2010-2019
Fejn Huma l-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju?
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Fejn Huma l-Imfietaħ u l-Awtorità tas-Saċerdozju?

L-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju jistartjaw il-magna, jiftħu l-kanċelli tas-smewwiet, jiffaċilitaw il-qawwa divina u jipprovdu l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet.

Hekk kif ix-xemx ta’ wara nofsinhar xitwi bdiet tinħeba wara l-għolja mimlija silġ u tant popolari għall-isports tal-iskijing, l-arja ffriżata tal-muntanja bdejna nħossuha tniggeż ħaddejna u mneħirna, bħallikieku bdiet timbottana lejn il-karozzi u l-vannijiet tagħna li kienu jinsabu pparkjati fil-parkeġġ tar-riżort tal-iskijing. Hemmhekk fil-karozzi komdi tagħna, il-hijters ma kinux se jdumu wisq biex jibdew isaħħnu s-swaba kesħin tagħna. Il-ħoss tas-silġ friżat ifaqqa’ ma’ kull pass li nagħmlu beda jikkonferma li l-kesħa verament kienet waħda enormi.

Bħala familja konna gawdejna jum mill-aktar divertenti fuq l-għoljiet bis-silġ, li issa kien ġej fi tmiemu b’ temperatura xxoqq l-għadam. Meta wasalna ħdejn il-karozza, jiena daħħalt idi fil-but tal-ġakketta biex nieħu ċ-ċwievet u wara daħħalthom f’ but ieħor u f’ ieħor. “Fejn huma ċ-ċwievet?” Kulħadd kien jinsab anzjuż jistenna ċ-ċwievet! Il-batterija tal-karozza kienet iċċarġjata, u s-sistema kollha—inkluż il-hijter—kienet lesta biex tibda taħdem, iżda mingħajr iċ-ċwievet, il-bibien magħluqin ma kinux se jħalluna nidħlu ġewwa; mingħajr iċ-ċwievet, il-magna ma kenitx se tagħti l-qawwa lill-karozza.

Dak il-ħin, f’ moħħna kellna biss kif konna stajna nidħlu fil-karozza u nisħnu ftit, iżda ma setax ma jiġix f’ moħħi—anke f’ dak il-ħin—li kien hemm xi lezzjoni li stajna nitgħallmu f’ din is-sitwazzjoni. Mingħajr iċ-ċwievet, dan il-miraklu meraviljuż ta’ inġinerija ma kien xejn ħlief ftit plastik u metall. Avolja l-karozza kellha potenzjal kbir, mingħajr iċ-ċwievet, ma setgħetx twettaq il-funzjoni li għalih kienet intenzjonata.

Aktar ma bdejt nirrifletti fuq din l-esperjenza, aktar din l-analoġija bdiet issir għalija waħda profonda. Nimmeravilja ruħi bl-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu. Inħossni nistagħġeb biż-żjara mis-smewwiet u l-viżjonijiet grandjużi tal-eternità li Alla għoġbu jsawwab fuq Joseph Smith. U b’ mod partikolari, qalbi tinsab mimlija gratitudni tant kbira għar-restawrazzjoni tal-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ tas-saċerdozju. Mingħajr ir-restawrazzjoni, konna nibqgħu msakkrin barra mill-vettura neċessarja li teħodna fil-vjaġġ tagħna lura d-dar għand ġenituri tas-smewwiet li tant iħobbuna. It-twettiq ta’ kull ordinanza tas-salvazzjoni li tipprovdilna l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet tirrikjedi li titwettaq bl-awtorità xierqa permezz taċ-ċwievet jew aħjar l-imfietaħ tas-saċerdozju.

F’ Mejju 1829, Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u Oliver Cowdery, tahom is-Saċerdozju Aroniku u għaddielhom l-imfietaħ marbuta ma’ dan is-saċerdozju. Ftit wara, Pietru, Ġakbu u Ġwanni tawhom l-imfietaħ tas-Saċerdozju Melkisedeku.1

Kważi seba’ snin wara, f’ jum il-Ħadd, ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland, ġimgħa biss wara d-dedikazzjoni tiegħu, “il-Mulej Ġehova deher fil-glorja” lil Joseph u Oliver, ġrajja li ġiet segwita bid-dehra ta’ Mosè, Elijas u Elija, li għaddewlhom “l-imfietaħ u d-dispensazzjonijiet tagħhom.”2 L-awtorità rrestawrata tas-saċerdozju u dawk l-imfietaħ kienu ilhom mitlufin għal sekli sħaħ. Bħalma l-familja tagħna ssakkret barra mill-karozza, minħabba ċ-ċwievet mitlufin tal-karozza, bl-istess mod ulied Missierna tas-Smewwiet issakkru barra milli jirċievu l-ordinanzi tas-salvazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—sakemm ir-restawrazzjoni divina ġiet fis-seħħ permezz ta’ dawn il-messaġġiera mis-smewwiet. Qatt u qatt aktar m’għandna għalfejn nistaqsu, “Fejn huma ċ-ċwievet jew inkella l-imfietaħ?”

Is-Sit tar-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju
Iix-Xmara Susquehanna

Is-sena l-oħra, f’ jum verament sabiħ, jiena mort inżur il-bosk trankwill li hemm fil-grigal ta’ Pennsylvania li fl-iskrittura hu magħruf bħala Harmony, fejn Ġwanni l-Battista deher lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery u rrestawra s-Saċerdozju Aroniku. Jiena waqaft ukoll fuq ix-xatt tax-Xmara Susquehanna fejn Joseph u Oliver, mogħnija bl-awtorità u l-imfietaħ, ġew mgħammdin. Ħdejn din l-istess xmara, Pietru, Ġakbu u Ġwanni dehru u rrestawraw is-Saċerdozju Melkisedeku u l-imfietaħ marbutin miegħu.3

Id-dar ta’ Joseph u Emma Smith
In-naħa ta’ ġewwa taċ-ċentru għall-viżitaturi tas-sit tar-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju
In-naħa ta’ barra taċ-ċentru għall-viżitaturi tas-sit tar-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju

Dawn is-siti, kif ukoll ir-rikostruzzjoni tal-ewwel dar ta’ Joseph u Emma, fejn parti kbira mill-Ktieb ta’ Mormon ġie tradott; id-dar fil-qrib tal-ġenituri ta’ Emma; u ċentru għall-viżitaturi li hu inkorporat f’ dar tal-laqgħat ġdida, flimkien jagħmlu s-Sit tar-Restawrazzjoni tas-Saċerdozju, li ġie ddedikat mill-President Russell M. Nelson f’ Settembru tas-sena l-oħra. Hemmhekk, jien ħassejt il-qawwa u r-realtà tal-ġrajjiet divini li seħħew fuq dik l-art sagra. Dik l-esperjenza wasslitni biex nixtarr, nistudja u nitlob dwar l-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ tas-saċerdozju, li mlietni bix-xewqa li naqsam maż-żgħażagħ tal-Knisja kif l-awtorità tas-saċerdozju u l-imfietaħ irrestawrati jistgħu verament iberkuhom.

L-ewwel, ikun ta’ għajnuna jekk nifhmu sew dawn it-termini. Is-saċerdozju jew l-awtorità tas-saċerdozju ġew imfissrin bħala “il-qawwa u l-awtorità ta’ Alla”4 u “l-qawwa suprema fuq din id-dinja.”5 L-imfietaħ tas-saċerdozju ġew imfissrin biex nifhmuhom aħna wkoll: “L-imfietaħ tas-saċerdozju huma l-awtorità li Alla ta lill-mexxejja tas-saċerdozju biex jidderieġu, jikkontrollaw u jiggvernaw l-użu tas-saċerdozju Tiegħu fid-dinja.”6 L-imfietaħ tas-saċerdozju jikkontrollaw l-eżerċizzju tal-awtorità tas-saċerdozju. L-ordinanzi li jiġu rreġistrati fuq ir-reġistri tal-Knisja jeħtieġu l-imfietaħ u ma jistgħux isiru mingħajr awtorizzazzjoni. Il-Presbiteru Dallin H. Oaks għallem li “ultimament, huwa l-Mulej Ġesù Kristu li jħaddan l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju, liema saċerdozju huwa Tiegħu. Huwa dak li jiddetermina liema mfietaħ jistgħu jiġu ddelegati man-nies mortali u kif jistgħu jintużaw dawn l-imfietaħ.”7

Issa, għalikom iż-żgħażagħ, jiena kkunsidrajt tliet modi kif intom tistgħu “issibu l-imfietaħ,” jew tużaw l-imfietaħ tas-saċerdozju u l-awtorità biex tbierku ħajjitkom u ħajjet l-oħrajn.

L-Ewwel Hu li Tħejju għas-Servizz Missjunarju

Għeżież ħuti, tafu lanqas biss tirrealizzaw dan il-fatt, iżda kienu l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael, irrestawrati minn Mosè, li għamlu l-ħidma missjunarja possibbli fi żmienna. Ikkunsidraw il- forza ta’ missjunarji full-time li bejn wieħed u ieħor jammontaw għal 75,000 jaħdmu fl-għalqa taħt id-direzzjoni ta’ dawn l-imfietaħ. B’ dan l-għarfien f’ moħħkom, ftakru li qatt mhu kmieni wisq biex intom titħejjew għas-servizz missjunarju. Fil-pamflet For the Strength of Youth, naqraw, “Ġuvintur tas-Saċerdozju Aroniku, … aħdmu b’ diliġenza biex tħejju lilkom infuskom biex tirrappreżentaw lill-Mulej bħala missjunarji.”8 Intom it-Tfajliet ukoll tistgħu titħejjew, iżda intom “m’għandkomx l-istess mandat biex isservu”9 It-tħejjija tagħkom, madankollu, kemm jekk isservu bħala missjunarji full-time u kemm jekk le, se tagħtikom benefiċċji għal tul ħajjitkom bħala membri missjunarji.

It-Tieni Mod biex “Issibu l-Imfietaħ” Hu li Tattendu t-Tempju

L-imfietaħ tas-siġill, irrestawrati mill-profeta tat-Testment il-Qadim Elija, jagħmluha possibli li jitwettqu l-ordinanzi fit-tempji mqaddsa. L-ordinanzi mwettqa f’ dawn it-tempji jagħmluha possibbli biex l-individwi u l-familji jerġgħu lura fil-preżenza tal-ġenituri tagħna tas-smewwiet.

Aħna nħeġġu lilkom iż-żgħażagħ biex tirriċerkaw u tfittxu l-ismijiet tal-antenati tagħkom u twettqu l-magħmudijiet bi prokura għalihom fit-tempju. Ninnutaw li dan diġà qed iseħħ f’ numru akbar minn qatt qabel madwar id-dinja! Il-battisterji f’ ħafna tempji jinsabu mimlijin b’ żgħażagħ kemm kmieni filgħodu kif ukoll filgħaxija. Iduru l-imfietaħ li jagħu ċ-ċans li l-familji jingħaqdu flimkien hekk kif l-ordinanzi sagri jitwettqu f’ dawn it-tempji.

Tistgħu taraw ir-relazzjoni bejn l-imfietaħ u l-barkiet tas-saċerdozju? Hekk kif intom tingaġġaw ruħkom f’ din il-ħidma, jien naħseb li intom tintebħu li l-Mulej ikun qiegħed dejjem fid-dettall ta’ dak kollu li tagħmlu. Sa naqsam magħkom esperjenza li turi dan. M’ilux sirt naf dwar omm li regolarment tieħu lil uliedha sat-tempju biex iwettqu l-magħmudijiet bi prokura. F’ jum mill-aktar partikolari, hekk kif il-membri ta’ din il-familja kienu spiċċaw jieħu sehem fil-magħmudijiet u kienu telqin mit-tempju, wieħed raġel daħal fl-erja tal-battisterju b’ lista twila ta’ ismijiet tal-familja tiegħu. Meta rrealizza li ma kien għad baqa’ ħadd fil-battisterju biex jassistih b’ dawn l-ismijiet tal-familja, wieħed ħaddiem fit-tempju waqqaf lill-familja li kienet tielqa minn hemm u staqsa lit-tfal jekk jikkunsidrawx li jerġgħu jidħlu ġewwa u jbiddlu ħwejjiġhom għal darb’oħra biex jassistu f’ dawn il-magħmudijiet. Huma aċċettaw bil-qalb kollha u reġgħu daħlu ġewwa. Hekk kif it-tfal bdew jitgħammdu, ommhom, li kienet qed tisma’, bdiet tagħraf l-ismijiet u f’ daqqa waħda, b’ għaġeb kbir għal dawk kollha preżenti, irrealizzat li l-lista ta’ ismijiet tal-familja ta’ dak ir-raġel kienu wkoll antenati mejtin tal-familja tagħha. Din kienet barka mill-aktar ħelwa għalihom ilkoll.

Ħmistax ilu ġie ddedikat it-Tempju taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Provo bħala l-150 tempju tal-Knisja li qed jopera madwar id-dinja. Innutajna li meta l-President Thomas S. Monson ġie sostnut bħala Appostlu fl-1963, kien hemm 12-il tempju li qed jopera fil-Knisja. It-tempji qegħdin aktar ma jmorru aktar jersqu viċin tagħkom. Madankollu, għal dawk fostkom li toqogħdu f’ postijiet fejn minħabba distanza jew ċirkustanzi ma tistgħux tattendu t-tempju regolarment, għandkom dejjem iżżommu lilkom infuskom denji li tattendu. Tistgħu tagħmlu ħidma importanti ‘l barra mit-tempju hekk kif tirriċerkaw u tissottomettu l-ismijiet tal-familja tagħkom.

Finalment, Numru Tlieta: Ibqgħu Mexjin ’il Quddiem b’ Fidi

Abraham, il-profeta tat-Testment il-Qadim, irċieva barka kbira mill-Mulej fid-dispensazzjoni tiegħu, li kultant nirreferu għaliha bħala l-patt Abrahamiku. Eluf ta’ snin wara, il-barkiet tad-dispensazzjoni tal-evanġelju lil Abraham ġew irrestawrati. Dan seħħ meta l-profeta Elijas deher lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery fit-Tempju ta’ Kirtland.

Permezz ta’ din ir-restawrazzjoni, ilkoll kemm intom għandkom aċċess għall-barkiet kbar imwiegħda lil Abraham. Dawn il-barkiet jistgħu jkunu tagħkom jekk intom tibqgħu fidili u tgħixu b’ mod den. Fil-pamflet For the Strength of Youth, intom ġejtu mogħtijin daqsxejn struzzjonijiet mill-aktar prattiċi dwar kif “tibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fidi.” Se nsemmi fil-qosor parti minn dan il-kunsill: “Biex jgħinkom issiru dak kollu li l-Mulej iridkom issiru, inżlu għarkupptejkom kull filgħodu u filgħaxija titolbu lil Missierkom tas-Smewwiet. … Studjaw l-iskrittura kuljum u applikaw dak li taqraw f’ ħajjitkom. … Agħmlu l-almu tagħkom kuljum biex tkunu ubbidjenti. … F’ kull ċirkustanza, imxu wara t-tagħlim tal-profeti. … Kunu umli u lesti li tisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu.”

Dan il-kunsill hu segwit minn wegħda li twassal għal wegħdiet oħra li tistgħu tiksbu permezz tal-barkiet ta’ Abraham: “Hekk kif tagħmlu dan, il-Mulej jispiċċa biex jagħmel minn ħajjitkom xi ħaġa ferm akbar milli tistgħu tagħmlu intom stess. Huwa jkabbar l-opportunitajiet tagħkom, jespandi l-viżjoni tagħkom u jsaħħaħkom. Huwa jagħtikom l-għajnuna li teħtieġu biex tilqgħu l-isfidi tagħkom. Intom tiksbu testimonjanza aktar b’ saħħitha u ssibu l-veru ferħ hekk kif issiru tafu lil Missierkom tas-Smewwiet u lil Ibnu, Ġesù Kristu, u tħossu l-imħabba tagħhom lejkom.”10

F’ kelma waħda, ħejju għas-servizz missjunarju, attendu t-tempju u ibqgħu mexjin ‘il quddiem fil-fidi.

Konklużjoni

Ejjew nibdew minn fejn bdejna, wieqaf fil-parkeġġ friġidu nistaqsi, “Fejn huma ċ-ċwievet?” Mela biex tkunu tafu, aktar tard filgħaxija jiena b’ mod mirakoluż sibt iċ-ċwievet li kienu waqgħu mill-but tiegħi fuq il-muntanja. Il-Mulej uriena li Huwa ma jħalliniex weqfin fil-kesħa xxoqq l-għadam mingħajr iċ-ċwievet jew l-awtorità li jwassluna lura d-dar għandu mingħajr periklu.

Jekk intom bħali, tafu ssibu lilkom infuskom fil-ħajja ta’ kuljum tistaqsu, “Fejn huma ċ-ċwievet” tal-karozza, tal-uffiċċju, tad-dar jew tal-appartament? Meta jiġri dan, dejjem nispiċċa nitbissem, għax hekk kif inkun qed infittex iċ-ċwievet, nibda nirrifletti dwar l-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrati u dwar il-President Thomas S. Monson, li aħna nsostnu “bħala profeta, bassâr u rivelatur”11 u bħala l-uniku bniedem fid-dinja li jippossedi u huwa awtorizzat li jeżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju. Iva, l-imfietaħ jinsabu b’ mod sigur fil-possessjoni tal-profeti, bassâra u rivelaturi. Huma ġew mogħtijin u ġew delegati u assenjati lil nies oħra skont ir-rieda tal-Mulej taħt id-direzzjoni tal-President tal-Knisja.

Jiena nixhed li l-awtorità u l-imfietaħ tas-saċerdozju jistartjaw il-magna, jiftħu l-kanċelli tas-smewwiet, jiffaċilitaw il-qawwa divina u jipprovdu l-patti li aħna neħtieġu biex immorru lura għand Missierna tas-Smewwiet.

Nitlob li intom, il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li għadkom telgħin, “tibqgħu mexjin ’il quddiem b’ fidi soda fi Kristu,”12 sabiex tifhmu li huwa l-privileġġ sagru tagħkom li taġixxu taħt id-direzzjoni ta’ dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju li jiftħulkom il-bieb tal-barkiet, tad-doni u l-qawwiet tas-smewwiet.

Jiena nagħti xhieda ta’ Alla l-Missier; tas-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu; tal-Ispirtu s-Santu; u tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju f’ dawn l-aħħar jiem, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Joseph Smith—History 1:68–72.

  2. Doctrine and Covenants 110, summarju tas-sezzjoni.

  3. Ara Doctrine and Covenants 128:20.

  4. Handbook 2: Administering the Church (2010), page 8.

  5. Boyd K. Packer, “Priesthood Power in the Home” (laqgħa tat-tmexxija dinjija, Frar. 2012), lds.org/broadcasts; ara wkoll James E. Faust, “Power of the Priesthood,” Ensign, Mejju 1997, 41–43.

  6. Handbook 2, 2.1.1.

  7. Dallin H. Oaks, “The Keys and Authority of the Priesthood,” Liahona, Mejju 2014, 50.

  8. For the Strength of Youth (booklet, 2011), 43.

  9. Thomas S. Monson, “Welcome to Conference,” Liahona, Nov. 2012, 5.

  10. For the Strength of Youth, 42–43.

  11. Ara l-formoli tas-Sosteniment tal-Uffiċjali li jinqraw fil-konferenzi annwali tal-qasam u tal-wited.

  12. 2 Nephi 31:20.