2025
Il-Pjan ta’ Alla għal Familja Għal Dejjem
Diċembru 2025 Liahona


“Il-Pjan ta’ Alla għal Familja Għal Dejjem,” Liahona, Diċ. 2025.

Messaġġ ta’ Kull Xahar mir-rivista Liahona, Diċembru 2025

Il-Pjan ta’ Alla għal Familja Għal Dejjem

Il-familji li jħaddnu l-pjan ta’ Alla, iħobbu kif ħabb is-Salvatur, u li jonoraw il-patti tagħhom xi darba se jirtu “il-barkiet tal-ħajja eterna u l-milja tal-ferħ.”

ritratt tat-Tempju ta’ São Paulo, il-Brażil

Fi tmiem il-missjoni full-time tiegħi, fraħt mhux ftit meta ġejt iddotat u ssiġillat mal-ġenituri tiegħi fit-Tempju ta’ São Paulo, il-Brażil.

Il-ġenituri tiegħi, Apparecido u Mercedes, ġew minn ambjenti reliġjużi differenti, iżda l-esperjenzi ta’ ħajjithom ħejjewhom biex jaċċettaw l-evanġelju rrestawrat.

Missieri trabba f’familja tajba iżda mhux reliġjuża. Madankollu, bħala żagħżugħ huwa kien interessat fir-reliġjon. Huwa qara l-Bibbja, attenda l-klassijiet tal-Bibbja, u studja l-ħajja ta’ Ġesù Kristu. L-istudji tiegħu wassluh biex ikollu interess kbir kemm fl-evanġelju tas-Salvatur kif ukoll fil-familja, fejn ħallewh b’xewqa li jiżżewweġ lil xi ħadd bl-istess ideat tiegħu.

B’kuntrast għal dan, ommi ġiet minn familja reliġjuża mill-aktar profonda. Huma ħaddnu prinċipji tal-evanġelju, attendew is-servizzi tal-knisja, u b’fedeltà pprattikaw ir-reliġjon tagħhom. Hekk kif ommi baqgħet tikber f’dak l-ambjent, hi saret it-tip ta’ persuna li qatt ma kienet tilfet laqgħa tal-knisja.

U għalhekk, wara li l-ġenituri tiegħi żżewġu u wasalna jien u t-tliet ħuti, huma għamlu l-almu tagħhom biex irabbuna fid-dawl tal-għarfien tagħhom tal-prinċipji tal-evanġelju. Darba waħda z-zija tiegħi, li kienet membru inattiv tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, qalet lil missieri, “Intom għandkom erbat subien, għażiż tiegħi. Jekk verament tridu trabbu familja ċċentrata fuq Kristu u jkollkom lil Alla fil-familja tagħkom, jeħtieġ li tiġu l-knisja tiegħi.”

Missieri sema’ x’qalet, iżda huwa ma ħa l-ebda azzjoni sal-jum li fih il-missjunarji full-time waslu fl-inħawi fejn konna ngħixu aħna, ħabbtu l-bieb tagħna, u bdew jgħallmuna. Hu malajr irrealizza li huma kienu jirrappreżentaw lill-knisja li z-zija tiegħi ħeġġiġtu biex jinvestiga.

Dawl u Verità

Waħda mill-ħwejjeġ li inizjalment interessat lill-ġenituri tiegħi fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu hija l-importanza li l-Knisja tqiegħed fuq il-familja u t-tagħlim li “ħafna mill-ħidma ta’ Alla tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni qed tiġi fis-seħħ permezz tal-familja.” Qabel ma tgħammdu, il-ġenituri tiegħi tant impressjonaw fuħhom b’dak li kienu qed jitgħallmu li huma stiednu lill-ġirien biex jingħaqdu magħhom għal-lezzjonijiet missjunarji.

ritratti tal-ġenituri tal-Presbiteru Soares

Waħda mill-ħwejjeġ li għall-ewwel interessat lill-ġenituri tiegħi fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu hija l-importanza li l-Knisja tqiegħed fuq il-familja.

Hekk kif huma ltaqgħu mal-missjunarji, u komplew jistudjaw l-evanġelju wara l-magħmudija tagħhom, il-ġenituri tiegħi tgħallmu dwar modi kif “iressqu lil uliedhom fid-dawl u l-verità” u kif għandhom spiritwalment “jorganizzaw id-dar tagħhom” (Doctrine and Covenants 93:40, 43).

Huma tgħallmu li “il-familja hija fil-qofol tal-pjan tal-Ħallieq għad-destin etern ta’ wliedu” u li “l-kuntentizza fil-ħajja tal-familja probabbilment tinkiseb meta tkun imsejsa fuq it-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu.”

Iż-żwiġijiet u l-familji li jirnexxu huma stabbiliti u miżmuma fuq il-prinċipji tal-fidi, it-talb, l-indiema, ir-rispett, l-imħabba, il-kompassjoni, ix-xogħol, u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni xierqa.

Huma tgħallmu li l-familji jistgħu jkunu eterni u li “l-istess soċjalità li teżisti fostna hawnhekk se teżisti fostna hemmhekk, hija biss se tkun akkumpanjata mill-glorja eterna” (Doctrine and Covenants 130:2).

U huma tgħallmu li “l-għan aħħari ta’ kull tagħlim, kull attività fil-Knisja hi li l-ġenituri u wliedhom huma kuntenti fid-dar, issiġillati fi żwieġ etern, u marbuta mal-ġenerazzjonijiet tagħhom.”

B’dak l-għarfien, huma xtaqu li jiġu ssiġillati bħala familja għal dejjem.

B’Ħarsa lejn l-Eternità

Wara li l-ġenituri tiegħi tgħammdu, huma bdew jipprattikaw dak li kienu qed jitgħallmu, u hekk imxew mid-dinja sas-saltna tal-evanġelju. Huma ħadmu biex jgħaqqdu l-familja tagħna billi bdew jorganizzaw lejla d-dar u studju tal-iskrittura mal-familja, jattendu b’fedeltà l-laqgħat tal-Knisja, u jagħmlu l-ħidma tal-istorja tal-familja. B’dawk l-isforzi mmirati lejn l-għaqda, huma ttamaw li joħolqu familja ċċentrata fuq il-pjan tas-salvazzjoni b’ħarsa lejn l-eternità.

Fl-1965, is-sena li l-ġenituri tiegħi tgħammdu, l-eqreb tempju ta’ São Paulo, il-Brażil, kien f’Mesa, Arizona, kważi 6,000 mil (9,650 km) ’il bogħod. L-ivjaġġar kien għali wisq għall-familja tagħna, għalhekk il-ġenituri tiegħi kellhom jistennew sad-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ São Paulo, il-Brażil, qabel setgħu jirċievu l-ordinanzi tat-tempju tagħhom u jiġu ssiġillati. Dak iż-żmien, jiena kont qed inservi missjoni ġewwa Rio de Janeiro.

Madwar xahrejn qabel ma temmejt il-missjoni tiegħi fi Frar 1980, il-president tal-missjoni tiegħi tani ċ-ċans li jien u s-sieħeb tiegħi nivvjaġġaw mal-membri tal-wited minn Rio de Janeiro sat-tempju ta’ São Paulo ħalli nkun nista’ niġi ddotat u ssiġillat mal-ġenituri tiegħi. Bħall-ġenituri tiegħi, jiena kont ili nistenna snin sħaħ għall-barkiet imwiegħda tal-ordinanzi u l-patti tat-tempju.

Dik l-esperjenza biddlitli l-viżjoni tiegħi tal-futur u tatni l-ewwel ħarsa tiegħi lejn il-verità tal-kliem riċenti tal-President Russell M. Nelson: “Iż-żmien fit-tempju jgħinkom taħsbu ċelestjali u taqbdu viżjoni ta’ dak li verament intom, min tistgħu ssiru, u t-tip ta’ ħajja li jista’ jkollkom għal dejjem.”

Il-ħin qasir tiegħi fit-tempju f’dik l-okkażjoni influwenza b’mod profond il-kumplament tas-servizz missjunarju tiegħi. B’dik il-viżjoni ġdida, li nixhed dwar it-tempju u l-importanza tal-pjan ta’ Alla għall-familji wkoll kellhom impatt dejjiem fuq ħajti.

Meta jien u marti Rosana żżewiġna sentejn wara l-missjoni tiegħi, aħna ġejna ssiġillati fit-tempju b’viżjoni li nrabbu l-familja eterna tagħna. Biex nagħmlu dan, aħna ħdimna flimkien biex noħolqu tradizzjonijiet tal-familja bħal dawk li l-ġenituri tagħna għallmuna, ilkoll iffokati fuq is-Salvatur, it-tagħlim tiegħu, u t-tagħlim tal-profeti tiegħu ta’ żmienna.

Illum uliedna qed irabbu lil uliedhom bl-istess prinċipji tal-evanġelju ta’ ferħ. Għalina, il-familja hija kollox għaliex aħna nifhmu ċ-ċentralità tal-familja fil-pjan ta’ Alla.

Bħala Awtorità Ġenerali, jiena kelli l-barka li nissiġilla lit-tliet uliedi mal-konjuġi tagħhom fit-tempju. Li nħares f’għajnejhom dak il-mument li huma niżlu għarkupptejhom quddiem l-artal fit-tempju kienet esperjenza mill-isbaħ. Stajt nara li l-posterità tiegħi kienet imbierka bl-istess prinċipji tal-evanġelju li l-ġenituri tiegħi għallmuni u li jien u Rosana għallimniehom Stajt nara dawk il-barkiet ikomplu fil-ġenerazzjonijiet futuri. U ġejt imfakkar dwar min jagħmel dan kollu possibbli.

settijiet varji ta’ xeni tan-Natività fuq l-ixkafef

Tfakkira tal-Milied

Il-familja hija fil-qofol tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla, iżda mingħajr is-Salvatur Ġesù Kristu, dak il-pjan ma jkunx possibbli. L-Espjazzjoni tiegħu u l-ordinanzi u l-patti li nsibu fl-evanġelju tiegħu jagħmlu l-wegħda tal-eżaltazzjoni xi ħaġa possibbli.

Il-President Nelson iddikjara: “L-eżaltazzjoni hija xi ħaġa tal-familja. Hu biss permezz tal-ordinanzi li jsalvawna tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li l-familji jistgħu jiġu eżaltati. L-għan aħħari li għalih nagħmlu l-almu tagħna hu li nsiru ferħanin bħala familja—iddotati, issiġillati, u mħejjija għall-ħajja eterna fil-preżenza ta’ Alla.”

Meta nżur postijiet li qatt ma rajt qabel, nipprova nsib xena żgħira tan-Natività li tfakkar lili u lil Rosana dwar is-Salvatur. Jien qed nibni kollezzjoni.

Waqt li konna qed nikkontemplaw dwar dawk l-xeni umli tan-Natività, jien u marti darba xtarrejna, “X’inhu dak li hu l-aktar importanti f”ħajjitna?” It-tweġiba, bla dubju, hija s-Salvatur, l-evanġelju tiegħu, u l-familja tagħna. Biex niftakru fl-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina u li huwa permezz tas-Salvatur li l-wegħda tal-familji eterni ssir possibbli, qabel il-Milied ftit tas-snin ilu aħna poġġejna n-Nativitajiet kollha tagħna fuq żewġ xkaffaf kbar id-dar—u ħallejniehom hemm minflok ma warrabniehom wara l-festi tal-Milied. Dik it-tradizzjoni tgħinna nżommu l-ispirtu tal-Milied fid-dar tagħna.

Kuljum hekk kif inħarsu lejn dawk ix-xeni tan-Natività, huma bil-ħlewwa jfakkruna fl-irwol ċentrali tas-Salvatur f’ħajjitna. Huma jfakkruna li l-paċi fid-dinja issa (ara Luqa 2:14) u l-ferħ etern fid-dinja li jmiss jiddependu fuq is-Salvatur u fuq kemm aħna nonoraw il-patti li għamilna miegħu. U jfakkruna “li huwa ġie fid-dinja, sewwasew Ġesù, biex jiġi msallab għad-dinja, u jġorr id-dnubiet tad-dinja, u jqaddes lid-dinja, u biex inaddafha minn kull ħażen;

“Li permezz tiegħu lkoll nistgħu nsalvaw, aħna li l-Missier kien poġġa fil-qawwa tiegħu u għamel permezz tiegħu” (Doctrine and Covenants 76:41–42).

L-istess kif tgħallimna dawn il-veritajiet mill-ġenituri tagħna, jien u Rosana ħdimna biex ngħadduhom lil uliedna. Issa wliedna qed jgħallmu dawn l-istess veritajiet lil uliedhom. Iż-żerriegħa miżrugħa f’qalb il-ġenituri tiegħi 60 sena ilu fid-dar żgħira tagħna fil-Brażil ħalliet frott “li hu l-aktar prezzjuż, li huwa ħelu fuq dak kollu li hu ħelu, u li huwa abjad fuq dak kollu li hu abjad, iva, u safi fuq dak kollu li hu safi” (Alma 32:42).

Jiena nixhed li dawk li jħaddnu l-pjan ta’ Alla għall-familji, iħobbu kif ħabb is-Salvatur, u jonoraw il-patti tagħhom għad xi darba jirtu “il-barkiet tal-ħajja eterna u l-milja ta’ ferħ” mal-maħbubin tagħhom u mal-Missier u l-Iben.