2010-2019
Nafu, Inħobbu, u Nikbru
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nafu, Inħobbu, u Nikbru

Jalla aħna lkoll nibdew nifhmu l-parti tagħna f’din il-ħidma kbira tal-ministeru ħalli nkunu nistgħu nsiru aktar bħalu.

Fl-2016 il-Kor tat-Tabernaklu fil-Pjazza tat-Tempju ġie jżur l-Olanda u l-Belġju. U peress li kont involut f’dak l-avveniment mill-aktar eċċitanti, jiena kelli l-opportunità li ngawdi darbtejn il-programm tagħhom.

Wieħed li jdoqq il-gong

Waqt il-kunċert tagħhom jiena bdejt naħseb dwar kemm kienet biċċa xogħol tremenda li kor ta’ dak id-daqs imur minn post għall-ieħor. Moħħi mar fuq il-gong il-kbira li min jaf kemm kien diffiċli u kemm kien jiswa flus biex iġġorrha jekk tqabbilha mal-vjolin, mat-trumbetta, jew ma’ xi strument ieħor li faċilment tista’ ġġorru taħt driegħek. Iżda meta bdejt inħares lejn l-involviment attwali ta’ din il-gong, jiena rrealizzajt li hija kienet ġiet użata biss ftit drabi, filwaqt li strumenti oħra iżgħar minnha kienu involuti kważi l-kunċert kollu. Jien bdejt nirrifletti li mingħajr il-ħoss tal-gong, il-kunċert ma kienx se jkun l-istess u għalhekk kien hemm bżonn ta’ daqsxejn sforz biex din il-gong kbira taqsam l-oċean.

Wieħed li jdoqq il-gong mal-orkestra

Xi kultant nafu nħossuna li aħna, bħall-gong, tajbin biss biex niġu wżati biss f’parti żgħira mill-eżekuzzjoni. Iżda ppermettuli ngħidilkom li l-ħoss tagħkom qiegħed jagħmel id-differenza kollha.

Aħna neħtieġu l-istrumenti kollha. Xi wħud minna nitgħallmu malajr u mmorru tajjeb fl-iskola, filwaqt li oħrajn għandhom talenti artistiċi. Xi wħud jiddisinjaw u jibnu l-affarijiet jew inkella jieħdu ħsieb, jipproteġu, jew jgħallmu lil ħaddieħor. Aħna llkoll meħtieġa biex nagħtu kulur u tifsira lil din id-dinja.

Il-messaġġ tiegħi nixtieq nindirizzah lil dawk fostkom li tħossu li m’għandkom xejn x’tikkontribwixxu jew temmnu li m’intomx importanti jew li m’intom sinifikanti għal ħadd, u lil oħrajn fostkom li tħossu li l-ħajja tagħkom ma tistax tkun aħjar, u lilkom kollha li tinsabu x’imkien bejniethom.

Tinsabu fejn tinsabu fit-triq tal-ħajja, xi wħud minnkom tafu tħossukom tant mgħobbijin li lanqas biss tikkunsidraw li intom tistgħu timxu f’dik it-triq. Nixtieq nistedinkom biex toħorġu ’l barra mid-dlam u tgħaddu għad-dawl. Id-dawl tal-evanġelju jipprovdilkom iż-żelu u l-fejqan jgħinkom tifhmu min intom verament u x’inhu l-għan tagħkom fil-ħajja.

Xi wħud minna ilna ħafna niġru f’toroq ipprojbiti, nippruvaw insibu l-ferħ.

Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba qed jistedinna biex nimxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli u biex nerġgħu lura għandu. Huwa jħobbna b’imħabba perfetta.1

X’ inhi t-triq? It-triq hi li ngħinu lil xulxin nifhmu min verament aħna billi nimministraw lil xulxin.

Għalija, li nimministraw ifisser li neżerċitaw imħabba divina.2 B’dak il-mod noħolqu ambjent li fih kemm dak li jagħti kif ukoll dak li jirċievi jikseb ix-xewqa li jindem. Fi kliem ieħor, aħna nibdlu d-direzzjoni u nersqu aktar viċin tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u nsiru aktar nixbhuh.

Per eżempju, m’hemmx bżonn li kontinwament noqogħdu ngħidu lill-konjuġi tagħna jew lil uliedna kif jeħtieġ li jinbidlu; huma diġà jafu dan. Li jeħtieġ nagħmlu hu li noħolqu ambjent ta’ mħabba ħalli huma jimtlew bil-qawwa li jagħmlu t-tibdil neċessarju f’ħajjithom u jsiru nies aħjar.

F’dan il-mod l-indiema ssir proċess ta’ kuljum li jgħinna nirraffinaw ruħna, li jaf jinkludi wkoll il-ħtieġa li aħna niskużaw ruħna għal xi mġieba mhux xierqa. Jien niftakar u għadni nesperjenza ċerti sitwazzjonijiet fejn jiena qbadt u ġġudikajt malajr jew domt biex nisma’. U fi tmiem il-jum waqt it-talb personali tiegħi jien ħassjet kunsill kollu mħabba mis-smewwiet biex nindem u nsir aħjar milli jien. L-ambjent kollu mħabba li ġie maħluq l-ewwel mill-ġenituri tiegħi, u minn ħuti, u aktar tard minn marti, wliedi, u sħabi għenni nsir persuna aħjar.

Aħna lkoll nafu fejn nistgħu nitjiebu. M’hemmx għalfejn li noqogħdu ripetutament infakkru lil xulxin, iżda hemm bżonn li nħobbu u nimministraw lil xulxin u hekk kif nagħmlu dan nipprovdu klima li tagħti lok li dak li jkun jinbidel.

F’dan l-istess ambjent aħna qed nitgħallmu min verament aħna u x’se jkun l-irwol tagħna f’dan l-aħħar kapitlu tal-istorja tad-dinja qabel it-Tieni Miġja tas-Salvatur.

Jekk għadkom m’intomx ċerti x’inhu l-irwol tagħkom, nixtieq nistedinkom biex issibu post li fih tistgħu tkunu weħidkom u tistaqsu lill-Missier tas-Smewwiet biex jurikom xi rwol iridkom li jkollkom. It-tweġiba probabbilment tasal gradwalment u mbagħad b’aktar ċarezza meta aħna npoġġu saqajna b’aktar fermezza fit-triq tal-patt u l-ministeru.

Aħna qed nesperjenzaw xi wħud mill-istess diffikultajiet li Joseph Smith ħabbat wiċċu magħhom meta kien “f’nofs gwerra ta’ kliem u konflitt ta’ opinjonijiet.” Kif naqraw fir-rakkont tiegħu, huwa spiss kien jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’għandi nagħmel? Min minnhom qed jgħid il-verità; jew inkella, huma kollha kemm huma ħżiena? Jekk hemm xi waħda minnhom vera, liema waħda hi, u kif nista’ nsir naf dan?”3

Bl-għarfien li huwa sab fl-ittra ta’ Ġakbu, li tiddikjara li “jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu,”4 Joseph eventwalment ddeċieda li ‘jitlob lil Alla.’”5

Inkomplu naqraw li “din kienet l-ewwel darba f’ħajtu li hu pprova jagħmel dan, għaliex f’nofs l-anzjetà tiegħu kollha huwa kien għadu qatt ma pprova jitlob vokalment.”6

U fil-każ tagħna wkoll taf tkun l-ewwel darba li nindirizzaw lill-Ħallieq tagħna b’mod li qatt m’għamilna qabel.

Minħabba l-attentat tiegħu, lil Joseph dehrulu Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, sejħulu b’ismu, u b’riżultat ta’ dan aħna għandna għarfien aktar ċar ta’ min aħna u li verament aħna importanti.

Aħna naqraw ukoll li meta huwa kien għadu daqsxejn ta’ żagħżugħ huwa “ġie ppersegwitat minn dawk li suppost kienu ħbieb tiegħu u li suppost mxew miegħu b’imħabba.”7 U għalhekk aħna nafu nistennew xi ftit oppożizzjoni hekk kif inkunu qed ngħixu ħajja ta’ dixxipli.

Jekk bħalissa intom tħossu li m’intomx kapaċi tkunu parti mill-orkestra u li t-triq tal-indiema taf tidher diffiċli għalikom, jekk jogħġobkom kunu afu li jekk aħna nibqgħu nippersistu, it-tagħbija tagħna tiħfif u jerġa’ jfeġġ id-dawl. Missierna tas-Smewwiet qatt mhu se jitlaqna meta aħna nfittxuh. Aħna nistgħu naqgħu u nerġgħu nqumu, u Huwa jgħinna nfarfru t-trab minn irkupptejna.

Xi wħud minna jinsabu midruba, iżda l-kit tal-ewwel għajnuna tal-Mulej għandu fih faxex kbar biżżejjed li jistgħu jinfaxxaw il-ġrieħi kollha tagħna.

Għalhekk hi sewwasew dik l-imħabba, dik l-imħabba perfetta li nsejħulha wkoll karità jew “l-imħabba safja ta’ Kristu,”8 li hi meħtieġa fi djarna fejn il-ġenituri jimministraw lil uliedhom u l-ulied lill-ġenituri. Permezz ta’ dik l-imħabba, il-qlub jinbidlu u x-xewqat jitwieldu biex nagħmlu r-rieda Tiegħu.

Hija sewwasew dik l-imħabba li hi meħtieġa fil-mod kif għandna nittrattaw lil xulxin bħala wlied Missierna tas-Smewwiet u bħala membri tal-Knisja Tiegħu, u liema mħabba twassalna biex ninkludu l-istrumenti mużikali kollha fl-orkestra tagħna ħalli meta s-Salvatur jerġa’ jiġi aħna nkunu kapaċi ndoqqu b’mod glorjuż flimkien mal-korijiet anġeliċi tas-smewwiet.

Hija sewwasew dik l-imħabba, dak id-dawl li jeħtieġ li jiddi u jdawwal il-madwar tagħna hekk kif aħna ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum. In-nies jinnotaw id-dawl u jersqu lejh. Din hi t-tip ta’ ħidma missjunarja li tressaq lil ħaddieħor lejn “ejja u ara, ejja u għin, u ejja u ibqa’.9 Jekk jogħġobkom, meta nirċievu x-xhieda tagħna dwar din il-ħidma kbira u l-irwol tagħna fiha, ejjew nifirħu flimkien mal-maħbub profeta tagħna Joseph Smith meta qal, “Għaliex jien rajt viżjoni; jiena naf dan, u naf li Alla jaf dan, u ma nistax niċħadha.”10

Jiena nixhed magħkom li jien naf min jien u naf min intom. Aħna wlied Missier tas-Smewwiet li jħobbna. Hu ma bagħatniex hawn biex ma nirnexxux iżda biex nerġgħu lura għandu b’mod glorjuż. Li aħna lkoll nibdew nifhmu l-irwol tagħna f’din il-ħidma kbira tal-ministeru ħalli nkunu nistgħu nsiru aktar nixbhuh meta s-Salvatur jerġa’ jiġi hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. See D. Todd Christofferson, “Tibqgħu Fi Mħabbti,” Liahona, Nov. 2016, 48.

  2. Ara Russell M. Nelson, “Divine Love,” Liahona, Fr. 2003, 12–17.

  3. Joseph Smith—History 1:10.

  4. Ġakbu 1:5; ara wkoll Joseph Smith—History 1:11.

  5. Joseph Smith—History 1:13.

  6. Joseph Smith—History 1:14.

  7. Joseph Smith—History 1:28.

  8. Moroni 7:47.

  9. Dieter F. Uchtdorf, “Il-Ħidma Missjunarja: Aqsmu mal-Oħrajn Dak li Hemm f’Qalbkom,” Liahona, Mejju 2019, 17.

  10. Joseph Smith—History 1:25.