma nkomplu nżidu mal-piż tagħhom bil-ġudizzju tagħna?

Jiena f’ħajti kemm-il darba kont ħatja ta’ dan, iżda bis-sabar il-Mulej għallimni permezz ta’ esperjenzi personali u hekk kif smajt ċerti esperjenzi mill-ħajja ta’ ħafna oħrajn. Tgħallimt napprezza aktar l-eżempju tal-għażiż Salvatur tagħna hekk kif għadda daqstant mill-ħajja tiegħu jimministra lil ħaddieħor b’imħabba.

F’ħajjitha t-tifla ż-żgħira tiegħi esperjenzat fost l-oħrajn ċerti sfidi ta’ saħħa esperjenza minn meta kienet għadha ċkejkna. Kien hemm diversi drabi tul ħajjitha meta ħassitha li ma tistax tkampa aktar mal-ħajja. Aħna nibqgħu għal dejjem grati għall-anġli mortali li kienu hemm f’dawk il-mumenti: ipoġġu bilqiegħda magħha, jismgħuha, jibku magħha, kif ukoll jaqmsu flimkien magħha ċerti rigali uniċi, għarfien spiritwali, u relazzjoni reċiproka ta’ mħabba. F’ċirkustanzi ta’ mħabba bħal dawn, ħafna drabi l-piż jonqos minn kull naħa.

Il-Presbiteru Joseph B.Wirthlin, waqt li kkwota l-1 Korintin, qal, “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal- anġli bla ma kelli l-karità, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.”2

Huwa kompla:

“Il-messaġġ ta’ Pawlu għal dan il-grupp ġdid ta’ Qaddisin kien sempliċi u dirett: Xejn minn dak li tagħmel ma jagħmel wisq differenza jekk m’għandekx fik il-karità. Tista’ titkellem bl-ilsna, ikollok id-don tal-profezija, tifhem il-misteri kollha, u tippossedi kull għarfien; anke jekk għandek fidi li ċċaqlaq il-muntanji, mingħajr karità dan kollu ma jiswiek għal xejn.

“‘Il-karità hi l-imħabba pura ta’ Kristu’ [Moroni 7:47]. Is-Salvatur tana eżempju ta’ kif tkun dik l-imħabba.”3

F’Ġwanni naqraw, “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”4

Il-mexxejja tagħna tal-Knisja kemm-il darba tkellmu dwar il-karità, l-għaqda, l-imħabba, it-tjubija, il-kompassjoni, il-maħfra, u l-ħniena. Nemmen li s-Salvatur qed jistedinna biex ngħixu b’mod aktar għoli u qaddis5—Il-modtiegħu ta’ mħabba fejn kulħadd jista’ jħossu verament maħbub u meħtieġ.

Aħna mitlubin inħobbu lil ħaddieħor,6 mhux niġġudikawhom.7 Ejjew neħilsu minn dak it-toqol kbir; mhuwiex tagħna biex inġorruh.8 Minflok, nistgħu nieħdu fuqna l-madmad ta’ mħabba u kompassjoni tas-Salvatur.

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni; …

“Għax il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif.”9

Is-Salvatur ma jiskużax id-dnub iżda joffrilna mħabbtu u jestendilna l-maħfra meta nindmu. Lill-mara li nqabdet f’adulterju, qalilha, “Anqas jien ma nikkundannak: mur, u tidnibx iżjed.”10 Dawk li huwa mess ħassew imħabbtu, u dik l-imħabba fejqithom u ttrasformathom. L-imħabbatiegħu ispirathom biex juru r-rieda li jibdlu ħajjithom. Li ngħixu kif irid Hu jġibilna l-hena u l-paċi, u Hu jistieden lil ħaddieħor għal dik it-tip ta’ ħajja bi ħlewwa, tjubija, u mħabba.

Il-Presbiteru Gary E. Stevenson qal: “Meta aħna niffaċċjaw ir-riħ u l-maltemp, il-mard u l-korriment tal-ħajja, il-Mulej—ir-Ragħaj tagħna, il-Kurant tagħna—jieħu ħsiebna b’imħabba u tjubija. Huwa jfejjaq qalbna u jirrestawra ruħna.”11 Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, m’għandniex nagħmlu l-isess?

Is-Salvatur talabna biex nitgħallmu minnu12 u nagħmlu dak li rajnieh jagħmel.13 Huwa l-personifikazzjoni tal-karità, tal-imħabba pura. Hekk kif inkrementalment nitgħallmu nagħmlu dak li jitlob minna—mhux għax mitlubin nagħmlu dan jew saħansitra minħabba l-barkiet li nistgħu nirċievu iżda purament għax inħobbu lilu u lil Missierna fis-Smewwiet14— imħabbtu taħkimna u tagħmel dak kollu li jitlobna mhux biss possibbli iżda eventwalment aktar faċli u eħfef15 u aktar hieni milli qatt immaġinajna. Dan jirrikjedi l-prattika; jaf jieħu s-snin, kif fil-każ tiegħi, iżda hekk kif sewwasew nuru x-xewqa li l-imħabba tkun il-forza motivanti tagħna, Huwa jkun jista’ jaqbad dik ix-xewqa,16 dik iż-żerriegħa, u eventwalment ibiddilha f’siġra sabiħa, mimlija bl-aktar frott ħelu.17

F’waħda mill-għanjiet favoriti tagħna nkantaw: “Min jien biex niġġudika ’l ħaddieħor, meta nimxi b’daqstant imperfezzjoni? Fil-qalb siekta hemm moħbi niket li l-għajn ma tarax.”18 Min fostna jaf hemm moħbi fih niket li ma jidhirx? Dak li jidher li hu tifel jew adoloxxenti ribelluż, it-tfal ta’ koppji divorzjati, l-omm jew il-missier single, dawk bi sfidi ta’ saħħa fiżika jew mentali, dawk li qed jiddubitaw il-fidi tagħhom, dawk li jesperjenzaw preġudizzju razzjali jew kulturali, dawk li jħossuhom weħidhom, dawk li ilhom jittamaw li jiżżewġu, dawk b’vizzji li ma jixtiqux, u ħafna oħrajn li qed iħabbtu wiċċhom ma’ varjetà sħiħa ta’ esperjenzi diffiċli fil-ħajja—ħafna drabi anke dawk li ħajjithom tidher perfetta minn barra.

Ħadd minna m’għandu ħajja perfetta jew familji perfetti; jien żgur li m’għandix. Meta nagħżlu li nenpatizzaw ma’ oħrajn li wkoll jesperjenzaw sfidi u imperfezzjoni, dan jaf iwassalhom biex iħossuhom li mhumiex weħidhom fit-taqbid tagħhom . Kulħadd hemm bżonn li jħossu li verament jappartjeni u li hu meħtieġ fil-ġisem ta’ Kristu.19 Ix-xewqa l-kbira ta’ Satana hi li jifred lil ulied Alla, u hu rnexxielu sew li jagħmel dan, iżda fl-għaqda hemm qawwa kbira.20 U kemm hemm bżonn li nimxu driegħ f’driegħ f’dan il-vjaġġ diffiċli tagħna f’din il-ħajja!

Il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, qal: “Kwalunkwe abbuż jew preġudizzju lejn ħaddieħor minħabba nazzjonalità, razza, orjentazzjoni sesswali, ġeneru tas-sess, kwalifiċi fl-edukazzjoni, kultura, jew xi identifikaturi sinifikanti oħra joffendu lill-Ħallieq tagħna! Trattament ħażin bħal dan iwassalna biex ngħixu f’livell anqas mill-istatura tagħna bħala wliedu tal-patt!”21

Filwaqt li l-President Nelson stedinna lkoll biex nidħlu u nibqgħu fit-triq tal-patt li twassalna lura għand Missierna fis-Smewwiet, huwa pprovda wkoll il-parir li ġej: “Jekk xi ħbieb jew membri tal-familja … jitbiegħdu mill-Knisja, komplu ħobbuhom. Mhux f’idejkom li tiġġudikaw l-għażla ta’ ħaddieħor daqs kemm ma ħaqqkomx tiġu kkritikati għaliex tibqgħu fidili.”22

Ħbieb, ejjew niftakru li kull persuna fuq din l-art hija wild Alla23 u Huwa jħobb lil kulħadd.24 Hemm nies fi triqtkom li ħassejtukom inklinati li tiġġudikawhom? Jekk iva, ftakru li dawn huma opportunitajiet prezzjużi għalina biex nipprattikaw l-imħabba kif iħobb is-Salvatur.25 Hekk kif nimxu wara l-eżempju tiegħu, inkunu nistgħu ningħaqdu fil-madmad tiegħu u ngħinu nrawmu sentiment ta’ mħabba u appartenenza fil-qalb tal-ulied kollha ta’ Missierna.

“Aħna nħobbuh, għax hu ħabbna l-ewwel.”26 Hekk kif inkunu mimlija bl-imħabba tas-Salvatur, il-madmad tiegħu verament jista’ jkun faċli, u t-toqol tiegħu jista’ jinħass ħafif.27 Dwar dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Ara Jack R. Christianson, Healing the Wounded Soul (2008), 27.

  2. 1 Korintin 13:1; ara Moroni 7:44–48.

  3. Joseph B. Wirthlin, “The Great Commandment,” Liahona, Nov. 2007, 28.

  4. Ġwanni 13:35, enfażi miżjuda; ara wkoll vers 34.

  5. Ara Russell M. Nelson, “Rimarki tal-Ftuħ,” Liahona, Nov. 2018, 6–8.

  6. Ara Mattew 22:36–40; Ġwanni 13:34–35.

  7. Ara Mattew 7:1–4; Dieter F. Uchtdorf, “The Merciful Obtain Mercy,” Liahona, Mejju 2012, 70–77; ara wkoll Robert C. Gay, “Nieħdu fuqna Isem Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2018, 97–100.

  8. Eċċezzjoni għal dan tinkludi l-isqfijiet u l-presidenti tal-wited. “Kull isqof u president tal-wited huwa ‘imħallef f’Iżrael’ (Doctrine and Covenants 107:72). Permezz ta’ din l-awtorità huma jgħinu lill-membri jindmu mid-dnub u jersqu lejn Kristu li jaħfer id-dnub (ara 32.1 u 32.3)” (General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 31.1.7, ChurchofJesusChrist.org).

  9. Mattew 11:28–30; enfażi miżjuda.

  10. Ġwanni 8:11, enfażi miżjuda; ara wkoll versi 3–10.

  11. Gary E. Stevenson, “Qlubna Minsuġin Flimkien,” Liahona, Mejju 2021, 23.

  12. Ara Mattew 11:29.

  13. Ara 3 Nefi 27:21–22.

  14. See Mattew 22:37–39.

  15. Ara Mosiah 24:15.

  16. Ara Alma 32:27.

  17. Ara Alma 32:41.

  18. “Lord, I Would Follow Thee,” Hymns, nu. 220.

  19. Ara 1 Korintin 12:12–27; ara wkoll Jeffrey R. Holland, “Songs Sung and Unsung,” Liahona, Mejju 2017, 49–51.

  20. Ara Sharon Eubank, “By Union of Feeling We Obtain Power with God,” Liahona, Nov. 2020, 55–57; ara wkoll Dale G. Renlund, “The Peace of Christ Abolishes Enmity,” Liahona, Nov. 2021, 83–86; Sharon Eubank, “Turning Enemies into Friends” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 23 ta’ Jan., 2018), speeches.byu.edu.

  21. Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinjija għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022), broadcasts.churchofJesusChrist.org.

  22. Russell M. Nelson, “Choices for Eternity,” broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  23. Ara Rumani 8:16.

  24. Ara Isaija 49:16; Rumani 8:35, 38–39.

  25. Ara Luqa 6:31–38.

  26. 1 Ġwanni 4:19. “Aħna hawn qed nitkellmu dwar l-ewwel kmandament kbir mogħti lill-familja umana—li tħobb lil Alla b’qalbek kollha, mingħajr riserva jew kompromess, jiġifieri b’qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’moħħna kollu. Din l-mħabba ta’ Alla hija l-ewwel kmandament kbir fl-univers. Iżda l-ewwel verità kbira fl-univers hi li Alla jħobbna sewwasew b’dak il-mod—b’qalbu kollha, mingħajr kompromess, b’qalbu kollha, b’moħħu kollu u bil-qawwa u s-setgħa tiegħu kollha” (Jeffrey R. Holland, “L-Akbar Possessjoni,” Liahona, Nov. 2021, 9).

  27. Ara Mattew 11:28–30.