2020–2024
O Żgħażagħ ta’ Primoġenitura Nobbli
konferenza ġenerali Ottubru 2024


O Żgħażagħ ta’ Primoġenitura Nobbli

Alla jafda lilkom, ulied il-patt, biex tgħinuh fil-ħidma tiegħu li jwassal lil uliedu kollha lura d-dar mingħajr periklu.

Presbiteru Stevenson, din hi konferenza li mhu se ninsew qatt.

Il-familja tagħna dejjem għoġobha l-ktieb Ittri tat-Tfal lil Alla. Sa nsemmi ftit minnhom:

Għażiż Alla, minflok ma tħalli n-nies imutu u toħloq nies ġodda, għalfejn ma żżommx lil dawk li diġà jinsabu hawn?”

“Għalfejn int għandek biss għaxar regolamenti, u l-iskola tagħna għandha miljun?”

“Għalfejn poġġejtilna t-tunsilli jekk se terġa’ toħroġhom minn ġo fina?”

Illum m’hawnx ħin biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet kollha, iżda hemm mistoqsija oħra li spiss nisma’ mingħand iż-żgħażagħ li nixtieq nindirizza. Minn Ulaanbaatar, mill-Mongolja, sa Thomas, minn Idaho, il-mistoqsija hi l-istess: “Għalfejn? Għalfejn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jgħixu b’mod daqstant differenti minn ħaddieħor?”

Naf li diffiċli tkun differenti—speċjalment meta tkun għadek żagħżugħ u tkun tixtieq ħafna li tingħoġob minn ħaddieħor. Kulħadd jixtieq ikun aċċettat mill-oħrajn, u dik ix-xewqa kibret b’mod xejn pożittiv fid-dinja diġitali tal-lum iddominata mill-midja soċjali u s-cyberbullying.

Għalhekk, b’dik il-pressjoni kollha, għalfejn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jgħixu b’mod daqstant differenti? Hemm diversi tweġibiet tajbin: Għaliex intom ulied Alla. Għaliex intom ġejtu ppreservati għall-aħħar żminijiet. Għaliex intom dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Iżda dawk it-tweġibiet mhux dejjem jiddistingwukom. Kulħadd huwa bin jew bint Alla. Kulmin hawn fid-dinja llum ġie mibgħut hawn fl-aħħar żminijiet. U madankollu mhux kulħadd jgħix il-Kelma tal-Għerf jew il-liġi tal-kastità bil-mod kif tippruvaw tgħixu intom. Hawn bosta dixxipli qalbiena ta’ Kristu li mhumiex membri ta’ din il-Knisja. Iżda huma ma jservux missjonijiet u ma jwettqux ordinanzi fid-djar tal-Mulej f’isem l-antenati kif tagħmlu intom. Żgur li hemm xi ħaġa aktar minn hekk—u hekk hu.

Illum nixtieq niffoka fuq raġuni oħra li kienet mill-aktar sinifikanti f’ħajti. Fl-1988, Appostlu żagħżugħ jismu Russell M. Nelson għamel diskors fl-Università ta’ Brigham Young li jġib l-isem “Grazzi għall-Patt.” Fih, dak li kien il-Presbiteru Nelson spjega li meta aħna nużaw il-volontà morali tagħna biex nagħmlu u nħarsu l-patti tagħna ma’ Alla, aħna nsiru werrieta tal-patt ta’ dejjem li Alla għamel mal-antenati tagħna f’kull dispensazzjoni. Fi kliem ieħor, aħna nsiru “ulied il-patt.” Din hi ħaġa li tiddistingwina. Dan jagħtina aċċess għall-istess barkiet li missirijietna u ommijietna rċevew, inkluż il-primoġenitura.

Primoġenitura! Din il-kelma forsi smajtuha qabel. Anke nkantaw għanja dwarha: “O Żgħażagħ ta’ Primoġenitura Nobbli, komplu mexjin, komplu mexjin, komplu mexjin!” Hija kelma interessanti. Iżda xi tfisser?

Fi żminijiet tat-Testment il-Qadim jekk missier imut, l-iben li għandu l-primoġenitura kien responsabbli biex jieħu ħsieb lil ommu u lil ħutu n-nisa. Ħutu s-subien kienu jirċievu wirthom u jitilqu biex isibu posthom fid-dinja, iżda l-iben li għandu l-primoġenitura ma kien imur imkien. Hu jiżżewweġ u jkollu l-familja tiegħu, iżda kien jibqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jmexxi l-proprjetà ta’ missieru. Minħabba din ir-responsabbiltà żejda, huwa kien jingħata wirt akbar. Hi xi ħaġa daqstant kbira li jingħata r-responsabbiltà li jmexxi u jieħu ħsieb ħaddieħor? Mhux meta tikkunsidra l-wirt akbar li huwa ngħata.

Illum mhux qed nitkellmu dwar l-ordni tiegħek tat-twelid fl-irwol tal-ġeneru tas-sess fil-familji fid-dinja jew fit-Testment il-Qadim. Qed nitkellmu dwar il-wirt li tirċievu bħala werrieta ma’ Kristu minħabba r-relazzjoni tal-patt li għażiltu li tidħlu fiha miegħu u ma’ Missierkom fis-Smewwiet. Hi xi ħaġa kbira li Alla jistenna minnkom li tgħixu b’mod differenti minn uliedu l-oħra ħalli tkunu tistgħu tmexxuhom u taqduhom aħjar? Mhux meta tikkunsidraw il-barkiet—kemm temporali kif ukoll spiritwali—li intom ingħatajtu.

Allura l-primoġenitura tagħkom tfisser li intom aħjar minn ħaddieħor? Le, iżda tfisser li hu mistenni minnkom li intom tgħinu lil ħaddieħor ikun aħjar. Allura l-primoġenitura tagħkom tfisser li intom magħżulin? Iva, iżda mhux magħżulin biex taħkmu fuq ħaddieħor iżda biex taqduhom. Allura l-primoġenitura tagħkom hi evidenza tal-imħabba ta’ Alla? Iva, iżda aktar importanti minn hekk hija evidenza tal-fiduċja tiegħu.

Li tkun maħbub hija ħaġa iżda li tkun fdat hi ħaġa kompletament differenti. Fil-gwida Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ naqraw: “Missierkom fis-Smewwiet jafdakom. Huwa takom barkiet kbar, fosthom il-milja tal-evanġelju u ordinanzi u patti sagri li jorbtukom miegħu u jwasslulkom il-qawwa tiegħu f’ħajjitkom. Flimkien ma’ dawk il-barkiet tirċievu responsabbiltà akbar. Huwa jaf li intom tistgħu tagħmlu differenza fid-dinja, u din teħtieġ, ħafna drabi, li tkunu differenti mid-dinja.”

L-esperjenza mortali tagħna ninstgħu nqabbluha ma’ vapur tal-kruċiera li fuqu Alla bagħat lil uliedu kollha fuq vjaġġ min-naħa għall-oħra tal-baħar. Il-vjaġġ hu mimli opportunitajiet biex nitgħallmu, nikbru, nithennew, u nimxu ’l quddiem, iżda fih ukoll bosta perikli. Alla jħobb lil uliedu kollha u jimpurtah mill-benesseri tagħhom. Hu ma jridx li xi ħadd minnhom jintilef, għalhekk Hu jistieden lil dawk li huma lesti li jkunu membri fl-ekwipaġġ tiegħu—u dawn huma intom. Minħabba l-għażla tagħkom li tagħmlu u tħarsu l-patti, Hu joffrilkom il-fiduċja tiegħu. Hu jafdakom li intom differenti, partikulari, u distinti minħabba l-ħidma importanti li jafdakom biha.

Aħsbu ftit dwar dan! Alla jafda lilkom—minn fost in-nies kollha tad-dinja, ulied il-patt, il-membri tal-ekwipaġġ tiegħu—biex tgħinuh fil-ħidma tiegħu li jwassal lil uliedu kollha lura d-dar mingħajr periklu. Mhux ta’ b’xejn li l-President Brigham Young darba qal, “Għajnejn l-anġli kollha fis-smewwiet jinsabu fuq dawn il-ftit nies.”

Meta tħarsu madwarkom fuq dan il-vapur tal-kruċiera li nsejħulu d-dinja, tafu tilmħu nies oħra bilqiegħda f’siġġu f’xi sala jixorbu, jilagħbu f’xi każinò, lebsin ilbies mqaċċat ħafna, jiskrolljaw bla heda fuq il-mowbajl, u jaħlu wisq ħin jilagħbu l-logħob elettroniku. Iżda minflok ma tistaqsu, “Għalfejn jien ma nistax nagħmel bħalhom?,” ftakru li intom mhux passiġġieri ordinarji. Intom membri tal-ekwipaġġ. Għandkom responsabbiltajiet li l-passiġġieri m’għandhomx. Kif qalet darba Sister Ardeth Kapp, “Intom ma tistgħux tkunu xogħolkom li ssalvaw lin-nies jekk tkunu tidhru bħall-għawwiema l-oħra kollha fil-bajja.”

U qabel ma tibdew taqtgħu qalbkom minħabba l-obbligi l-oħra kollha, jekk jogħġobkom ftakru li l-membri tal-ekwipaġġ jirċievu xi ħaġa li l-passiġġieri l-oħra ma jirċevux: kumpens. Il-Presbiteru Neil L. Andersen qal, “Hemm qawwa spiritwali li tikkumpensa għat-twajbin,” inkluż “assigurazzjoni akbar, konferma akbar, u kunfidenza akbar.” Bħal Abraham tal-qedem, intom tirċievu kuntentizza u paċi akbar, tjieba akbar, u għarfien akbar. Il-kumpens tagħkom mhuwiex sempliċiment xi post fis-smewwiet u toroq miksija bid-deheb. Ikun faċli għall-Missier fis-Smewwiet li sempliċiment jagħtikom dak kollu li għandu. Xewqtu hi li jgħinkom issiru dak kollu li Huwa hu. B’hekk, l-impenn tagħkom jitlob ferm aktar minnkom, għaliex dan hu l-mod kif Alla qed jgħinkom tilħqu l-potenzjal tagħkom.

“Ħafna hu mistenni minn kwalunkwe bniedem, iżda intom m’intomx kwalunkwe bniedem”! Intom żgħażagħ ta’ primoġenitura nobbli. Ir-relazzjoni tal-patt tagħkom ma’ Alla u Ġesù Kristu hija relazzjoni ta’ mħabba u fiduċja li fiha għandkom aċċess għal miżura akbar tal-grazzja tagħhom—L-assistenza divina, id-dota tas-sodizza, u tal-qawwa li ssaħħaħkom. Dik il-qawwa mhijiex sempliċiment xi xewqa, xi xorti tajba, jew xi profezija li tridu twettqu. Hi xi ħaġa reali.

Hekk kif twettqu r-responsabbiltajiet tal-primoġenitura tagħkom, intom qatt mhu se tkunu weħidkom. Sid l-għalqa qed jaħdem magħkom. Intom qed taħdmu id f’id ma’ Ġesù Kristu. Ma’ kull patt ġdid—u hekk kif ir-relazzjoni tagħkom miegħu tissaħħaħ—intom iżżommu id xulxin b’qabda aktar b’saħħitha sakemm idejkom ikunu magħqudin flimkien waħda sew. F’dak is-simbolu sagru tal-grazzja tiegħu, intom issibu kemm ix-xewqa kif ukoll il-qawwa li tgħixu eżattament kif għex is-Salvatur—differenti mid-dinja. Intom jirnexxielkom tagħmlu dan għax Ġesù Kristu jinsab magħkom!

F’ 2 Nefi 2:6 naqraw, “Għalhekk, il-fidwa tiġi fil-Messija Mqaddes u permezz tiegħu; għax hu mimli bil-grazzja u l-verità.” Peress li Hu kollu verità, Hu jarakom kif intom verament—bid-difetti, bid-dgħufijiet, bid-dispjaċiri kollha tagħkom. Għax Huwa kollu grazzja, Hu jarakom kif intom tistgħu tkunu. Hu jiġi jiltaqa’ magħkom fejn tinsabu u jgħinkom tindmu u ttejbu, tegħlbu u ssiru.

“O Żgħażagħ ta’ Primoġenitura Nobbli, komplu mexjin, komplu mexjin, komplu mexjin!” Nixhed li intom maħbubin—u fdati—illum, 20 sena oħra, u għal dejjem. Araw li ma tbigħux il-primoġenitura tagħkom għal ftit għads. Titilfux kollox għal xejn. Tħallux id-dinja tibdilkom meta intom twelidtu biex tibdlu d-dinja. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. F’Stuart Hample u Eric Marshall, Children’s Letters to God (1991).

  2. Ara Russell M. Nelson, “Thanks for the Covenant” (devozzjonali f’Università ta’ Brigham Young 22 ta’ Nov., 1988), speeches.byu.edu.

  3. 3 Nefi 20:26; ara wkoll Russell M. Nelson, “Choices for Eternity” (devozzjonali dinji għall-adulti żgħażagħ, 15 ta’ Mejju, 2022), Gospel Library; Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 32–35.

  4. Ara 3 Nefi 20:25; ara wkoll Guide to the Scriptures, “Abrahamic Covenant,” Gospel Library; Abraham 2:6 (art imwiegħda: glorja ċelestjali, familji eterni); Ġenesi 13:16; Doctrine and Covenants 132:30–31 (nisel: tkabbir etern); u Abraham 1:18; 2:11 (saċerdozju: awtorità, imfietaħ, ordinanzi, patti u qawwa divina); Russell M. Nelson, “Nithennew bir-Rigal tal-Imfietaħ tas-Saċerdozju,” Liahona, Mejju 2024, 119–23.

  5. “Carry On,” Hymns, nu. 255.

  6. Ara Russell M. Nelson, “Youth of the Noble Birthright: What Will You Choose?” (Devozzjonali tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja għall-adulti żgħażagħ, 6 ta’ Sett., 2013), Gospel Library; ara wkoll Russell M. Nelson, “Thanks for the Covenant,” speeches.byu.edu; Guide to the Scriptures, “Firstborn,” Gospel Library.

  7. Ara Luqa 12:42; 17:7–10.

  8. Ara Rumani 8:17; ara wkoll Doctrine and Covenants 76:54–55; 88:107.

  9. Il-Mulej qal: “Hi ħaġa ħafifa” (1 Nefi 21:6).

  10. Ara 1 Pietru 2:9.

  11. Il-Mulej qal, “Iżrael, inti l-qaddej tiegħi” (1 Nefi 21:3).

  12. Ara Eżodu 2:25.

  13. For the Strength of Youth: A Guide for Making Choices (2022), 4; ara wkoll Doctrine and Covenants 84:18–25; 107:18–21; Russell M. Nelson, “Youth of the Noble Birthright: What Will You Choose?

  14. Ara Doctrine and Covenants 20:77.

  15. Ara 1 Pietru 2:9.

  16. Ara Moses 1:6; ara wkoll “Aaronic Priesthood Quorum Theme,” Gospel Library.

  17. Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young (1997), 309.

  18. Ardeth Greene Kapp, I Walk by Faith (1987), 97.

  19. Ara Mosija 2:22, 41; Doctrine and Covenants 59:23.

  20. Neil L. Andersen, “A Compensatory Spiritual Power for the Righteous” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 18 ta’ Aww., 2015), 3, speeches.byu.edu.

  21. Ara Abraham 1:2.

  22. Ara Dallin H. Oaks, With Full Purpose of Heart (2002), 38.

  23. Kenneth Cope, “The Best for Last,” Voices (album, 1991).

  24. Ara Alma 53:20; 57:27.

  25. Ara Dieter F. Uchtdorf, “Ir-Rigal tal-Grazzja,” Liahona, Mejju 2015, 107; ara wkoll Guide to the Scriptures, “Grace,” Gospel Library. Kont nitħawwad minħabba l-bosta deskrizzjonijiet tal-qawwa ta’ Alla li nsibu tul l-iskrittura kollha. Titkellem dwar il-grazzja bħala qawwa li ssaħħaħna (ara Filippin 4:13) kif ukoll dwar id-dawl ta’ Kristu bħala qawwa (ara Doctrine and Covenant 88:13). Naqraw dwar il-qawwa tal-fidi (ara Alma 18:35), il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (ara Moroni 10:7), u l-qawwa mill-għoli mwiegħda fit-tempji (ara Doctrine and Covenants 38:32; 105:11). L-iskrittura tgħallem ukoll dwar il-qawwa tas-saċerdozju (ara Doctrine and Covenants 113:8). Kont nittħawwad fejn tibda waħda u tispiċċa l-oħra. Fl-aħħar, irrealizzajt li “m’hemm l-ebda qawwa oħra ħlief il-qawwa ta’ Alla” (Doctrine and Covenants 8:7; ara wkoll Rumani 13:1). Tikketti differenti għall-qawwa ta’ Alla ma jiddeskrivux qawwiet differenti, iżda ammonti, użi u aspetti varji tal-istess qawwa.

  26. Ara Ġakobb 5:72.

  27. Ara Ġakobb 6:5.

  28. Ara 3 Nefi 22:17.

  29. Hymns, nu. 255.

  30. Ara Ġenesi 25:29–34.

  31. Ara 3 Nefi 20:38; ara wkoll Isaija 55:2.