2010-2019
”Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”
Ottubru 2015


”Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”

Il-kmandamenti ta’ Alla huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina, u l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Meta t-tifla l-kbira tagħna, Jen, kienet reġgħet lura d-dar għall-ewwel darba bit-tielet tarbija tagħha mill-isptar, jiena mort id-dar tagħha biex ngħinha. Wara li wassalna lit-tifla l-kbira tagħha l-iskola, aħna ddeċidejna li l-aktar ħaġa li Jen kellha bżonn kienet li tistrieħ. Għalhekk ħassejt li l-aħjar mod kif stajt ngħinha kien li nieħu lil bintha Chloe d-dar magħna biex ommha u l-bejbi sitter il-ġdida jkunu jistgħu joqogħdu ftit għall-kwiet.

Jiena rbatt lil Chloe fis-sit tagħha tal-karozza, ilbist iċ-ċinturin tas-sigurtà u bdejt insuq lil hinn mid-dar tagħhom. Madankollu, qabel ma lħaqna wasalna f’ tarf it-triq, Chloe fetħet iċ-ċinturin tas-sigurtà tagħha u qamet bilwieqfa fejn bdiet tittawwal minn wara spallejja u titkellem miegħi! Jiena tfajt il-karozza mal-ġenb tat-triq, ħriġt minnha u erġajt irbattha lura fis-sit tagħha.

Erġajna tlaqna iżda ma domtx wisq insuq li ma reġgħetx ħarġet mis-sit tagħha. Jiena rrepetejt dak li kont għamilt qabel, iżda din id-darba, qabel ma erġajt dħalt lura fil-karozza u lbist iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħi, Chloe kienet diġà qamet bilwieqfa!

Spiċċajt bilqiegħda fil-karozza, ipparkjata fil-ġenb tat-triq, nissara ma’ tifla ta’ tliet snin. U hi kienet qed tirbaħli!

Ippruvajt kull ħaġa li ġiet f’ moħħi biex nipprova nikkonvinċiha li hi idea tajba li hi tibqa’ marbuta fis-sit tagħha tal-karozza. Hija xorta baqgħet mhux konvinta! Finalment jiena ddeċidejt li nikkonvinċiha billi ngħidilha li jien kont se nippremjaha jekk hija tobdi.

Jiena għedtilha, ”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad hekk kif naslu d-dar tan-Nanna noqogħdu nilagħbu bl-għaġina.”

L-ebda tweġiba.

”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad noqogħdu nagħmlu l-ħobż hekk kif naslu fid-dar tan-Nanna.”

L-ebda tweġiba.

Erġajt ippruvajt. ”Chloe, jekk inti tibqa’ fis-sit tiegħek, imbagħad nieqaf nixtrilek xi ħaġa!”

Wara li pprovajt għal tliet darbiet, indunajt li dak li kont qed nagħmel kien kollu ta’ xejn. Hija kienet determinata għall-aħħar, u għalxejn bdejt ngħidilha kif kont se nippremjaha biex forsi nikkonvinċiha tibqa’ marbuta fis-sit tagħha.

Ma stajniex nibqgħu ġurnata sħiħa fil-ġenb tat-triq, iżda jien ridt li nobdi l-liġi u barra minn hekk kien ta’ periklu jekk Chloe tqum bilwieqfa waqt li jiena nkun qed insuq. Jiena għedt talba ċkejkna u smajt l-Ispirtu jgħidli, ”Għallimha.”

Dort wiċċni lejha u ġbidt iċ-ċinturin tas-sigurtà minn miegħi biex tkun tista’ tarah fuqi. Jiena għedtilha, ”Chloe, jiena qed nilbes dan iċ-ċinturin tas-sigurtà għaliex jipproteġini. Iżda inti mhux qed tilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħek u mhux se tkun protetta. U jiena nitnikket ħafna jekk inti tweġġa’.”

Hija ħarset lejja; kważi stajt nara moħħha jdur hekk kif bdejt nistenna t-tweġiba tagħha. Finalment, feġġ id dawl fl-għajnejn koħol u kbar tagħha u hija qalet, ”Nanna, inti tridni nilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà tiegħi għax tħobbni!”

L-Ispirtu mela l-karozza hekk kif jiena esprimejt l-imħabba tiegħi għal din it-tifla ċkejkna. Ma xtaqtx li dak is-sentiment iħallini, iżda kont naf li issa kelli l-opportunità li noħroġ mill-karozza u naqfilha sewwa fis-sit tagħha. Imbagħad staqsejtha, ”Chloe, jekk jogħġbok tista’ tibqa’ fis-sit tiegħek?” U hekk għamlet—it-triq kollha sas-suq fejn waqaft biex nixtrilha xi ħaġa biex nippremjaha! U hija baqgħet fis-sit it-triq kollha mis-suq sad-dar, fejn għamilna flimkien il-ħobż u qgħadna nilagħbu bl-għaġina għaliex Chloe qatt ma tinsa!

Hekk kif dak inhar erġajt lura fit-triq insuq il-karozza, feġġet skrittura f’ moħħi: ”Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” Aħna għandna regoli biex permezz tagħhom ngħallmu, niggwidaw u nipproteġu lil uliedna. Għalfejn? Minħabba l-imħabba kbira li għandna għalihom. Iżda meta Chloe kienet għadha ma fehmitx li x-xewqa li jien kelli, li hija tibqa’ marbuta tajjeb fis-sit tagħha tal-karozza, kienet minħabba l-imħabba li jien kelli għaliha, hija ma kenitx lesta li tissottometti ruħha għal xi ħaġa li hija kienet qed tikkunsidraha bħala restrizzjoni. Hija ħasset li ċ-ċinturin tas-sigurtà kien qed jillimita l-libertà tagħha.

Bħal Chloe, aħna nistgħu nagħżlu li nħarsu lejn il-kmandamenti bħala limitazzjonijiet. Xi kultant nafu nħossu li l-liġijiet ta’ Alla jirristrinġu l-ħelsien personali tagħna, iċaħħduna mill-għażla ħielsa tagħna u jillimitawna milli navvanzaw. Iżda hekk kif infittxu li niksbu akbar għarfien, hekk kif nagħtu ċan li Missierna jgħallimna, aħna nibdew naraw li l-liġijiet Tiegħu huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina u l-ubbidjenza tagħna lejn il-liġijiet Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Jekk issibu lilkom infuskom ipparkjati mal-ġenb tat-triq, ippermettuli nissuġġerixxi ftit prinċipji li, jekk nimxu magħhom, jgħinuna nerġgħu lura mingħajr periklu ”fit-triq tal-fidi u l-ubbidjenza”?

L-ewwel, afdaw f’ Alla. Afdaw fil-pjan etern Tiegħu għalikom. Ilkoll kemm aħna aħna ”iben jew bint spirtu ta’ ġenituri tas-smewwiet.” L-imħabba tagħhom għalina tidher ċara permezz tal-kmandamenti. Il-kmandamenti huma struzzjonijiet mill-aktar importanti sabiex jgħallmuna, jiggwidawna u jipproteġuna hekk kif aħna ”niksbu l-esperjenza fid-dinja.”

Fir-”renju primortali” aħna wżajna l-għażla ħielsa tagħna biex naċċettaw il-pjan ta’ Alla, u aħna tgħallimna li huwa importanti ħafna li nobdu l-liġijiet eterni ta’ Alla biex nirnexxu fil-pjan Tiegħu. L-iskrittura tgħallem, ”Hemm liġi, ordnata b’ digriet irrevokabbli fis-smewwiet, qabel ma ġiet maħluqa d-dinja, li fuqha tiddependi kull barka.” Jekk aħna nobdu l-liġi, aħna nirċievu l-barkiet.

Anke bl-iżbalji kollha, bl-oppożizzjoni kollha u t-tagħlim kollu li jakkumpanja l-esperjenza mortali tagħna, Alla qatt ma jinsa x’inhu l-potenzjal etern tagħna, anke meta aħna ninsew. Aħna nistgħu nafdaw fih ”għaliex Alla jrid lil uliedu lura.” U Huwa pprovdielna triq permezz tal-Att tal- Fidwa ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa ”huwa l-qofol tal-pjan tas-salvazzjoni.”

It-tieni, afdaw f’ Ġesù. L-ogħla espressjoni ta’ ubbidjenza u mħabba hija l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Huwa ta ħajtu għalina meta ssottometta lilu nnifsu għar-rieda tal-Missier. Huwa qal, ”Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti; kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”

Ġesù għallem ukoll:

”Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha, u b’ moħħok kollu.

”Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

”U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”

Kull nhar ta Ħadd aħna għandna l-opportunità li nixtarru u niftakru fl-imħabba pura tas-Salvatur tagħna hekk kif nieħdu mill-emblemi tal-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu. Matul is-sagrament, jiena nosserva l-idejn u d-dirgħajn jestednu biex iqassmu l-ħobż u l-ilma. Hekk kif jiena nestendi driegħi biex niekol u nixrob mis-sagrament, jiena nkunu qed nagħmel patt li lesta li nieħu fuqi ismu, li dejjem niftakar fih u nżomm il-kmandamenti Tiegħu. U Huwa jwegħidna ”li jkollna l-Ispirtu Tiegħu dejjem magħna.”

It-tielet, afdaw fil-vuċi siekta tal-Ispirtu. Tiftakru li fl-esperjenza li jiena kelli ma’ Chloe l-Ispirtu tennieli skrittura partikolari? Tinsab fi Ġwanni 14:15: ”Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” U mbagħad isewgu dawn il-versi:

”U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Farraġ ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem;

”L-Ispirtu tal-verità; li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.”

Kull membru den u kkonfermat tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandu d-dritt li jkollu miegħu il-kumpanija tal-Ispirtu s-Santu. Is-sawm, it-talb, l-istudju tal-iskrittura u l-ubbidjenza jsaħħu ferm l-abbiltà tagħna li nisimgħu u nħossu s-suġġerimenti tal-Ispirtu.

Meta moħħkom jimtela bid-dubju u l-konfużjoni, il-Missier u l-Iben jibagħtu l-Ispirtu s-Santu biex iwiddibkom u jiggwidakom b’ sigurtà qalb il-periklu ta’ dan il-vjaġġ mortali. Huwa jgħinkom tiftakru, ifarraġkom u jimliekom ”b’ tama u mħabba perfetta.”

Ir-rabà, afdaw fil-kunsill tal-profeti ħajjin. Missierna pprovda mod kif aħna nistgħu nisimgħu l-kelma Tiegħu u nsiru nafu l-liġi Tiegħu permezz tal-profeti Tiegħu. Il-Mulej iddikjara, ”Kliemi kollu … se jiġi fis-seħħ, kemm jekk permezz ta’ leħni, kemm ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”

Riċentiment, profeti ħajjin tawna kunsill sabiex ”niftakru f’ jum is-sabbath u nqaddsuh,” u li ngħixu l-liġi tas-sawm. L-ubbidjenza lejn il-kunsill profetiku tipprovdilna mod li jgħinna nobdu l-kmandament ta’ Alla li nħobbu lilu u lil għajrna hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu u nestendu idejna sabiex inħobbu u nieħdu ħsieb lil oħrajn.

Aħna nibqgħu ’l bogħod mill-periklu jekk nimxu wara l-kelma tal-Mulej permezz tal-profeti Tiegħu. Alla sejjaħ lill-President Thomas S. Monson, lill-kunsilliera fl-Ewwel Presidenza u lill-membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu bħala profeti, bassâra u rivelaturi. F’ din id-dinja fejn il-biża’, id-distrazzjoni, l-avversità u r-rabja dejjem qed jiżdiedu, aħna għandna nħarsu lejhom biex naraw kif id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu—mimlijin bil-karità—jidhru, jinstemgħu u jirreaġixxu għal ċerti ħwejjeġ li jafu jkunu diviżivi. Huma jixhdu dwar Ġesù Kristu u jwieġbu permezz tal-karità, l-imħabba pura ta’ Ġesù Kristu, li tiegħu huma xhieda.

Wara l-esperjenza tiegħi ma’ Chloe, jiena mort infittex versi fl-iskrittura li jsemmu fihom il-kmandamenti u l-imħabba. Sibt ħafna. Kull wieħed minn dawn il-versi jfakkarna li l-kmandamenti Tiegħu huma manifestazzjoni tal-imħabba Tiegħu għalina, u l-ubbidjenza tagħna lejn il-kmandamenti Tiegħu hija espressjoni tal-imħabba tagħna lejh.

Jiena nixhed li hekk kif aħna nafdaw f’ Alla, il-Missier Etern tagħna; nafdaw f’ Ibnu, Ġesù Kristu u neżerċitaw il-fidi tagħna fl-Att tal-Fidwa Tiegħu; nafdaw fil-leħen sieket tal-Ispirtu; u nafdaw fil-kunsill tal-profeti ħajjin, aħna nsibu mod kif ma nibqgħux fil-ġenb tat-triq u nkomplu għaddejjin mingħajr periklu—mhux biss nissieltu sal-aħħar iżda ngħixu l-vjaġġ tagħna lejn id-dar b’ ferħ. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġwanni 14:15.

  2. Neil L. Andersen, “You Know Enough,” Liahona, Nov. 2008, 14.

  3. “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Nov. 2010, 129.

  4. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.”

  5. Doctrine and Covenants 130:20.

  6. Russell M. Nelson, in R. Scott Lloyd, “God Wants His Children to Return to Him, Elder Nelson Teaches,” Church News section of LDS.org, 28 ta’ Jan, 2014.

  7. Russell M. Nelson, “Prepare for the Blessings of the Temple,” Liahona, Ott. 2010, 49.

  8. Ġwanni 15:10.

  9. Mattew 22:37–39.

  10. Ara Doctrine and Covenants 20:77, 79.

  11. Ġwanni 14:16–17.

  12. Moroni 8:26.

  13. Doctrine and Covenants 1:38.

  14. Esodu 20:8.

  15. Ara Handbook 2: Administering the Church (2010), 6.1.2.