“Il-Bxajjar ta’ Ferħ ta’ Mħabba u Hena,” Liahona, Jannar 2025.
Messaġġ ta’ Kull Xahar Liahona, Jannar 2025
Il-Bxajjar ta’ Ferħ ta’ Mħabba u Hena
Il-barkiet tar-Restawrazzjoni għandhom iferrħu qlubna u jimlewna bi gratitudni għall-imħabba kbira ta’ Alla.
Il-messaġġ tagħna ta’ tama u paċi lil kulħadd hu li Ġesù Kristu jgħix u rrestawra l-evanġelju u l-Knisja tiegħu f’dawn l-aħħar żminijiet.
“Kemm huma glorjużi b’mod indeskrivibbli dawn il-ħwejjeġ għall-umanità!” iddikjara l-Profeta Joseph Smith. “Fil-verità huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bxajjar ta’ hena kbir għall-poplu kollu; u l-bxajjar tajbin, ukoll, li għandhom jimlew id-dinja u jferrħu l-qalb ta’ kulħadd meta jinstemgħu fil-widnejn.”
Għal sekli sħaħ wara l-ministeru tas-Salvatur fid-dinja, ulied Alla fittxewh u xxenqu għal aktar dawl u verità. Issa l-bxajjar ta’ ferħ tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u r-Restawrazzjoni kontinwa jaslu biex ibierku lin-nies kollha u jħejju lid-dinja għall-jum meta Ġesù Kristu se jerġa’ lura biex “imexxi bħala s-Sultan tas-Slaten u jsaltan bħala Mulej tal-Mulej.” Din hija manifestazzjoni profonda tal-imħabba bla heda ta’ Missierna fis-Smewwiet u tas-Salvatur tagħna. Jiena nifraħ li nista’ nqatta’ ħajti niddikjara dawn il-veritajiet lid-dinja kollha.
L-Improbabbli u l-Meravilja
Jum ġdid sebaħ għall-familja umana f’masġar, fejn Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru u tkellmu ma’ Joseph Smith bi tweġiba għat-talba tat-tfajjel Joseph dwar ma’ liema knisja kellu jingħaqad (ara Joseph Smith—History 1:14–20). Ġesù Kristu qal lil Joseph biex ma jingħaqad mal-ebda knisja. Huwa wiegħed li l-milja tal-evanġelju tiegħu se tiġi żvelata lil Joseph fil-futur.
Għal bosta nies, Joseph kien jidher bħala l-iktar persuna improbabbli li kellha tissejjaħ għal ħidma daqstant importanti, u dawn kellhom raġun. Huwa kien tifel bla edukazzjoni u bla importanza, minn razzett żgħir f’belt oskura. L-istess kif xi wħud qalu dwar is-Salvatur fi żmienu, ”Jista’ jkun hemm xi ħaġa tajba minn Nazareth?” (Ġwanni 1:46), ħafna staqsew x’seta’ jiġi tajjeb minn tfajjel bla edukazzjoni ta’ 14-il sena minn Palmyra, New York. Iżda permezz ta’ Joseph—minkejja li din kienet tidher xi ħaġa improbabbli—Missierna fis-Smewwiet u l-Mulej Ġesù Kristu kellhom jġibu fis-seħħ dak li hu verament meraviljuż. Dan għandu jwasslilna t-tama li bil-mod ċkejken u umli tagħna, aħna nistgħu nikkontribwixxu wkoll b’modi sinifikanti għall-ħidma tal-Mulej.
Maż-żmien, il-Mulej sejjaħ lil Joseph “u kellmu mis-smewwiet, u tah kmandamenti” (Duttrina u Patti 1:17). Joseph irċieva rivelazzjonijiet prezzjużi u duttrina mill-aktar importanti li wasslu biex aħna nifhmu l-pjan kollu mħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-imħabba feddejja ta’ Ġesù Kristu u l-qawwa tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-bxajjar ta’ ferħ seħħu fil-mument preċiż meta avvanzi sinifikanti fit-trasport, fil-komunikazzjoni, u f’oqsma oħra kienu jippermettu li d-dawl ta’ Alla jiddi bil-qawwi biex ibierek aktar u aktar lil uliedu.
The Angel Moroni Delivering the Plates to Joseph Smith, minn C. C. A. Christensen
Xhieda Qawwija tal-Imħabba ta’ Alla
Id-dehra tal-anġlu Moroni li Joseph Smith kienet essenzjali għar-Restawrazzjoni u evidenza qawwija tal-imħabba ta’ Alla. Moroni qal lil Joseph dwar reġistru, miktub fuq pjanċi tad-deheb, midfun viċin (ara Joseph Smith—History 1:33–34). Eventwalment, Joseph kellu jingħata “qawwa mill-għoli” (Duttrina u Patti 20:8) biex jittraduċi dak ir-reġistru f’dak li kellu jkun il-Ktieb ta’ Mormon, li għandu l-istess importannza daqs il-Bibbja u li huwa testment ieħor ta’ Ġesù Kristu.
Matul il-Ktieb ta’ Mormon, naqraw dwar nies li, mijiet ta’ snin qabel Kristu, kienu jafu u bassru dwar il-miġja tiegħu u xxenqu għal dan. Aħna nsibu wkoll ir-rakkont straordinarju tad-dehra u l-ministeru personali tas-Salvatur imqajjem mill-imwiet fost in-Nefiti, li matulu Huwa stieden lil kulħadd biex imur għandu u jħoss is-sinjal fuq ġenbu u l-marki tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh (ara 3 Nefi 11:14–15). Huwa fejjaq lill-morda, lill-magħtuba, lill-għomja—“dawk kollha li kienu qed isofru b’xi mod”—u mbagħad bierek lit-tfal iż-żgħar u talab għalihom (ara 3 Nefi 17:7–9, 21). Aħna nitgħallmu tant dwar l-imħabba u l-kompassjoni tas-Salvatur minn dan ir-rakkont sagru.
Il-Ktieb ta’ Mormon jagħti xhieda li “Ġesù hu l-Kristu.” L-assigurazzjonijiet fil-Ktieb ta’ Mormon ripetutament ifakkruna li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna jħobbuna lil hinn minn kull ħaġa li nistgħu nimmaġinaw.
Il-Barkiet tas-Saċerdozju u tal-Knisja
Ir-Restawrazzjoni kompliet bid-dehra ta’ messaġġiera oħra mis-smewwiet lil Joseph Smith. “Ġwanni l-Battista mqajjem mill-imwiet irrestawra l-awtorità li tgħammed b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet. Tlieta mit-tnax-il Appostlu oriġinali—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—irrestawraw l-appostolat u l-imfietaħ tal-awtorità tas-saċerdozju. Ġew oħrajn ukoll, fosthom Elija, li rrestawra l-awtorità li tgħaqqad il-familji flimkien għal dejjem f’relazzjonijiet eterni li jmorru lil hinn mill-mewt.”
Fis-6 ta’ April, 1830, Ġesù Kristu waqqaf permezz tal-Profeta Joseph knisja mfassla fuq il-knisja li Huwa organizza fi żminijiet tat-Testment il-Ġdid (ara Artikli tal-Fidi 1:6), kompluta bil-”pedament tal-appostli u l-profeti, fejn Ġesù Kristu nnifsu kien il-ġebla tax-xewka” (Efesin 2:20). Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tagħmel il-barkiet tal-qawwa tas-saċerdozju rrestawrat ikunu disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla li jħejju lilhom infushom biex jirċevuh.
Kif għallimna l-President Russell M. Nelson, aħna nistgħu nsibu l-hena fl-indiema ta’ kuljum hekk kif aħna nduru lejn Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna. Lil dawk kollha li jħossuhom imdejqin jew inadegwati jew ma jappartjenux: kollha intom mistiedna biex tersqu lejn Kristu u l-Knisja tiegħu. Il-Knisja mhijiex monasteru għall-perfetti iżda sptar għall-morda. Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu jfakkarna li “aħna niġu l-knisja mhux biex naħbu l-problemi tagħna iżda biex infejquhom.”
Fil-knisja aħna nsibu l-hena f’opportunitajiet biex indawru lilna nfusna ’l barra, inservu lil ħaddieħor b’imħabba, u naqsmu l-esperjenzi personali tagħna bl-abbundanza tat-tjubija ta’ Kristu. Nistgħu nkunu “magħduda fost in-poplu tal-knisja ta’ Kristu” u “niġu mfakkra u mantnuti permezz tal-kelma t-tajba ta’ Alla” (Moroni 6:4). X’barka tremenda!
Raġuni għal Hena Kbira
Il-Profeta Joseph Smith darba ddikjara, ”Issa, x’nisimgħu fl-evanġelju li rċevejna? Leħen ta’ ferħ! Leħen ta’ ħniena mis-smewwiet; u leħen ta’ verità ħiereġ mid-dinja; il-bxara t-tajba għall-mejtin; leħen ferrieħi għall-ħajjin u l-mejtin; il-bxajjar ta’ ferħ ta’ hena kbira” (Duttrina u Patti 128:19).
Dawn il-bxajjar ta’ ferħ waslu għaliex Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-għażiż, Ġesù Kristu, iħobbuna u jixtiequ—aktar minn kull ħaġa—li jilqgħuna lura fil-preżenza tagħhom, sabiex aħna jkollna għal dejjem it-tip ta’ ħajja li Huma jgħixu. Ir-Restawrazzjoni tiżvela li Huma għamlu dak kollu neċessarju biex jagħmlu din il-possibbiltà glorjuża għalina lkoll. Fil-vjaġġ etern tagħna, aħna nesperjenzaw ċerti sfidi u diffikultajiet, iżda “[niġu] fis‑seħħ, biex nkunu nistgħu ngawdu l‑hena.” (2 Nefi 2:25) f’din il-ħajja u f’li jmiss. Il-Profeta Joseph kien jaf dan iktar minn kulħadd.
Joseph ħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni u persekuzzjoni frekwenti, madankollu huwa żamm “it-temperament ferrieħi nattiv” tiegħu (Joseph Smith—History 1:28). Huwa baqa’ ferrieħi, determinat, u reżiljenti, u huwa wettaq il-ħidma straordinarja li huwa kien ingħata biex iwettaq. Jiena nagħti ġieħ lill-Qaddisin tal-ewwel żminijiet li emmnu, issapportjaw, u mxew wara l-Profeta Joseph Smith u kkonsagraw lilhom infushom għall-bini tal-Knisja. Aħna għandna magħhom dejn kbir ta’ gratitudni u unur.
Kienet sitwazzjoni mwiegħra fiż-żminijiet bikrin tal-Knisja, u llum taf tkun mwiegħra wkoll. Iżda r-Restawrazzjoni għadha għaddejja. Flimkien ma’ Ġesù Kristu f’ras din il-Knisja, il-profeti ħajjin se jkomplu jiggwidawna. Id-djar tal-Mulej se jkomplu jinbnew, sabiex il-barkiet tal-patti eterni ma’ Alla jistgħu jorbtuna miegħu u mal-maħbubin tagħna fuq iż-żewġ naħat tal-velu (ara Mattew 16:19). L-imħabba ta’ Alla u Ġesù Kristu se testendi lid-dinja kollha hekk kif aħna nimxu wara l-kmand tas-Salvatur li nitimgħu lin-nagħaġ tiegħu u naqsmu l-evanġelju tiegħu. Aħna se nkunu xhieda li l-veritajiet tar-Restawrazzjoni ħa jimxu ’l quddiem b’modi u f’postijiet li kien ikun diffiċli timmaġinahom fi żmien Joseph.
Aħna nistgħu nsibu qawwa u hena kbira—kif għamel il-Profeta Joseph—hekk kif aħna nħaddnu u ngħixu dawn il-veritajiet prezzjużi. Is-sejħa li Joseph għamel lill-Qaddisin fi żmienu tkompli magħna llum: “M’għandniex nibqgħu mexjin f’kawża daqshekk kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, … u ibqgħu mexjin, sar-rebħa! Ħallu qlubkom jifirħu, u kunu verament kuntenti” (Duttrina u Patti 128:22).
Jalla l-bxajjar ta’ ferħ ta’ mħabba u hena li r-Restawrazzjoni ġġib jbierku u jiggwidaw lil ħajjitna—issa u dejjem.
© 2025 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly Liahona Message, January 2025. Maltese. 19600 159