Id-Duttrina ta’ Kristu
Id-duttrina ta’ Kristu tagħtina ċ-ċans naċċessaw qawwa spiritwali li televana mill-istat spiritwali kurrenti tagħna għal stat li fih aħna nistgħu niġu pperfezzjonati.
Iż-żjara ta’ Ġesù lin-Nefiti wara li Huwa qam mill-imwiet ġiet organizzata b’ reqqa kbira biex lilna tgħallimna ħwejjeġ ta’ importanza kbira. Iż-żjara bdiet bil-Missier jixhed mal-poplu li Ġesù ken “Ibnu l-Għażiż, li fih Huwa sab l-għaxqa tiegħu.”1 Imbagħad Ġesù Innifsu niżel u xehed dwar is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu,2 fejn stieden lin-nies “biex ikunu jafu b’ ċertezza” li Huwa l-Kristu billi jersqu lejh u jħossu b’ subgħajhom il-marki f’ ġenbu u s-sinjali tal-imsiemer li kellu f’ idejh u f’ riġlejh.3 Dawn it-testimonjanzi stabbilixxew mingħajr ebda dubju li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù kien ġie fis-seħħ u li l-Missier kien onora l-patt Tiegħu li jipprovdilna Salvatur. Imbagħad Ġesù għallem lin-Nefiti dwar kif huma setgħu jiksbu l-barkiet kollha tal-pjan ta’ ferħ tal-Missier, li kienu disponibbli għalihom minħabba l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, billi għallimhom id-duttrina ta’ Kristu.4
Il-messaġġ tiegħi llum jiffoka fuq id-duttrina ta’ Kristu. L-iskrittura tiddefenixxi d-duttrina ta’ Kristu bħala li neżerċitaw il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, li aħna nindmu, nitgħammdu, nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu u nibqgħu sodi sat-tmiem.5
Id-Duttrina ta’ Kristu Tagħtina ċ-Ċans Niksbu l-Barkiet tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu
L-Att tal-Fidwa ta’ Kristu toħloq il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom aħna nistgħu niddependu fuq “il-merti, u l-ħniena u l-grazzja tal-Messija Mqaddes,”6 “niġu pperfezzjonati fi Kristu,”7 niksbu kull ħaġa xierqa,8 u niksbu l-ħajja eterna.9
Id-duttrina ta’ Kristu, mill-banda l-oħra hija l-mezz—l-uniku mezz—li permezz tiegħu aħna nistgħu niksbu l-barkiet kollha li huma disponibbli għalina permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù. Hija d-duttrina ta’ Kristu li tagħtina ċ-ċans naċċessaw il-qawwa spiritwali li televana mill-istat spiritwali kurrenti tagħna għal stat li fih aħna nistgħu niġu pperfezzjonati bħas-Salvatur.10 Dwar dan il-proċess tat-twelid mill-ġdid, il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem: “Li nitwieldu mill-ġdid, b’ differenza mit-twelid fiżiku tagħna, huwa aktar proċess milli xi avveniment. U li ningaġġaw ruħna f’ dak il-proċess huwa l-għan ewlieni tal-ħajja mortali.”11
Ejjew nesploraw kull element tad-duttrina ta’ Kristu.
L-ewwel, fidi f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu. Il-profeti għallmu li l-fidi tibda billi nisimgħu l-kelma ta’ Kristu.12 Kliem Kristu jixhed dwar is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu u jgħidilna kif aħna nistgħu niksbu l-maħfra, il-barkiet u l-eżaltazzjoni.13
Meta nisimgħu kliem Kristu, aħna neżerċitaw il-fidi billi nagħżlu li nimxu wara t-tagħlim u l-eżempju tas-Salvatur.14 Biex nagħmlu dan, Nefi għallem li aħna għandna niddependu “kompletament fuq il-merti ta’ Kristu, li għandu l-qawwa li jsalvana.”15 Peress li fl-eżistenza primortali Ġesù kien Alla,16 huwa għex ħajja mingħajr dnub,17 u waqt l-Att tal-Fidwa Tiegħu huwa ssodisfa d-domanda tal-ġustizzja għalikom u għalija,18 Huwa għandu l-qawwa u l-imfietaħ li permezz tagħhom iġib fis-seħħ il-qawmien mill-mewt tal-bnedmin kollha,19 u Huwa għamilha possibbli biex il-ħniena tegħleb il-ġustizzja, dejjem jekk huma jindmu.20 La darba aħna nifhmu li aħna nistgħu niksbu l-ħniena permezz tal-merti ta’ Kristu, aħna nkunu kapaċi li “jkollna l-fidi li nindmu.”21 Biex aħna niddependu kompletament fuq il-merti ta’ Kristu jfisser mela li nafdaw li Huwa għamel dak kollu li hu neċessarju biex isalvana u mbagħad naġixxu skont dak li aħna nemmnu.22
Il-fidi twassalna wkoll biex nieqfu ninkwetaw daqstant dwar x’ jaħseb fuqna ħaddieħor u nibdew nagħtu kas aktar x’ jaħseb fuqna Alla.
It-tieni, l-indiema. Samwel il-Lamanita għallem, “Jekk intom temmnu b’ isem Kristu intom tindmu mid-dnubiet kollha tagħkom.”23 L-indiema hija rigal prezzjuż mingħand Missierna tas-Smewwiet li sar possibbli biss permezz tas-sagrifiċċju tal-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu. Huwa permezz tal-proċess li tana l-Missier li aħna nistgħu nibdlu, jew indawru ħsibijietna, l-għemejjel tagħna u l-istess natura tagħna biex insiru aktar u aktar nixbhu lis-Salvatur.24 Dan ma japplikax biss għad-dnubiet il-kbar iżda huwa proċess ta’ kuljum kif nistgħu nevalwaw u ntejbu lilna nfusna25 li jgħinna negħlbu d-dnubiet tagħna, l-imperfezzjoni tagħna, id-dgħjufijiet tagħna u d-difetti tagħna.26 L-indiema twassalna biex insiru “dixxipli vera” ta’ Kristu, timlina bl-imħabba27 u tkeċċi minn ġo fina l-biżgħat li jista’ jkollna.28 L-indiema mhijiex xi pjan sekondarju f’ kas li l-pjan tagħna li ngħixu b’ mod perfett ifalli.29 L-indiema kontinwa hija l-unika triq li tista’ twassal f’ ħajjitna ferħ dejjiem u tagħtina ċ-ċans li nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna tas-Smewwiet.
Permezz tal-indiema aħna nsiru sottomessi u ubbidjenti għar-rieda ta’ Alla. Issa, dan ma nistgħux nagħmluh weħidna. Li aħna nagħrfu t-tjubija ta’ Alla u x-xejn tagħna,30 kif ukoll billi nagħmlu l-almu tagħna li naraw li l-imġieba tagħna tkun dejjem skont ir-rieda ta’ Alla,31 twasslilna l-grazzja f’ ħajjitna.32 Il-grazzja “hija mezz divin ta’ għajnuna jew qawwa, mogħtija lilna permezz tal-ħniena ġeneruża u l-imħabba ta’ Ġesù Kristu … biex inkunu nistgħu nwettqu għemejjel tajbin li żgur ma jirnexxilniex inwettqu bis-saħħa tagħna biss.”33 Peress li l-indiema fil-fatt hija mod kif aħna nistgħu nsiru nixhbu aktar lis-Salvatur, ħaġa impossibbli li nwettquha weħidna, aħna verament neħtieġu l-grazzja tas-Salvatur sabiex inkunu nistgħu nwettqu t-tibdil neċessarju f’ ħajjitna.
Hekk kif aħna nindmu, aħna nibdlu l-imġieba ħażina, id-dgħjufijiet, l-imperfezzjoni u l-biżgħat passati tagħna f’ imġieba ġdida u twemmin ġdid li jressquna aktar viċin tas-Salvatur u jgħinuna nsiru bħalu.
It-tielet, il-magħmudija u s-sagrament. Il-profeta Mormon għallem li “l-ewwel frott tal-indiema hija l-magħmudija.”34 Biex tkun kompluta, l-indiema jeħtieġ li nikkumbinawha mal-ordinanza tal-magħmudija li tiġi amministrata minn xi ħadd li jħaddan l-awtorità saċerdotali ta’ Alla. Għall-membri tal-Knisja, il-patti li aħna għamilna fil-magħmudija u f’ okkażżjonijiet oħra jiġu mġeddin hekk kif aħna nieħdu sehem fis-sagrament.35
Fl-ordinanzi tal-magħmudija u tas-sagrament, aħna nagħmlu patt li lesti nżommu l-kmandamenti tal-Missier u l-Iben, li dejjem niftakru fi Kristu, u li aħna se nkunu dejjem lesti li nieħdu fuqna isem Kristu (jew il-ħidma u l-kwalitajiet Tiegħu36).37 Is-Salvatur, min-naħa Tiegħu, jagħmel patt magħna li huwa lest jaħfrilna dnubietna38 u “ jitfa’ l-Ispirtu Tiegħu fuqna b’ aktar abbundanza.”39 Kristu wiegħed ukoll li Hu se jħejjina għall-ħajja eterna billi jgħinna nsiru bħalu.40
Douglas D. Holmes, l-Ewwel Kunsillier fil-Presidenza Ġenerali tal-Ġuvintur kiteb: “L-ordinanzi tal-magħmudija u s-sagrament jissimbolizzaw kemm ir-riżultat finali kif ukoll il-proċess tat-twelid mill-ġdid tagħna. Fil-magħmudija, aħna nidfnu lill-bniedem passat tagħna tad-demm u l-laħam u noħorġu mill-ilma lesti biex nibdew ħajjitna mill-ġdid.41 Fis-sagrament, aħna nitgħallmu li din il-bidla hija proċess, pass wara pass, fejn ftit ftit, ġimgħa wara ġimgħa, aħna nittrasformaw ruħna hekk kif aħna nindmu, inġeddu l-patti tagħna u permezz ta’ aktar doni tal-Ispirtu li aħna niksbu, aħna nsiru nixbhu aktar lis-Salvatur.”42
L-ordinanzi u l-patti huma parti essenzjali mid-duttrina ta’ Kristu. Huwa billi nirċievu b’ mod den l-ordinanzi tas-saċerdozju u billi nżommu l-patti assoċjati magħhom li l-qawwa tad-divinità tkun tista’ tidher f’ ħajjitna.43 Il-Presbiteru D. Todd Christofferson spjega li “din il-‘qawwa tad-divinità’ tidher fil-persuna u permezz tal-influwenza tal-Ispirtu s-Santu.”44
Ir-raba’, id-don tal-Ispirtu s-Santu. Wara l-magħmudija aħna ningħataw id-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tal-ordinanza tal-konferma.45 Dan id-don, jekk aħna nirċevuh, jagħtina ċ-ċans li jkollna dejjem magħna s-sħubija kostanti ta’ wieħed mill-Allat46 u l-aċċess kontinwu għall-grazzja li niksbu b’ mod naturali grazzi għall-influwenza Tiegħu.
Bħala s-sieħeb kostanti tagħna, l-Ispirtu s-Santu jagħtina qawwa akbar biex inżommu l-patti tagħna.47 Huwa anke jqaddisna,48 jiġifieri li hu jagħmilna “ħielsa mid-dnub, safja, ndaf u mqaddsa permezz tal-att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.”49 Il-proċess tas-santifikazzjoni mhux biss inaddafna, iżda jadottana bid-doni spiritwali jew bil-kwalitajiet divini tas-Salvatur li aħna neħtieġu50 u jibdel l-istess natura divina tagħna,51 b’tali mod li aħna “ma jkollna l-ebda dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen.”52 Kull darba li aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu f’ ħajjitna permezz tal-fidi, l-indiema, l-ordinanzi, tas-servizz kif irid Kristu kif ukoll permezz ta’ għemejjel tajba oħra, aħna ninbidlu sakemm pass wara pass, u ftit ftit aħna nsiru nixbhu lil Kristu.53
Il-ħames, nibqgħu sodi sat-tmiem. Il-profeta Nefi għallem li wara li nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna għandna “nibqgħu sodi sat-tmiem, billi nimxu wara l-eżempju ta’ Iben Alla l-ħaj.”54 Il-Presbiteru Dale G. Renlund jiddeskrivi l-proċess li nibqgħu sodi sat-tmiem b’ dan il-mod: “Aħna nistgħu nipperfezzjonaw ruħna billi ripetutament u b’ tennija aħna … neżerċitaw il-fidi tagħna fi Kristu, nindmu, nieħdu sehem fis-sagrament sabiex inġeddu l-patti u l-barkiet tal-magħmudija u nirċievu l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna b’ qawwa akbar. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsiru nixbhu aktar lil Kristu u nkunu kapaċi aktar nibqgħu sodi sat-tmiem.”55
Fi kliem ieħor, l-għotja tal-Ispirtu s-Santu u l-bidla li dik l-għotja toħloq fina tkompli tkabbar il-fidi tagħna. Fidi akbar twassal għal indiema akbar. Hekk kif aħna b’ mod simboliku nissagrifikaw qalbna u dnubietna fuq l-artal tas-sagrament, aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu b’ qawwa akbar. Li nirċievu l-Ispirtu s-Santu b’ qawwa akbar iwassal biex aħna nimxu aktar ‘il quddiem fit-triq tagħna li nerġgħu nitwieldu mill-ġdid. Hekk kif aħna nkomplu mexjin f’ dan il-proċess u niksbu l-ordinanzi tas-salvazzjoni kollha u l-patti kollha tal-evanġelju, aħna nirċievu “grazzja wara grazzja” sakemm nirċievu l-milja sħiħa li nistgħu nirċievu.56
Aħna Għandna Napplikaw id-Duttrina ta’ Kristu f’ Ħajjitna
Ħuti, hekk kif aħna napplikaw f’ ħajjitna d-duttrina ta’ Kristu, aħna nkunu mberkin kemm b’ mod temporali kif ukoll spiritwali, anke fl-isfidi li niffaċċjaw f’ ħajjitna. Eventwalment, aħna nkunu kapaċi “naqbdu ma’ kull ħaġa ġusta.”57 Jiena nixhed li dan il-proċess ġie fis-seħħ u se jkompli jseħħ f’ ħajti, pass wara pass, ftit ftit.
Iżda l-aktar ħaġa importanti hi li aħna għandna napplikaw id-duttrina ta’ Kristu f’ ħajjitna għaliex hija tipprovdilna l-unika triq lura għal għand Missierna tas-Smewwiet. Hija l-uniku mod kif aħna nistgħu nirċievu lis-Salvatur u nsiru wliedu.58 Fil-fatt, l-unika mod kif aħna nistgħu niġu mifdija mid-dnub u navvanzaw spiritwalment hu billi napplikaw id-duttrina ta’ Kristu f’ ħajjitna.59 Alternattivament, l-Appostlu Ġwanni għallem li “Kull min … ma jibqax fit-tagħlim ta’ Kristu, dan m’għandux lil Alla fih.”60 U Ġesù Nnifsu qal lit-Tnax il-Appostlu Nefita li jekk aħna nonqsu li neżerċitaw il-fidi tagħna fi Kristu, li nindmu, li nitgħammdu u li nibqgħu sodi sat-tmiem, aħna nitqaċċtu u ninxteħtu fin-nar, minn fejn ma nistgħux nirritornaw lura.”61
Għalhekk kif nistgħu aħna napplikaw id-duttrina ta’ Kristu aħjar f’ ħajjitna? Mod kif nistgħu nagħmlu dan hu billi kull ġimgħa nagħmlu sforz biex nitħejjew għas-sagrament billi niddedikaw ftit ħin biex bl-għajnuna tat-talb nikkunsidraw fejn l-aktar jeħtieġ li nitjiebu. Imbagħad inkunu nistgħu nieħdu ħaġa waħda li qed iżżommna milli nkunu bħal Ġesù Kristu fuq l-artal tas-sagrament, filwaqt li nitkarrbu b’ fidi għall-għajnuna, linitolbu għad-doni spiritwali neċessarji u nagħmlu patt li se nagħmlu li nistgħu biex nitjiebu fil-ġimgħa li jkollna quddiemna.62 Hekk kif aħna nagħmlu dan, l-Ispirtu s-Santu jinfluwenza ħajjitna b’ qawwa akbar u aħna jkollna aktar qawwa biex negħlbu l-imperfezzjoni tagħna.
Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja u li Ismu huwa l-uniku isem li permezz tiegħu nistgħu nsalvaw.63 Dak kollu li hu tajjeb nistgħu niksbuh biss permezz Tiegħu.64 Iżda biex fil-fatt aħna nkunu nistgħu “naqbdu ma’ kull ħaġa ġusta,”65 inkluż il-ħajja eterna, jeħtieġ li aħna napplikaw kontinwament id-duttrina ta’ Kristu f’ ħajjitna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.