ġenituri
6. Ħobb lil Alla, ħobb lil għajrek


is-Samaritan it-tajjeb

6.

Ħobb lil Alla, ħobb lil għajrek

Mattew 22:37–40

Biex jgħinkom tagħmlu għażliet tajbin, Alla jagħti l-kmandamenti. Huwa jagħmel dan għaliex iħobbkom. U l-aqwa raġuni biex tobdu l-kmandamenti ta’ Alla hi għaliex intom tħobbuh. L-imħabba hija fil-qalba tal-kmandamenti ta’ Alla.

Veritjiet Eterni

Alla jħobbokom. Huwa missierkom. L-imħabba perfetta tiegħu tista’ tispirakom biex tħobbuh. Meta l-imħabba tagħkom lejn Missierna fis-Smewwiet hija l-aktar influwenza importanti f’ħajjitkom, ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli.

L-akbar żewġ kmandamenti huma li tħobb lil Alla u tħobb lil għajrek. U min hu l-ġar tagħkom? Kulħadd! Kull ħaġa oħra mgħallma fl-iskrittura u mill-profeti hija konnessa ma’ dawn iż-żewġ kmandamenti.

In-nies kollha huma ħutkom—inkluż, bla dubju, nies differenti minnkom jew li ma jaqblux magħkom. Missierna fis-Smewwiet irid li wliedu jħobbu lil xulxin. Meta intom taqdu lil uliedu, intom tkunu qed isservuh.

Stediniet

Uru l-imħabba lejn Alla billi żżommu l-kmandamenti tiegħu. Per eżempju, billi tqaddsu jum il-Mulej, inkluż li tħejju b’fedeltà għas-sagrament u tieħdu sehem fis-sagrament, intom turu lil Alla li lesti li tiddedikaw jum fil-ġimgħa għalih. Hekk kif intom issumu u tħallsu d-dieċmi u l-offerti, intom turu lil Alla li l-ħidma tiegħu hija aktar importanti għalikom minn ħwejjeġ materjali. Meta tużaw l-ismijiet ta’ Alla u ta’ Kristu b’qima, u qatt b’xi mod vag jew każwali, intom tkunu qed turu li intom grati għal dak kollu li huma għamlu magħkom.

Ittrattaw lii kulħadd bħala bin jew bint Alla. Bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, intom tistgħu tagħtu eżempju mill-aqwa bil-mod kif titrattaw lin-nies ta kull razza, reliġjon, u kull grupp ieħor b’imħabba u rispett—speċjalment dawk li xi kultant huma vittmi ta’ kliem u għemejjel li jweġġgħu. Ilħqu lil dawk li jafu jħossuhom waħedhom, iżolati, jew bla għajnuna. Għinuhom iħossu l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet permezz tagħkom. Aqsmu magħhom il-barkiet li Huwa takom, u stednuhom biex jimxu wara Ġesù Kristu.

Ara li lsienkom jirrifletti l-imħabba tagħkom lejn Alla u lejn ħaddieħor—kemm jekk qed tikkomunikaw wiċċ imbwiċċ, kemm jekk virtwalment. Għidu ħwejjeġ li jelevaw lil dak li jkun—u xejn li jista’ jifred, iweġġa’, jew joffendi, lanqas bħala ċajta. Kliemkom jista’ jkun mill-aktar b’saħħtu. Ħalluh ikun qawwi għat-tajjeb.

Uru l-imħabba lejn il-familja tagħkom. Li nħobbu lill-ulied kollha ta’ Alla jibda mid-dar. Agħmlu l-parti tagħkom biex tagħmlu darkom post fejn kulħadd jista’ jħoss l-imħabba tas-Salvatur.

Ġesù Kristu (fil-pixxina ta’ Betzada) jgħolli kutra li taħtha jinsab raġel zopp

Barkiet Imwiegħda

Ir-relazzjoni tagħkom ma’ Alla se tidħol fil-fond hekk kif intom tesprimu l-imħabba tagħkom billi tobdu l-kmandamenti tiegħu u żżommu l-patti tagħkom miegħu.

Ir-relazzjoni tagħkom ma’ ħaddieħor se tidħol iktar fil-fond hekk kif tesprimu l-imħabba tagħkom permezz ta’ servizz Kristjan. Intom issibu l-ferħ meta tagħmlu lid-dinja post aktar kollu mħabba.

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Kif nista’ nħoss l-imħabba ta’ Alla? L-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet hija dejjem disponibbli. Tkellmu miegħu ta’ spiss permezz tat-talb. Aqsmu s-sentimenti tagħkom miegħu, u oqogħdu attenti għas-suġġerimenti mingħandu. Aqraw kliemu fl-iskrittura. Aħsbu dwar dak kollu li għamel għalikom. Qattgħu ħin f’postijiet u attivitajiet fejn l-Ispirtu tiegħu huwa preżenti.

Il-Mulej jistenna minni li jien inħobb lil kulħadd, anke lil dawk li jittrattawni ħażin? Il-Mulej jistenna li intom tħobbu lill-għedewwa tagħkom u titolbu għal dawk li jittrattawkom ħażin. Madankollu, dan ma jfissirx li intom għandkom tibqgħu f’sitwazzjoni li tikkawżalkom ħsara emozzjonali, fiżika, jew spiritwali. Fasslu konfini sani biex iżżommu lilkom infuskom ’il bogħod mill-periklu. Jekk qed issofru minn bullying jew abbuż, jew tafu li dan qed jiġri lil xi ħadd ieħor, tkellma ma’ xi adult affidabbli.

Meta u kif għandi nsir naf lill-membri tas-sess oppost? L-aqwa mod kif nistgħu nsiru nafu lil ħaddieħor hu permezz ta’ ħbiberija ġenwina. Waqt li tkunu għadkom żgħar, ibnu ħbiberija tajba ma’ bosta nies. F’xi kulturi, iż-żgħażagħ isiru jafu lill-membri tas-sess oppost permezz ta’ attivitajiet organizzati minn xi grupp serju. Għall-iżvilupp u s-sigurtà emozzjonali u spiritwali tagħkom, ipposponu l-attivitajiet ma’ persuna waħda sakemm tkunu maturi—l-età ta’ 16-il sena hija età adegwata għal dan. Iddiskutu mal-familja u l-mexxejja tagħkom. Ħallu relazzjonijiet esklussivi għal meta tkunu akbar. Qattgħu ħin ma’ dawk li jgħinukom iżżommu l-impenn tagħkom lejn Ġesù Kristu.

X’nista’ nagħmel jekk dari mhijiex post ta’ mħabba? Is-Salvatur tagħkom jaf is-sitwazzjoni tagħkom, u Huwa jħobbkom. Kunu paċenzjużi, komplu żommu l-kmandamenti ta’ Alla, u kunu ta’ eżempju tajjeb għall-familja tagħkom. L-għemejjel sempliċi ta’ mħabba tagħkom jistgħu jagħmlu differenza kbira. Intom tistgħu tibnu wkoll relazzjonijiet fi ħdan il-familja tagħkom tal-qasam. Tħejjew issa biex tibnu l-familja tagħkom imsejsa fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Ftakru: Ġesù Kristu huwa l-qawwa tagħkom!

Ara Isaija 58:3–11 (skopijiet ta’ sawm); 58:13–14 (barkiet li nonoraw Jum il-Mulej); Malakija 3:8–10 (barkiet ta’ ħlas tad-dieċmi); Luqa 6:27–28 (ħobbu lill-għedewwa tagħkom); 10:25–37 (min hu għajri?); Ġwanni 3:16–17 (Alla ħabbna, għalhekk bagħat lil Ibnu); 14:15 (nżommu l-kmandamenti għaliex inħobbu lil Alla); 1 Ġwanni 4:19 (aħna nħobbu lil Alla għaliex iħobbna); Mosija 2:17 (meta naqdu lil ħaddieħor, aħna nservu lil Alla).

Mistoqsijiet ta’ Rakkomandazzjoni tat-Tempju

  • Timxi inti wara t-tagħlim tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu fl-imġiba kemm privata kif ukoll pubblika tiegħek mal-membri tal-familja tiegħek u ma’ ħaddieħor?

  • Inti tħallas dieċmi sħiħa?