2010-2019
Ir-Raba’ Sular, l-Aħħar Bieb
Ottubru 2016


Ir-Raba’ Sular, l-Aħħar Bieb

Alla “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħerqa,” għalhekk jeħtieġ li nkomplu nħabbtu l-bieb. Ħuti, taqtgħux qalbkom. Fittxu lil Alla b’ qalbkom kollha.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, kemm aħna mberkin li nerġgħu ninsabu miġburin f’ din il-konferenza dinjija taħt id-direzzjoni u t-tmexxija tal-profeta u l-President għażiż tagħna, Thomas S. Monson. President, aħna nħobbuk u nsostnuk! Aħna nafu li inti tħobb lill-aħwa n-nisa tal-Knisja.

Verament nieħu gost nattendi din is-sezzjoni mill-aktar meraviljuża tal-konferenza ġenerali ddedikata lill-aħwa nisa tal-Knisja.

Ħuti, meta nħares lejkom, ma nistax ma niftakarx fin-nisa li tant influwenzaw ħajti; nannti u ommi, li kienu l-ewwel nies li aċċettaw l-istedina li jiġu u jaraw dwar xiex tittratta din il-Knisja.1 Hemm ukoll il-maħbuba marti, Harriet, li ħabbejtha mill-ewwel darba li rajtha. Hemm ukoll omm Harriet, li ngħaqdet mal-Knisja ftit żmien wara li żewġha tilef il-battalja tiegħu mal-marda tal-kanċer. Imbagħad hemm oħti, binti, in-neputija tiegħi u t-tifla tan-neputija—dawn l-individwi kollha ħallew influwenza mill-aktar profonda fuqi. Huma verament imlewli ħajti bil-ferħ. Huma ispirawni biex inkun raġel aħjar u mexxej tal-Knisja aktar sensittiv. Kemm kienet tkun differenti ħajti mingħajrhom!

Iżda l-aktar ħaġa li timlini bl-umlità hi li naf li dik l-istess influwenza hija replikata għal miljuni ta’ drabi madwar il-Knisja permezz tal-abbiltajiet, it-talenti, l-intelliġenza u t-testimonjanzi ta’ nisa oħra ta’ fidi bħalkom.

Issa, xi wħud minnkom tafu ma tħossukomx denji li qed infaħħarkom daqshekk. Tafu taħsbu li intom insinifikanti wisq biex ikollkom daqstant influwenza sinifikanti fuq ħaddieħor. Jista’ jkun li intom ma tikkunsidrawx lilkom infuskom bħala “nisa ta’ fidi” għaliex xi kultant intom tħabbtu wiċċkom mad-dubju u mal-biża’.

Illum, nixtieq inkellem lil dawk kollha li xi darba jew oħra ħassewhom hekk—u dan probabbilment jinkludi lilna lkoll, f’xi żmien jew ieħor f’ ħajjitna. Nixtieq nitkellem dwar il-fidi—xi tfisser, x’ nistgħu nwettqu u x’ ma nistgħux inwettqu permezz tagħha, u x’ għandna nagħmlu biex nattivaw il-qawwa tal-fidi f’ ħajjitna.

X’Inhi l-Fidi

Il-fidi hija l-konvinzjoni mill-aktar b’ saħħitha dwar xi ħaġa li nemmnu fiha—konvinzjoni tant b’ saħħitha li twassalna biex nagħmlu ħwejjeġ li kieku ma kienx għall-fidi ma nagħmluhomx. “Il-fidi hija li nkunu ċerti dwar dak li nittamaw għalih u nkunu ċerti minn dak li ma nistgħux naraw.”2

Filwaqt li dan kollu jagħmel is-sens għan-nies li jemmnu, ħafna drabi din hija ħaġa li tħawwad lil dawk li ma jemmnux. Huma jibdew iċaqalqu rashom min-naħa għall-oħra u jgħidu, “Kif jista’ bniedem ikun ċert dwar xi ħaġa li ma jistax jara?” Għalihom, din hija evidenza tal-irrazzjonalità tar-reliġjon.

Dak li huma ma jifhmux hu li barra b’għajnejna hemm modi oħra li bihom nistgħu naraw, li barra b’idejna hemm modi oħra li bihom nistgħu nħossu, li barra b’widnejna hemm modi oħra li bihom nistgħu nisimgħu.

Dan ifakkarni fl-esperjenza ta’ tifla żgħira li kienet miexja flimkien ma’ nannitha. Għal dik it-tifla ċkejka l-għanja tal-għasafar kienet waħda mill-aktar glorjuża, u lil nannitha kienet tiġbdilha l-attenzjoni ma’ kull ħoss li kienet tisma’.

“Smajtu dan?” staqsiet għal bosta drabi t-tifla ż-żgħira. Iżda nannitha kienet nieqsa mis-smiegħ u ma setgħetx tikkonoxxi l-ħsejjes.

Finalment, in-nanna niżlet għarkupptejha u qalet, “Jiddispjaċini, għażiża tiegħi. In-nanna ma tantx tisma’.”

It-tifla ċkejkna ħassitha frustrata u għalhekk qabdet wiċċ nannitha bejn idejha, ħarset b’ attenzjoni f’ għajnejha u qalet, “Nanna, agħmel aktar sforz biex tisma’!”

Kemm dwak li jemmnu kif ukoll dawk li ma jemmnux jistgħu jitgħallmu lezzjoni minn din l-istorja. Sempliċiment għaliex aħna ma nistgħux nisimgħu xi ħaġa ma jfissirx li m’hemm xejn x’ nistgħu nisimgħu. Tnejn min-nies jistgħu jisimgħu l-istess messaġġ jew jaqraw l-istess skrittura, u wieħed iħoss ix-xhieda tal-Ispirtu u l-ieħor le.

Mill-banda l-oħra, fl-isforzi tagħna biex ngħinu lill-maħbubin tagħna jesperjenzaw il-leħen tal-Ispirtu u s-sbuħija vasta, eterna u profonda tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li ngħidulhom “agħmel aktar sforz biex tisma’” jaf ma jkunx l-aħjar mod kif nistgħu ngħinuhom.

Jista’ jkun li parir aħjar—għal dawk kollha li jridu jkabbru l-fidi tagħhom—hu li jisimgħu b’ mod differenti. L-Appostlu Pawlu jħeġġiġna biex infittxu dak il-leħen li jkellem lill-ispirtu tagħna, mhux biss lil widnejna. Huwa għallem, “Il-bniedem mingħajr l-Ispirtu ma jaċċettax il-ħwejjeġ li ġejjin mill-Ispirtu ta’ Alla għax għalih huma kollha bluha: ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”3 Jew forsi rridu nikkunsidraw il-kliem li hemm fil-Prinċep Ċkejken ta’ Saint-Exupéry, li jgħid: “Wieħed jista’ jara ċar biss permezz tal-qalb. Kull ħaġa essenzjali ma tarahiex b’ għajnejk.”4

Il-Qawwa u l-Limiti tal-Fidi

Xi kultant mhux faċli niżviluppaw il-fidi f’ ħwejjeġ spiritwali waqt li nkunu qed ngħixu f’ dinja fiżika. Iżda l-isforz tagħna huwa żgur vallapena għaliex il-qawwa tal-fidi f’ ħajjitna tista’ tkun waħda verament profonda. L-iskrittura tgħallimna li permezz tal-fidi d-dinjiet ġew maħluqin, għaddew it-toroq minn nofs il-baħar, tqajmu l-mejtin u x-xmajjar u l-muntanji spiċċaw iċċaqalqu minn posthom.5

Madankollu xi wħud jafu jistaqsu, “Jekk hemm daqshekk qawwa fil-fidi, għaliex jien ma nistax nirċievi tweġiba għat-talb imqanqal tiegħi? Jiena mhux qed nitlob biex niftaħ xi triq fil-baħar jew biex inċaqlaq xi muntanja. Irrid biss li din il-marda tħallini jew li l-ġenituri tiegħi jaħfru lil xulxin jew li s-sieħeb etern tiegħi jitfaċċa quddiem il-bieb ta’ barra b’ bukkett fjuri f’ id waħda u b’ ċurkett tal-għerusija fl-id l-oħra. Għalfejn il-fidi tiegħi mhux biżżejjed biex iseħħ dan?”

Il-fidi hija xi ħaġa b’ saħħitha, u ħafna drabi twassal biex iseħħu l-mirakli. Iżda ikollna kemm ikollna fidi, hemm żewġ affarijiet li l-fidi ma tistax tagħmel. L-ewwel waħda, hija ma tistax tmur kontra l-għażla ħielsa tal-bniedem.

Waħda mara għamlet snin sħaħ titlob li bintha li kienet qabdet triq żbaljata terġa’ lura fil-merħla ta’ Kristu u ħassitha tiskuraġġixxi ruħha li talbha baqa’ ma nstemax. L-aktar li kien ikun diffiċli għaliha kien meta kienet tisma’ ċerti stejjer dwar ulied oħra li kienu qabdu wkoll triq żbaljata iżda wara kienu nidmu minn għemilhom.

Il-problema ma kenitx in-nuqqas ta’ talb jew ta’ fidi. Hija kellha bżonn tifhem li, diffiċli kemm hu diffiċli għal Missierna tas-Smewwiet, Huwa ma setax jisforza lil ħadd biex jagħżel it-triq tas-sewwa. Alla lanqas biss sforza lill-istess uliedu biex jimxu warajh fid-dinja primortali. Kemm aktar mhux se jisforza lilna waqt li ninsabu mexjin fil-vjaġġ tagħna f’ din il-ħajja mortali?

Alla jistieden, jipperswadi. Alla kontinwament jipprova jilħaq lill-bniedem bl-imħabba, l-ispirazzjoni u l-inkuraġġiment. Iżda Alla qatt ma jisfurzana—dan idgħajjef il-pjan kbir Tiegħu għall-avvanz etern tagħna.

It-tieni ħaġa li l-fidi ma tistax tagħmel hi li tisforza r-rieda tagħna fuq Alla. Aħna ma nistgħux nisfurzaw lil Alla biex jobdi x-xewqat tagħna—naħsbu kemm naħsbu li għandna raġun jew nitolbu kemm nitolbu b’ sinċerità. Ikkunsidraw l-esperjenza ta’ Pawlu, li talab lill-Mulej diversi drabi biex huwa jeħilsu minn sfida personali li kien qed jiffaċċja—dik li huwa sejħilha “xewka f’ġismi.” Iżda din ma kenitx ir-rieda ta’ Alla. Eventwalment, Pawlu rrealizza li l-isfida tiegħu kienet barka, u huwa rringrazzja lil Alla talli ma kienx sema’ talbu bil-mod kif huwa xtaq.6

Fiduċja u Fidi

Le, l-għan tal-fidi mhuwiex biex nibdlu r-rieda ta’ Alla iżda biex nitqawwew sabiex naġixxu skont ir-rieda ta’ Alla. Il-fidi hija fiduċja—fiduċja li Alla jara dak li aħna ma nistgħux naraw u li Huwa jaf dak li aħna ma nafux.7 Xi kultant, mhux biżżejjed li nafdaw biss fil-viżjoni u l-ġudizzju tagħna stess.

Jiena tgħallimt dan bħala pilota tal-ajru meta kelli ntir qalb iċ-ċpar jew qalb is-sħab u kont inkun nista’ nara biss il-ftit piedi li kien ikolli quddiemi. Kien ikolli niddependi fuq l-istrumenti li kienu juruni fejn kont inkun ninsab u fejn kont sejjer. Kien ikolli nisma’ l-leħen tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Kien ikolli nimxi wara l-gwida ta’ xi ħadd li kellu informazzjoni aktar preċiża milli kelli jien. Xi ħadd li jien ma stajx narah iżda tgħallimt nafdah. Xi ħadd li seta’ jara dak li ma stajtx nara jiena. Kelli nafda u naġixxi bl-istess mod biex nasal fid-destinazzjoni tiegħi mingħajr periklu.

Il-fidi tfisser li aħna mhux biss nafdaw fl-għerf ta’ Alla iżda nafdaw ukoll fl-imħabba Tiegħu. Tfisser li nafdaw li Alla jħobbna b’ mod perfett, li kulma jagħmel—kull barka li huwa jagħtina u kull barka li, għal xi żmien, iżomm lura milli jagħtina—hija għall-ferħ etern tagħna.8

B’ fidi bħal din, għalkemm aħna nafu ma nifhmux għaliex ċerti ħwejjeġ iseħħu jew għalfejn ċertu talb ma jiġix imwieġeb, aħna nistgħu nkunu nafu li finalment kollox għad jagħmel sens. “Ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.”9

Kollox għad jirranġa ruħu. Kollox se jkun sew.

Nistgħu naċċertaw ruħna li t-tweġiba li qed infittxu għad tasal, u għandu jkollna l-kunfidenza li aħna mhux biss se nkunu kuntenti fit-tweġiba li nirċievu iżda se nkunu wkoll sorpriżi bil-grazzja, bil-ħniena, bil-ġenerożità kif ukoll bl-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet għalina, uliedu.

Komplu Ħabbtu Fuq il-Bieb

Sakemm jasal dak il-jum, aħna nimxu bil-fidi, għandna kemm għandna fidi,10 fejn infittxu dejjem li nkabbru l-fidi tagħna. Xi kultant din mhux xi ħaġa faċli. Dawk li għandhom nuqqas ta’ paċenzja, li mhumiex daqstant dedikati jew inkella huma traskurati jafu jiskopru li l-fidi hija xi ħaġa diffiċli li jiksbuha. Dawk li faċilment jaqtgħu qalbhom jew jaljenaw ruħhom jafu lanqas biss jesperjenzawha. Il-fidi jesperjenzawha dawk li huma umli, diliġenti u li jibqgħu jippersistu.

Jesperjenzawha dawk li jħallsu l-prezz tal-fedeltà.

Din il-verità narawha fl-esperjenza ta’ żewġ missjunarji żgħażagħ li kienu qed iservu fl-Ewropa, f’ reġjun li ftit kien qed ikun hemm suċċess fin-numru ta’ dawk li kienu qed jitgħammdu bħala membri ġodda. Naħseb li nistgħu nifhmu perfettament għaliex huma setgħu jħossuhom li ma tantx kienu qed jagħmlu daqstant differenza.

Iżda dawn iż-żewġ missjunarji kellhom il-fidi, u kienu dedikati. Huma kellhom l-attitudni li jekk ħadd ma kien lest jisma’ l-messaġġ tagħhom, dan ma kienx żgur għaliex huma ma kinux għamlu l-almu kollu tagħhom.

Darba huma ħassew li kellhom imorru jżuru r-residenti li kien hemm fi blokk ta’ appartamenti li kien miżmum verament tajjeb, għoli erba’ sulari. Huma bdew mill-ewwel sular u ħabbtu fuq kull bieb, fejn ippreżentaw messaġġ ta’ salvazzjoni, il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu u r-Restawrazzjoni tal-Knisja Tiegħu.

Il-bini tal-appartamenti fejn trabbiet Sister Uchtdorf

Fl-ewwel sular ħadd ma ried jismagħhom.

Kemm kien faċli għalihom li jgħidu, “Aħna ppruvajna. Ejjew nieqfu hawn. Ejjew immorru u nippruvaw bini ieħor.”

Iżda dawn iż-żewġ missjunarji kellhom il-fidi u kienu lesti biex jaħdmu, għalhekk huma ħabbtu fuq kull bieb li kien hemm fit-tieni sular.

Għal darb’oħra, ħadd ma ried jismagħhom.

L-istess ġara fit-tielet sular. U l-istess fir-raba’—iżda ġrat xi ħaġa meta huma marru jħabbtu fuq l-aħħar bieb li kien hemm fir-raba’ sular.

Meta nfetaħ dak il-bieb, waħda tfajla tbissmitilhom u qaltilhom biex jistennew sakemm tmur tkellem lil ommha.

Ommha kien għad għandha biss 36 sena, u kienet għadha kif tilfet lil żewġha u ma tantx kellha aptit toqgħod titkellem mal-missjunarji Mormoni. Għalhekk qalet lit-tifla tagħha biex tgħidilhom imorru.

Iżda bintha talbitha bil-ħerqa biex tħallihom jidħlu. Dawn il-ġuvintur kienu verament mill-aħjar, qaltilha. U kienu se jdumu hemm ftit minuti biss.

Għalhekk, kontra qalbha, ommha qablet. Il-missjunarji qasmu magħhom il-messaġġ tagħhom u taw ktieb lil ommha biex taqrah—il-Ktieb ta’ Mormon.

Wara li telqu, ommha ddeċidiet li kienet, tal-anqas, se taqra xi ftit paġni minnu.

Hija spiċċat taqra l-ktieb sħiħ wara ftit jiem biss.

Il-familja ta’ Sister Uchtdorf mal-missjunarji

M’għaddiex żmien wisq minn dak inhar sal-jum li fih din il-familji b’ ġenitur wieħed daħlet fl-ilmijiet tal-magħmudija.

Meta l-membri ta’ din il-familja żgħira attendew il-fergħa lokali tagħhom ġo Frankfurt, il-Ġermanja, wieħed djaknu żagħżugħ mill-ewwel innota s-sbuħija ta’ waħda mill-bniet u qal bejnu u bejn ruħu, “Verament qed jagħmlu xogħol siewi dawn il-missjunarji!”

Dak id-djaknu żagħżugħ kien Dieter Uchtdorf. U dik il-mara ħelwa u żagħżugħa—dik li b’ ħerqa kienet talbet lil ommha biex tilqa’ lill-missjunarji—kienet iġġib l-isem sabiħ ta’ Harriet. Dawk kollha li jiltaqgħu magħha, meta takkumpanjani fil-vjaġġi li jien ikolli, isiru jħobbuha. Hija spiċċat bierket il-ħajja ta’ bosta nies permezz tal-imħabba tagħha lejn l-evanġelju u l-personalità ferriħija tagħha. Hija verament is-sors ta’ ferħ f’ ħajti.

Sister Uchtdorf titkellem fin-Norveġja

Bosta drabi ħassejt qalbi timtela bil-gratitudni għal dawk iż-żewġ missjunarji li ma qatgħux qalbhom wara l-ewwel bieb li huma ħabbtu! Bosta drabi ħassejt ġewwa qalbi apprezzament kbir għall- fidi u l-ħidmatagħhom. Bosta drabi offrejt kliem ta’ ringrazzjament li huma baqgħu jippersistu—sewwasew sar-raba’ sular, sal-aħħar bieb.

Jiftħilkom

Fit-tfittxija tagħna għal fidi kontinwa u biex nikkonnettjaw ruħna ma’ Alla u mal-għanijiet Tiegħu, ejjew niftakru fil-wegħda tal-Mulej: “Ħabbtu u niftħilkom.”11

Tgħid aħna nispiċċaw naqtgħu qalbna wara li nħabbtu fuq l-ewwel jew it-tieni bieb? Sular jew tnejn?

Jew inkella nkomplu nfittxu sakemm inkunu wasalna fir-raba’ sular, fl-aħħar bieb?

Alla “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħerqa,”12 iżda dak il-premju ħafna drabi ma jkunx jinsab l-ewwel bieb. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu nħabbtu. Ħuti, taqtgħux qalbkom. Fittxu lil Alla b’ qalbkom kollha. Eżerċitaw il-fidi. Imxu fis-sewwa.

Inwegħidkom li jekk tagħmlu dan—anke sakemm intom taslu sar-raba’ sular, sal-aħħar bieb—intom tirċievu t-tweġibiet li tkunu qed tfittxu. Intom issibu l-fidi. U xi darba intom timtlew b’ dawl li jikber “u jibqa’ jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.”13

Għeżież ħuti fi Kristu, Alla hu reali.

Huwa jgħix.

Huwa jħobbkom.

Huwa jafkom.

Huwa jifhimkom.

Huwa jaf bit-tkarrib sieket li għandkom f’ qalbkom.

Huwa ma jabbandunakomx.

Huwa ma jħallikomx weħidkom.

Din hija t-testimonjanza u l-barka appostolika tiegħi għalikom ilkoll li intom tħossu f’ qalbkom u f’ moħħkom din il-verità sublimi għalikom infuskom. Għixu bil-fidi, għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti, u “il-Mulej, Alla tagħna, ikattarkom għal elf darba, u jberikkom kif qalilkom!”14

Jiena nħallikom bil-fidi tiegħi, bil-konvinzjoni tiegħi u bix-xhieda ċerta u soda tiegħi li din hija l-ħidma ta’ Alla. Fl-isem sagru tas-Salvatur għażiż tagħna, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Dieter F. Uchtdorf, “The Opportunity to Testify,” Liahona, Nov. 2004, 74; Sister Eternal (2005).

  2. Lhud 11:1, New International Version (1984).

  3. 1 Korintin 2:14, New International Version (2011).

  4. Antoine de Saint-Exupéry, The Little Prince, trad. Richard Howard (2000), 63.

  5. Ara Lhud 11:3, 5, 29, 35; Ether 12:30; Moses 7:13.

  6. Ara 2 Korintin 12:7–10.

  7. Ara Isaija 55:8–9.

  8. Ara 2 Nephi 26:24.

  9. Ara Rumani 8:28.

  10. Ara 2 Korintin 5:7.

  11. Mattew 7:7.

  12. Lhud 11:6, New International Version (1984).

  13. Doctrine and Covenants 50:24.

  14. Dewteronomju 1:11, New International Version (2011).