2020–2024
Agħmel Dak li Hu Ġust, Ħobb u Kun Ħanin, u Kun Umli fl-Imġiba Tiegħek ma’ Alla
konferenza ġenerali Ottubru 2020


Agħmel Dak li Hu Ġust, Ħobb u Kun Ħanin, u Kun Umli fl-Imġiba Tiegħek ma’ Alla

Li tagħmel dak li hu ġust ifisser taġixxi b’mod onorabbli. Aħna naġixxu b’mod onorabbli ma’ Alla billi nkunu umli fl-imġiba tagħna miegħu. Aħna naġixxu b’mod onorabbli ma’ ħaddieħor billi nkunu ħanina.

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, u bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nagħmlu ħilitna—u aħna mħeġġin biex nagħmlu ħiltna—ħalli nagħmlu aħjar u nkunu aħjar. Forsi intom, bħali, ġieli staqsejtu, “Qed nagħmel biżżejjed?” “X’suppost qed nagħmel aktar?” jew “Jien kif nista’, bħala persuna difettuża, nikkwalifika biex ‘ngħammar ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem’?”

Mika, il-profeta tat-Testment il-Qadim, staqsa l-mistoqsija b’dan il-mod: “Biex se nersaq quddiem il-Mulej, u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli?” Mika b’mod satiriku ddubita jekk offerti eżorbitanti kinux se jkunu biżżejjed biex ipattu għal dnubietu, meta qal: “Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf ta’ mtaten, u l-għaxriet ta’ eluf … ta’ widien ta’ żejt? tgħid noffrilu ’l ibni l-kbir … għal ħtijieti?”

It-tweġiba hi le. L-għemejjel tajbin mhux biżżejjed. Is-salvazzjoni ma niksbuhiex permezz ta’ għemilna. Lanqas is-sagrifiċċji kbar li Mika kien jaf li kienu impossibbli ma jistgħu jifdu l-iċken dnub. Jekk nitħallew weħidna, nitilfu t-tama ta’ kull prospett li nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.

Mingħajr il-barkiet li nirċievu mingħand Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, weħidna ma nistgħu qatt nagħmlu biżżejjed jew inkunu biżżejjed. L-aħbar it-tajba, madankollu, hi li minħabba u permezz ta’ Ġesù Kristu aħna nistgħu nsiru biżżejjed. Il-bnedmin kollha se jiġu salvati mill-mewt fiżika, bil-grazzja ta’ Alla, permezz tal-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif indawru qlubna lejn Alla, is-salvazzjoni mill-mewt spiritwali hi disponibbli għal kulħadd “permezz tal-Espjazzjoni ta’ [Ġesù] Kristu … permezz tal-ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.” Aħna nistgħu ninfdew mid-dnub biex nieqfu nodfa u safja quddiem Alla. Kif spjega Mika, “[Alla,] O Bniedem, uriek x’inhu tajjeb; u x’jistenna minnek il-Mulej, ħlief li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek?”

Id-direzzjoni ta’ Mika li ndawru qlubna lejn Alla u nikkwalifikaw għas-salvazzjoni fiha tliet elementi interkonnessi. Li tagħmel dak li hu ġust ifisser taġixxi b’mod onorabbli ma’ Alla u ma’ ħaddieħor. Aħna naġixxu b’mod onorabbli ma’ Alla billi nkunu umli fl-imġieba tagħna miegħu. Aħna naġixxu b’mod onorabbli ma’ ħaddieħor billi nkunu ħanina. Li tagħmel dak li hu ġust hi għalhekk applikazzjoni prattika tal-ewwel u t-tieni l-akbar kmandamenti, li “tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu … [u li] tħobb lil għajrek bħalek innifsek.”

Li nagħmlu dak li hu ġust u nkunu umli fl-imġiba tagħna ma’ Alla jfisser li intenzjonalment inbiegħdu lilna nfusna mill-ħażen, nimxu skont il-preċetti tiegħu, u nibqgħu fidili b’mod awtentiku. Persuna ġusta titbiegħed mid-dnub u tersaq lejn Alla, tagħmel il-patti miegħu, u hi fidila lejn dawk il-patti. Persuna ġusta tagħżel li tobdi lill-kmandamenti ta’ Alla, tindem meta tiżbalja, u tkompli tipprova.

Meta Kristu mqajjem mill-imwiet żar lin-Nefiti, Hu spjega li liġi ogħla kienet ħadet post il-liġi ta’ Mosè. Hu qalilhom biex ma “joffrux [aktar] … sagrifiċċji u … offerti tal-ħruq,” iżda joffru “qalb niedma u spirtu sogħbien.” Hu wiegħed ukoll, “U min jiġi għandi b’qalb niedma u spirtu sogħbien, lilu jiena ngħammed bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu.” Meta nirċievu u nużaw id-don tal-Ispirtu s-Santu wara l-magħmudija, aħna nistgħu ngawdu s-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu u niġu mgħallmin dak kollu li għandna nagħmlu, inkluż kif inkunu umli fl-imġieba tagħna ma’ Alla.

Is-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu għad-dnub u s-salvazzjoni mill-mewt spiritwali huma disponibbli għal dawk kollha li għandhom qalb niedma u spirtu sogħbien. Qalb niedma u spirtu sogħbien iwassluna biex nindmu b’ferħ u nippruvaw insiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nirċievu t-tindif, il-fejqan, u l-qawwa setgħana tas-Salvatur. Aħna mhux biss nagħmlu dak li hu ġust u nkunu umli fl-imġiba tagħna ma’ Alla; aħna nitgħallmu wkoll kif inkunu ħanina bil-mod kif huma ħanina Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Alla jħobb iħenn u ma jiddejjaqx jagħmel dan. Skont kliem Mika lil Jaħweh, “Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen, … u jħenn għalina,” u “jarmi … ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.” Li nkunu ħanina bħalma hu ħanin Alla hu relatat b’mod inseparabbli ma’ kemm nimxu b’mod ġust ma’ ħaddieħor u li ma nittrattawhomx ħażin.

L-importanza li ma nittrattawx ħażin lil ħaddieħor hi enfasizzata fi storja dwar Ħillel il-Kbir, studjuż Lhudi li għex fl-ewwel seklu qabel Kristu. Wieħed mill-istudenti ta’ Ħillel ħassu eżasperat bil-kumplessità tat-Torah—il-ħames kotba ta’ Mosè bis-613-il kmandament li hemm fihom u l-kitbiet rabbiniċi assoċjati magħhom. L-istudent sfida lil Ħillel biex jispjega t-Torah billi juża biss il-ħin li Ħillel kien kapaċi jieqaf fuq sieq waħda. Minkejja li Ħillel ma tantx kien jaf iżomm il-bilanċ, hu aċċetta l-isfida. Hu kkwota mil-Levitku, billi qal “La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Ħillel imbagħad ikkonkluda: “Dak li inti tobgħod, tagħmlux lil għajrek. Din hi t-Torah kollha; il-kumplament hu kummentarju. Mur u studja.”

Li dejjem tittratta lil ħaddieħor b’mod onorabbli hi parti milli tkun ħanin. Isimgħu ftit dwar konverżazzjoni li smajt għexieren ta’ snin ilu fid-dipartiment tal-emerġenza tal-Isptar Johns Hopkins f’Baltimore, Maryland, fl-Istati Uniti. Wieħed pazjent, is-Sur Jackson, kien raġel ta’ rispett u twajjeb, magħruf sew mal-istaff tal-isptar. Kien daħal l-isptar diversi drabi għal trattament ta’ mard relatat mal-alkoħol. Din id-darba, is-Sur Jackson reġa’ lura l-isptar minħabba sintomi li d-dijanjosi tagħhom kienet infjammazzjoni tal-frixa kawża tal-alkoħol.

Lejn tmiem ix-xift tiegħu, Dott. Cohen, tabib bieżel li ħafna kienu jammiraw, evalwa lis-Sur Jackson u ddeċieda li kellu jinżamm l-isptar. Dott. Cohen talab lil Dott. Jones, it-tabiba li kien imissha warajh, biex iddaħħal lis-Sur Jackson l-isptar u tissorvelja t-trattament tiegħu.

Dott. Jones kienet attendiet skola medika prestiġjuża u kienet għadha kif bdiet l-istudji tagħha ta’ wara l-gradwazzjoni. Dan it-taħriġ diffiċli spiss huwa assoċjat ma’ nuqqas ta’ rqad, li probabbilment ikkontribwixxa għar-rispons negattiv ta’ Dott.Jones. Ikkonfrontata bil-ħames pazjent li daħal l-isptar dak il-lejl, hi bdiet tgerger ma’ Dott. Cohen. Ħasset li ma kienx ġust li hi kellha tqatta’ bosta sigħat tieħu ħsieb lis-Sur Jackson għaliex dak li qabdu, wara kollox, kien tort tiegħu.

Dott. Cohen weġibha b’mod ċar iżda b’leħen mill-aktar sieket. Hu qal, “Dott. Jones, inti sirt tabiba biex tieħu ħsieb in-nies u taħdem biex tfejjaqhom. Ma sirtx tabiba biex tiġġudikahom. Jekk ma tifhimx id-differenza, m’għandekx dritt titħarreġ f’din l-istituzzjoni.” Wara din it-tbeżbiża, Dott. Jones ħadet ħsieb tas-Sur Jackson b’diliġenza fiż-żmien li għamel l-isptar.

Minn dak iż-żmien ’l hawn is-Sur Jackson miet. Kemm Dott. Jones u Dott. Cohen kellhom karrieri mill-aqwa. Iżda f’mument kritiku tat-taħriġ tagħha, Dott. Jones kellha bżonn xi ħadd ifakkarha biex tagħmel dak li hu ġust, tkun ħanina, u tieħu ħsieb lis-Sur Jackson mingħajr ma tiġġudikah.

Tul is-snin, jiena bbenefikajt minn dan l-episodju. Li nkunu ħanina jfisser li mhux biss inħobbu l-ħniena li jurina Alla; iżda wkoll li nifirħu li Alla jestendi l-istess ħniena lil ħaddieħor. U nimxu wara l-eżempju tiegħu. “Aħna lkoll l-istess għal Alla,” u lkoll neħtieġu trattament spiritwali biex niksbu l-għajnuna u nfiequ. Il-Mulej qal, “Tistmax bniedem aktar minn ieħor, jew l-ebda bniedem m’għandu jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor.”

Ġesù Kristu tana eżempju ta’ xi jfisser li tagħmel dak li hu ġust u li tkun ħanin. Hu kien jiltaqa’ b’mod miftuħ mal-midinbin, jittrattahom b’mod onorabbli u b’rispett. Hu għallem il-ferħ ta’ meta wieħed iżomm il-kmandamenti ta’ Alla u pprova jgħin u mhux jikkundanna lil dawk li kienu qed jitqabdu. Hu ċanfar lil dawk li kkritikawh għax kien jimministra lil nies li kienu jikkunsidrawhom bħala mhux denji. Nies li jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor kienu joffenduh u għadhom.

Biex wieħed ikun Kristjan, jeħtieġ jagħmel dak li hu ġust, u jaġixxi b’mod onorabbli kemm ma’ Alla u ma’ ħaddieħor. Persuna ġusta hi ċivili fi kliemha u f’għemilha u tagħraf li d-differenzi fil-ħsieb jew twemmin ma jikkundizzjonawx it-tjubija u l-ħbiberija ġenwina tagħha. L-individwi li jagħmlu dak li hu ġust “ma tiġihomx f’moħħhom li jweġġgħu lil xulxin, iżda li jgħixu ħajja ta’ paċi” bejniethom.

Biex wieħed ikun Kristjan, jeħtieġ ikun ħanin. In-nies ħanina ma jiġġudikawx; huma juru kompassjoni lejn ħaddieħor, speċjalment lejn dawk anqas iffortunati; huma grazzjużi, twajba, u onorabbli. Dawn l-individwi jittrattaw lil kulħadd b’imħabba u jippruvaw jifhmuhom, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom bħal razza, sess, affiljazzjoni reliġjuża, orjentazzjoni sesswali, status soċjoekonomiku, u differenzi tribali, familjari, jew nazzjonali. L-imħabba Kristjana tieħu preċedenza fuq dan kollu.

Biex wieħed ikun Kristjan, hu jagħżel lil Alla, ikun umli fl-imġieba tiegħu miegħu, jipprova jogħġbu, u jżomm il-patti miegħu. L-individwi li jkunu umli fl-imġiba tagħhom ma’ Alla jiftakru f’dak li Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għamlu għalihom.

Jien qed nagħmel biżżejjed? X’suppost qed nagħmel aktar? L-azzjoni li nieħdu b’risposta għal dawn il-mistoqsijiet hi ċentrali għall-ferħ tagħna f’din il-ħajja u fl-eternitajiet. Is-Salvatur ma jridx li s-salvazzjoni nittrattawha qisha mhi xejn. Anke wara li nkunu għamilna patti sagri, hemm possibbiltà li nistgħu “nitbiegħdu mill-grazzja u minn Alla l-ħaj.” Għalhekk, għandna “niftħu għajnejna u nitolbu dejjem” biex nevitaw li naqgħu “fit-tentazzjoni.”

Iżda fl-istess ħin, Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu ma jriduniex nipparalizzaw ruħna permezz ta’ inċertezza kontinwa tul il-vjaġġ mortali tagħna, u noqogħdu naħsbu jekk għamilniex biżżejjed biex niġu salvati u eżaltati. Żgur li ma jriduniex inħossuna tturmentati bi żbalji li tagħhom diġà ndimna, li nħarsu lejhom bħala ġrieħi li qatt ma jfiequ, jew li ninħakmu minn tant biża’ li jaf nerġgħu naqgħu.

Aħna nistgħu nevalwaw il-progress tagħna stess. Nistgħu nkunu nafu “li t-triq li ninsabu mexjin fiha f’ħajjitna hi skont ir-rieda ta’ Alla” meta nagħmlu dak li hu ġust, inkunu ħanina, u nkunu umli fl-imġieba tagħna ma’ Alla. Aħna nassimilaw il-kwalitajiet ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu fil-karattru tagħna u nħobbu lil xulxin.

Meta tagħmlu dan, intom timxu fit-triq tal-patt u tikkwalifikaw biex “tgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.” Ruħkom timtela bil-glorja ta’ Alla u bid-dawl tal-ħajja ta’ dejjem. Intom timtlew b’ferħ inkomprensibbli. Nixhed li Alla jgħix u li Ġesù hu l-Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, u b’imħabba u b’ferħ qed jestendi l-ħniena tiegħu lilna lkoll. Togħġobkom, hux, din il-ħaġa? F’isem Ġesù Kristu, amen.