2010-2019
Għalfejn il-Knisja
Ottubru 2015


Għalfejn il-Knisja

Naħseb nagħmlu tajjeb li nieqfu ftit biex nikkunsidraw għalfejn Ġesù Kristu għażel li juża knisja, il-Knisja Tiegħu, biex iwettaq il-ħidma Tiegħu u ta’ Missieru.

Tul ħajti, il-konferenzi ġenerali tal-Knisja kienu għalija dejjem avvenimenti spiritwali mill-aktar eċċitanti, u l-Knisja nnifisha minn dejjem kienet post li fih jien nersaq biex insir naf lill-Mulej. Jien irrealizzajt li hawn min jikkonsidra lilu nnifsu reliġjuż jew spiritwali u madankollu ma jridx li jagħmel parti minn knisja, jew lanqas biss iħoss il-bżonn ta’ din it-tip ta’ istituzzjoni. Għalihom il-ħajja reliġjuża hija purament xi ħaġa personali. Madankollu l-Knisja hija maħluqa minn Dak li fuqu hi bbażata l-ispiritwalità tagħna—Ġesù Kristu. Naħseb nagħmlu tajjeb li nieqfu ftit biex nikkunsidraw għalfejn Ġesù Kristu għażel li juża knisja, il-Knisja Tiegħu, il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, biex iwettaq il-ħidma Tiegħu u ta’ Missieru ”li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”

Jekk nibdew minn żmien Adam, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ġie ppridkat, u l-ordinanzi essenzjali tas-salvazzjoni, bħall-magħmudija, ġew amministrati permezz ta’ ordni tas-saċerdozju bbażata fuq il-familja. Hekk kif is-soċjetajiet bdew jikbru tant u jsiru aktar kumplessi minn sempliċiment familji estiżi, Alla sejjaħ ukoll profeti, messaġġiera u għalliema oħra. Fi żmien Mosè, naqraw dwar struttura aktar formali, li tinkludi fiha l-presbiteri, il-qassisin u l-imħallfin. Fl-istorja tal-Ktieb ta’ Mormon, Alma waqqaf knisja li kien fiha l-qassisin u l-għalliema.

Imbagħad, fil-meridjan taż-żminijiet, Ġesù organizza l-ħidma Tiegħu b’ tali mod li l-evanġelju seta’ jiġi mwaqqaf fl-istess ħin f’ diversi ġnus u fost popli differenti. Dik l-organizzazzjoni, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu, ġiet mwaqqfa fuq ”appostli u profeti, fejn Ġesù Kristu hu l-ġebla tax-xewka.” Din bdiet tinkludi fiha wkoll ċerti uffiċjali oħra, fosthom is-sebgħinijiet, il-presbiteri, l-isqfijiet, il-qassisin, l-għalliema u d-djakni. Bl-istess mod, wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, Ġesù waqqaf il-Knisja fl-Emisfera tal-Punent.

Wara l-apostasija u d-diżintegrazzjoni tal-Knisja li Huwa stess organizza meta kien fid-dinja, il-Mulej reġa’ waqqaf mill-ġdid il-Knisja ta’ Ġesù Kristu permezz tal-Profeta Joseph Smith. L-istess għan baqa’ l-istess kif kien fil-qedem: jiġifieri, li tiġi mxandra l-aħbar it-tajba tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u jiġu amministrati l-ordinanzi tas-salvazzjoni—fi kliem ieħor, li nressqu lin-nies lejn Kristu. U issa, permezz tal-organizzazzjoni ta’ din il-Knisja rrestawrata, il-wegħda tal-fidwa tista’ tintlaħaq anke mill-ispirti tal-mejtin li fil-ħajja mortali tagħhom ma kienu jafu xejn jew kważi xejn dwar il-grazzja tas-Salvatur.

Kif il-Knisja Tiegħu tista’ ġġib fis-seħħ l-għanijiet tal-Mulej? Hija ħaġa importanti li nagħrfu li l-għan aħħari ta’ Alla huwa l-progress tagħna. Ix-xewqa Tiegħu hi li aħna nkomplu niksbu ”grazzja wara grazzja, sakemm nirċievu l-milja sħiħa” ta’ dak kollu li jista’ jagħtina. Dan jeħtieġ minna ferm aktar milli sempliċiment inkunu simpatiċi jew li nħossuna spiritwali. Jeħtieġ li jkollna l-fidi f’ Ġesù Kristu, l-indiema, il-magħmudija tal-ilma u tal-Ispirtu, u li nibqgħu sodi fil-fidi tagħna sat-tmiem. Wieħed ma jistax jikseb il-milja ta’ dan billi jiżola ruħu, u għalhekk raġuni ewlenija għalfejn il-Mulej għandu knisja hi biex joħloq komunità ta’ Qaddisin li jistgħu jsostnu lil xulxin fil-”mogħdija dritta u dejqa li twassal għall-ħajja eterna.”

”U Kristu ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin;

“… Għax-xogħol tal-ħidma tagħhom, għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu:

”Sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; sakemm insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.”

Ġesù Kristu huwa Dak ”li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.” Li ningħaqdu flimkien mal-ġisem ta’ Kristu—il-Knisja—hija ħaġa importanti biex aħna nieħdu fuqna ismu. Aħna mgħallmin li l-membri tal-Knisja tal-qedem ”kienu jiltaqgħu spiss flimkien, biex isumu u jitolbu, u jitkellmu bejniethom dwar il-ġid ta’ ruħhom” ”u biex jisimgħu l-kelma tal-Mulej.” L-istess jiġri fil-Knisja llum. Magħqudin fil-fidi, aħna ngħallmu u nedifikaw lil xulxin u nippruvaw nagħmlu l-almu tagħna biex nissodisfaw il-kriterji kollha ta’ wieħed li hu dixxiplu vera, ”fl-aħjar ta’ żmienu biex hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.” Aħna nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu lil xulxin niksbu ”l-għarfien tal-Iben ta’ Alla,” sa dak il-jum meta ”ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u … jgħidu, Agħraf il-Mulej’, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, jgħid il-Mulej.”

Fil-Knisja aħna mhux biss nitgħallmu duttrina divina; aħna nesperjenzaw ukoll kif għandna napplikawha. Bħala l-ġisem ta’ Kristu, il-membri tal-Knisja jamministraw lil xulxin fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Aħna lkoll nies imperfetti; nafu noffendu lil ħaddieħor u anke noffendu ruħna. Spiss aħna nittestjaw lil xulxin permezz tad-differenzi uniċi fl-imġieba tagħna. Fil-ġisem ta’ Kristu, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-kunċetti u l-kliem eżaltanti u jeħtieġ nesperjenzaw verament il-ħajja hekk kif nitgħallmu ”ngħixu flimkien f’ imħabba.”

Din ir-reliġjon ma tirrigwardax biss lilna nfusna; pjuttost, aħna ġejna msejħin biex inservu. Aħna l-għajnejn, l-idejn, ir-ras, is-saqajn u membri oħra tal-ġisem ta’ Kristu, u anke ”dawk il-membri … li jidhru l-aktar dgħajfa, huma meħtieġa.” Aħna neħtieġu dawn is-sejħiet, u jeħtieġ li nservu.

Wieħed mill-irġiel li hemm fil-qasam tiegħi mhux biss trabba mingħajr is-sapport tal-ġenituri tiegħu iżda bil-ġenituri tiegħu jopponu li huwa jkun attiv fil-Knisja. Darba waħda waqt il-laqgħa sagramentali huwa ddikjara: ”Missieri ma setax jifhem għalfejn xi ħadd kellu bżonn imur fi knisja meta f’ dak il-ħin seta’ jmur jisskijja, iżda jiena verament dejjem ħadt gost immur il-knisja. Fil-Knisja, aħna lkoll inkunu qegħdin fl-istess vjaġġ, u f’ dan il-vjaġġ jiena verament nispira ruħi miż-żgħażagħ sodi tagħna u mit-tfal safjin u b’ dak li nara u nitgħallem minn adulti oħra. Jiena nħossni nissaħħaħ meta nagħmilha magħhom u nħossni nimtela b’ eċċitament minħabba l-ferħ li nikseb meta ngħix l-evanġelju.”

L-oqsma u l-fergħat tal-Knisja joffru kull ġimgħa ġabra ta’ mistrieħ u tiġdid, ħin u post li fih titbiegħed mid-dinja—is-Sabbath. Huwa jum li fih ”insibu l-għaxqa tagħna fil-Mulej,” biex nesperjenzaw il-fejqan spiritwali li niksbu meta nieħdu sehem fis-sagrament, u nirċievu mill-ġdid il-wegħda li l-Ispirtu Tiegħu ikunu magħna.

Waħda mill-akbar barkiet li nkunu parti mill-ġisem ta’ Kristu, għalkemm fil-mument partikolari ma tantx taf tidher li hi xi barka, hi li aħna niċħdu d-dnub u l-ħażen. Ħafna drabi aħna nafu naqgħu fid-dgħjufija li niskużaw u nippruvaw niġġustifikaw id-difetti tagħna u xi kultant aħna sempliċiment ma nkunux nafu fiex nistgħu nitjiebu jew kif nistgħu nagħmlu dan. Mingħajr dawk li jistgħu jikkoreġuna ”kmieni bir-reqqa, meta jħossu li għandhom jagħmlu dan permezz tal-Ispirtu s-Santu,” aħna jaf jonqosna l-kuraġġ li ninbidlu u nimxu wara l-Imgħallem b’ aktar perfezzjoni. L-indiema hija ħaġa individwali, iżda huwa fil-Knisja li aħna niltaqgħu flimkien f’ dik it-triq li taf tkun waħda diffiċli.

F’ din id-diskussjoni dwar il-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu, importanti li nżommu f’ moħħna żewġ affarijiet. L-ewwel, aħna ma nippruvawx nikkonvertu għall-Knisja iżda għal Kristu u l-evanġelju Tiegħu, konverżjoni li ssir għalina aktar faċli permezz tal-Knisja. Il-Ktieb ta Mormon jispjega dan bl-aħjar mod meta jgħidilna li n-nies ”ġew ikkonvertiti fil-Mulej, u ngħaqdu flimkien fil-knisja ta’ Kristu. It-tieni, jeħtieġ niftakru li fil-bidu, il-Knisja kienet il-familja, u anke llum bħala istituzzjonijiet separati, il-familja u l-Knisja jservu u jsaħħu lil xulxin. L-ebda waħda ma tieħu post l-oħra, u ċertament il-Knisja, anke bit-tajjeb kollu tagħha, ma tiħux post il-ġenituri. Ir-raġuni tat-tagħlim tal-evanġelju u l-ordinanzi tas-saċerdozju kif inhuma amministrati fil-Knisja hi sabiex il-familji jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-ħajja eterna.

Hemm raġuni oħra ewlenija għalfejn is-Salvatur jaħdem permezz ta’ knisja, il-Knisja Tiegħu, u din hi biex jikseb ċerti ħwejjeġ neċessarji li ma jistgħux jitwettqu permezz ta’ individwi jew grupp iżgħar. Eżempju ċar ta’ dan huwa l-ħidma kontra l-faqar. Huwa veru li bħala individwi u familji aħna nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi ta’ xulxin, ”namministraw lil xulxin kemm f’ dak li hu temporali kif ukoll spiritwali skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ta’ xulxin.” Iżda flimkien fil-Knisja, l-abbiltà li nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn tirdoppja biex b’hekk nilħqu l-bżonnijiet ta’ ferm aktar nies u ngħinu biex aktar nies isiru kapaċi jfendu għal rashom. Barra minn hekk, il-Knisja, is-Soċjetajiet tal-Għajnuna tagħha u l-kwora tas-saċerdozju tagħha jkollhom il-kapaċità li jipprovdu l-għajnuna għal bosta nies f’ diversi postijiet li jiġu affettwati minn diżastri naturali, gwerer u persekuzzjoni.

Mingħajr il-ħidma tal-Knisja Tiegħu, ma tistax tiġi fis-seħħ il-kummissjoni tas-Salvatur li nxerrdu l-evanġelju madwar id-dinja kollha. Ma jkunx hemm l-imfietaħ appostoliċi, l-istruttura, ir-riżorsi finanzjarji u d-devozzjoni u s-sagrifiċċju ta’ eluf kbar ta’ missjunarji biex titwettaq din il-ħidma. Ftakru, ”dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.”

Il-Knisja tista’ tibni u topera għadd ta’ tempji, djar tal-Mulej, li fihom jiġu amministrati ċerti ordinanzi u patti mill-aktar importanti. Joseph Smith iddikjara li l-għan ta’ Alla biex f’ kull żmien huwa jiġbor il-poplu Tiegħu hu ”biex jibni lil Mulej dar li fiha Huwa jkun jista’ jiżvela lill-poplu Tiegħu l-ordinanzi tad-dar Tiegħu u l-glorji tas-saltna Tiegħu, u jgħallem lill-poplu t-triq tas-salvazzjoni; għaliex hemm ċerti ordinanzi u prinċipji li, meta jiġu mgħallmin u pprattikati, jeħtieġ li jiġu amministrati f’ post jew dar li hi mibnija għal dan il-għan.”

Jekk xi ħadd jemmen li t-toroq kollha jwasslu sas-smewwiet jew li m’hemm xejn li hu meħtieġ minna biex niksbu s-salvazzjoni, dan ix-xi ħadd ma jara l-ebda neċessità li jiġi mxandar l-evanġelju jew li jitwettqu l-ordinanzi u l-patti għall-fidwa tal-ħajjin u l-mejtin. Iżda aħna m’aħniex nitkellmu sempliċiment dwar l-immortalità iżda wkoll dwar il-ħajja eterna, u kemm it-triq tal-evanġelju kif ukoll il-patti tal-evanġelju huma mill-aktar essenzjali biex aħna niksbuha. U s-Salvatur jeħtieġ knisja biex tara li din tkun ħaġa disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla—kemm il-ħajjin kif ukoll il-mejtin.

Ir-raġuni finali li se nsemmi għalfejn il-Mulej waqqaf il-Knisja Tiegħu hi l-aktar waħda unika—il-Knisja hi, wara kollox, is-saltna ta’ Alla fid-dinja.

Hekk kif il-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ġiet imwaqqfa fl-1830, il-Mulej qal lill-Profeta Joseph Smith, ”Għolli qalbek lejn Alla u ifraħ, għaliex lilek ingħatat is-saltna, jew fi kliem ieħor, l-imfietaħ tal-knisja.” Fl-awtorità ta’ dawn l-imfietaħ, l-uffiċjali tas-saċerdozju tal-Knisja jippreservaw il-purità tad-duttrina tas-Salvatur u l-integrità tal-ordinanzi Tiegħu tas-salvazzjoni. Huma jgħinu biex iħejju lil dawk li jixtiequ jirċevuhom, jiġġudikaw il-kwalifika tagħhom u jaraw li dawk li japplikaw ikunu denji u mbagħad jaraw li jwettquhom.

Permezz tal-imfietaħ tas-saltna, il-qaddejja tal-Mulej jistgħu jidentifikaw kemm il-verità kif ukoll il-qerq, u għal darb’oħra b’ awtorità jiddikjaraw, ”Din hi l-kelma tal-Mulej.” Jiddispjaċini li xi wħud ma togħġobhomx l-idea tal-Knisja għaliex huma jridu li jkunu huma stess li jiddefinixxu x’ inhi l-verità għalihom, iżda fir-realtà hija barka mill-aktar divina li nirċievu ”għarfien tal-ħwejjeġ kif verament huma, kif kienu u kif se jkunu” sakemm il-Mulej huwa lest li jiżvelahom. Il-Knisja tissalvagwardja u tippubblika r-rivelazzjonijiet ta’ Alla—l-iskrittura stabbilita.

Meta Danjel interpreta l-ħolma ta’ Nabukodonosor, Sultan tal-Babilonja, fejn għarraf lis-sultan ”x’sejjer jiġri fl-aħħar jiem,” huwa ddikjara li ”Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqa’ wieqfa għal dejjem.” Il-Knisja hija dik is-saltna tal-aħħar jiem imbassra fil-profezija, li mhux maħluqa mill-bniedem iżda mwaqqfa minn Alla tas-Smewwiet u li qed titgerbeb bħal dik il-blata ”li nqatgħet mill-muntanja mingħajr idejn” biex timla lid-dinja.

Id-destin tagħha hu li twaqqaf Sijon bi tħejjija għall-miġja u s-saltna millenjali ta’ Ġesù Kristu. Qabel dak il-jum, hi mhux se tkun saltna fis-sens politiku—kif qal is-Salvatur, ”Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja.” Pjuttost, hija sors tal-awtorità Tiegħu fid-dinja, l-amministrazzjoni tal-patti mqaddsa Tiegħu, il-kustodju tat-tempji Tiegħu, il-protettur u dik li tiddikjara l-verità Tiegħu, il-post li fih jinġabru ulied Israel li jinsabu mferrxin ma’ kullimkien, u ”difiża, u refuġju mill-maltemp, u mill-korla kbira li se tolqot in-naħat kollha tad-dinja.”

Se nagħlaq bit-talba mqanqla tal-Profeta:

”Itolbu lill-Mulej, sabiex is-saltna tiegħu tkompli tinfirex madwar id-dinja, ħalli l-abitanti tagħha jirċevuha, u jkunu mħejjija għaż-żmien li ġej, fejn Bin il-Bniedem għandu jinżel mis-smewwiet, imlibbes bid-dija tal-glorja tiegħu, biex jiltaqa’ mas-saltna ta’ Alla li hija mwaqqfa fid-dinja.

”Għalhekk, jalla s-saltna ta’ Alla tibqa’ tinfirex, ħalli saltna tas-smewwiet tasal fostna, sabiex inti, O Alla, tkun igglorifikat kemm fis-sema kif ukoll fl-art, sabiex l-għedewwa tiegħek jiġu mrażżnin; għaliex tiegħek l- l-unur, il-qawwa u l-glorja, għal dejjem ta’ dejjem.”

F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Moses 1:39.

  2. ”L-evanġelju beda jiġi mxandar, mill-bidu nett, billi beda jiġi ddikjarat permezz tal-anġli mqaddsa mibgħuta mill-preżenza ta’ Alla, u permezz tal-istess vuċi tiegħu u permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu.

    ”U għalhekk kull ħaġa ġiet ikkonfermata lil Adam permezz ta’ ordinanza qaddisa” (Moses 5:58–59; ara wkoll Moses 6:22–23).

  3. Efesin 02:20.

  4. ”Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ġiet organizzata minn Alla biex tgħinu fil-ħidma Tiegħu li jġib fis-seħħ is-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ wliedu. …

    ”Biex twettaq l-għan tagħha li tgħin individwi u familji jikkwalifikaw għall-eżaltazzjoni, il-Knisja tiffoka fuq responsabbiltajiet maħtura b’mod divin. Dawn jinkludu li tgħin lill-membri jgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-ġabra ta’ Iżrael permezz tal-ħidma missjunarja, li tieħu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn, u li tagħmel possibbli s-salvazzjoni tal-mejtin billi tibni t-tempji u twettaq ordinanzi f’isimhom.” (Handbook 2: Administering the Church [2010], 2.2).

  5. Doctrine and Covenants 93:13.

  6. Ara 2 Nephi 31:17–20.

  7. 2 Nephi 31:18.

  8. Efesin 4:11–13.

  9. Moroni 6:4.

  10. Ara 3 Nephi 27:5–7.

  11. Moroni 6:5.

  12. 4 Nephi 1:12.

  13. Efesin 04:13.

  14. Ġeremija 31:34; ara wkoll Lhud 8:11.

  15. Doctrine and Covenants 42:45.

  16. 1 Korintin 12:22. Pawlu ddikjara: ”Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. … Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.” (1 Korintin 12:20, 26; ara wkoll Mosiah 18:9).

  17. Isaija 58:14.

  18. Ara Doctrine and Covenants 20:77, 79; 59:9–12.

  19. Doctrine and Covenants 121:43.

  20. Ara 3 Nephi 18:21–23, 30–32.

  21. Ara Donald L. Hallstrom, “Converted to His Gospel through His Church,” Liahona, Mejju 2012, 13–15.

  22. 3 Nephi 28:23; enfażi miżjuda.

  23. Mosiah 18:29.

  24. Bħala eżempju nistgħu nsemmu dak li nsejħulu ”l-maħżen tal-Mulej”: ”Il-maħżen tal-Mulej mhux limitat biss għal bini li jintuża biex jitqassmu l-ikel u l-ħwejjeġ lill-foqra. Jinkludi fih ukoll l-offerta tal-membri tal-Knisja, offerta ta’ ħin, talenti, kompassjoni, materjal u flus li huma għad-dispożizzjoni tal-isqof biex jgħin lill-foqra u lil dawk fil-bżonn. Il-maħżen tal-Mulej, mela, jeżisti f’ kull qasam” (Handbook 2, 6.1.3).

  25. Ara Mattew 28:19–20; Doctrine and Covenants 112:28–29.

  26. Joseph Smith—Matthew 1:31.

  27. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 416.

  28. Doctrine and Covenants 42:69; ara wkoll Doctrine and Covenants 90:3.

  29. Ara Artikli tal-Fidi 1:5.

  30. Doctrine and Covenants 93:24.

  31. Danjel 2:28.

  32. Danjel 2:44.

  33. Danjel 2:45; ara wkoll vers 35.

  34. Ġwanni 18:36; enfażi miżjuda.

  35. Doctrine and Covenants 115:6.

  36. Doctrine and Covenants 65:5–6.