2010-2019
Il-Vjaġġ Ikompli!
Ottubru 2017


Il-Vjaġġ Ikompli!

Il-vjaġġ tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet huwa l-aktar vjaġġ importanti ta’ ħajjitna.

Mija u sebgħin sena ilu, Brigham Young ħares għall-ewwel darba lejn il-Wied ta’ Salt Lake u ddikjara, “Dan huwa sewwasew il-post!”1 Huwa kien jaf li dak kien il-post għaliex urieh dan il-Mulej.

Sas-sena 1869, aktar minn 70,000 Qaddis għamlu vjaġġ simili. Minkejja l-ħafna differenzi fil-lingwa, fil-kultura u fin-nazzjonalità, huma kellhom komuni bejniethom testimonjanza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u xewqa li huma jibnu flimkien Sijon—post ta’ paċi, ferħ u sbuħija bi tħejjija għat-Tieni Miġja tas-Salvatur.

Jane Manning James

Fost l-ewwel qaddisin li waslu ġewwa Utah kien hemm Jane Manning James—it-tifla ta’ skjav liberat, li kkonvertiet għall-Knisja rrestawrata, u li kienet dixxiplu mill-aktar meraviljuża li ħabtet wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi kbar. Bħala mara Qaddisa tal-Aħħar Jiem, Sister James baqgħet fidila sal-mewt tagħha fl-1908.

Hija kitbet: “Sewwasew f’ dan il-mument jien nixtieq ngħid li l-fidi tiegħi fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kif inhu mgħallem mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, għadha b’ saħħtiha llum, anzi, possibbilment aktar b’ saħħitha milli kienet fil-jum li fih ġejt mgħammda. Jiena nħallas id-dieċmi u l-offerti, inżomm il-kelma tal-għerf, immur norqod kmieni u nqum kmieni, u għalkemm dgħajfa, nipprova nkun ta’ eżempju tajjeb għal kulħadd.”2

Sister James, bħal ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem oħra, mhux biss bniet Sijon permezz tad-demm, tal-għaraq u tad-dmugħ tagħha iżda wkoll billi fittxet il-barkiet tal-Mulej billi ppruvat tgħix il-prinċipji tal-evanġelju bl-aħjar mod li setgħet filwaqt li baqgħet iżżomm soda mal-fidi tagħha f’ Ġesù Kristu—l-akbar tabib li jista’ jkollhom dawk kollha li b’ sinċerità jfittxuh.

L-ewwel Qaddisin ma kinux perfetti, iżda huma stabbilixxew is-sisien li fuqhom illum aħna ninsabu nibnu familji u soċjetà li jħobbu u jżommu il-patti, li jiġu rrapportati f’ diversi stejjer tal-aħbarijiet madwar id-dinja minħabba l-impenn tal-membri tagħna lejn Ġesù Kristu u l-isforzi volontarji tagħna biex ngħinu lil dawk li huma kemm viċin kif ukoll ‘il bogħod minna.3

President Eyring, ippermettili nżid mal-apprezzament tiegħek l-apprezzament tiegħi ukoll lejn l-għexieren ta’ eluf ta’ anġli libsin il-flokkijiet sofor li qed iservu ġewwa Texas, il-Messiku u f’ postijiet oħra.

Jiena għandi konvinzjoni kbira li jekk aħna nitilfu r-rabta li aħna għandna ma’ dawk li ġew qabilna, fosthom missirijietna u ommijietna l-pijunieri, aħna nkunu tlifna teżor mill-aktar prezzjuż. Fil-passat jiena tkellimt dwar “Il-Fidi ma’ Kull Pass” u fil-ġejjieni se nkompli nagħmel dan għaliex naf li l-ġenerazzjoni li għadha tiela’ għandha jkollha l-istess tip ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u fl-evanġelju rrestawrat Tiegħu li kellhom il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet.4

Il-missirijiet u l-ommijiet pijunieri tiegħi kienu fost dawk il-pijunieri fidili li ġibdu l-karrijiet tal-idejn, rikbu l-vaguni u mxew lejn Utah. Huma, bħal Sister Jane Manning James, kellhom fidi profonda f’ kull pass li huma kienu qed jagħmlu hekk kif kienu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom.

Id-djarji tagħhom huma mimlija b’ deskrizzjonijiet ta’ mumenti diffiċli, ġuħ u mard kif ukoll b’ testimonjanzi tal-fidi tagħhom f’ Alla u fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

Rikkezzi ftit li xejn kellhom iżda kienu jgawdu minn abbundanza ta’ barkiet mir-relazzjoni ta’ bejn l-aħwa li huma sabu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Kull meta setgħu, huma farrġu lill-immarġinati u bierku lill-morda permezz tas-servizz li kienu jagħtu lil xulxin u permezz tas-saċerdozju ta’ Alla.

L-aħwa nisa ġewwa l-Wied ta’ Cache, f’ Utah, għenu lill-Qaddisin f’ ispirtu li jikkaratterizza s-Soċjetà tal-Għajnuna li “jaħdmu f’ unità biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.”5 Il-bużnanna tiegħi Margaret McNeil Ballard serviet flimkien mar-raġel tagħha, Henry, hekk kif huwa għamel 40 sena jippresedi bħala l-isqof tat-Tieni Qasam ta’ Logan. Margaret għaddiet 30 sena minnhom bħala president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-qasam. Hija laqgħet f’ darhom lill-foqra, lill-morda, lir-romol u l-orfni, u hija anke libbset lill-mejtin bl-ilbies nadif tagħhom tat-tempju.

Għalkemm huwa xieraq u importanti li niftakru l-vjaġġ storiku tal-pijunieri Mormoni tas-seklu 19, jeħtieġ li aħna niftakru li għal kull wieħed u waħda minna “il-vjaġġ fil-ħajja jkompli!” hekk kif aħna nittestjaw il- “fidi ma’ kull pass” tagħna.

Il-membri jinġabru fil-kongregazzjonijiet tagħhom

Il-membri ġodda m’għadhomx aktar jinġabru f’ komunitajiet tal-pijunieri ġewwa l-Punent tal-Istati Uniti. Minflok, il-membri l-ġodda jinġabru fil-kongregazzjonijiet lokali tagħhom, fejn il-Qaddisin iqimu l-Missierna tas-Smewwiet f’ isem Ġesù Kristu. B’ aktar minn 30,000 kongregazzjoni mwaqqfa madwar id-dinja, ilkoll kemm huma jinsabu miġburin fis-Sijon tagħhom. Kif tgħidilna l-iskrittura, “Għaliex dan hu Sijon—dawk ta’ qalbhom safja.”6

Hekk kif aħna nimxu t-triq tal-ħajja, aħna niġu ttestjati biex nuru jekk aħniex lesti “nosservaw dak kollu li kkmandana l-Mulej Alla tagħna.”7

Ħafna minna ninsabu fuq vjaġġ meraviljuż ta’ skopertà—li jwassalna għal sodisfazzjoni personali u illuminazzjoni spiritwali. Xi wħud minna, madankollu, ninsabu fuq vjaġġ li jwassal għan-niket, għad-dnub, għad-diqa ta’ qalb u d-disperazzjoni.

F’ dan il-kuntest, jekk jogħġobkom staqsu lilkom infuskom: X’ inhi d-destinazzjoni finali tagħkom? Il-passi tagħkom fejn qed jeħdukom? U l-vjaġġ tagħkom qiegħed iressaqkom lejn “il-barkiet bla għadd” li wegħidna s-Salvatur?8

Il-vjaġġ tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet huwa l-aktar vjaġġ importanti ta’ ħajjitna, u aħna nkomplu nimxuh kull ġurnata, kull ġimgħa, kull xahar, u kull sena hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna fih u f’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu.

Jeħtieġ noqogħdu attenti fejn qed jeħduna l-passi tagħna fil-ħajja. Jeħtieġ inżommu għajnejna miftuħin u nagħtu kas tal-kunsill li Ġesù ta lid-dixxipli Tiegħu hekk kif Huwa wieġeb dawn il-mistoqsijiet: “Għidilna, dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u ta’ tmiem id-dinja?

“U Ġesù weġibhom, Araw li ħadd ma jqarraq bikom.”9

Illum jiena se nirrepeti ċerti kunsilli li kienu ġew mogħtija qabel mill-mexxejja tal-Knisja.

  • Ħuti, araw li d-duttrina ta’ Kristu żżommuha pura u li qatt ma tiġu mqarrqin minn dawk li jbagħbsu d-duttrina. L-evanġelju tal-Missier u l-Iben ġie rrestawrat permezz ta’ Joseph Smith, il-profeta ta’ din l-aħħar dispensazzjoni.

  • Tisimgħux minn dawk li ma ġewx ordnati u/jew distinti għas-sejħa tagħhom fil-Knisja u li ma ġewx sostnuti mill-membri tal-Knisja.10

  • Oqogħdu attenti minn organizzazzjonijiet, gruppi jew individwi li jiddikjaraw li għandhom xi tweġiba sigrieta għal xi mistoqsijiet duttrinali li jgħidu li l-appostli u l-profeti ta’ żmienna m’għandhomx tweġiba għalihom jew ma jifhmuhomx.

  • Tisimgħux minn dawk li jħajrukom b’ xi skemi ħalli tistgħanew malajr. Il-membri tagħna diġà tilfu ammonti kbar ta’ flus, għalhekk oqogħdu attenti.

F’ xi postijiet, ħafna min-nies tagħna qegħdin iħarsu lil hinn mit-tagħlim żvelat lilna u għall-fejqan u s-sapport huma qed ifittxu għarfien sigriet f ‘ċerti drawwiet li jqumu ħafna flus u mhux ta’ min jafdahom.

Dikjarazzjoni uffiċjali tal-Knisja, li ħarġet sena ilu, tiddikjara: “Aħna nisħqu mal-membri tal-Knisja biex joqogħdu attenti milli jipparteċipaw f’ xi grupp li jwiegħed—bi ħlas—fejqan mirakoluż jew li jiddikjara li għandu metodi speċjali kif jaċċessa l-qawwa tal-fejqan lil hinn minn dawk li ġew ordnati b’ mod xieraq għas-saċerdozju.”11

Il- Manwali tal-Knisja jgħid: “Il-membri m’għandomx jużaw drawwiet mediċi jew li huma relatati mas-saħħa li huma etikament jew legalment dubjużi. Il-mexxejja lokali għandhom jagħtu parir lil dawk il-membri li għaddejjin minn xi problemi ta’ saħħa biex jikkonsultaw ma’ tobba professjonali u kompetenti li huma liċenzjati fil-pajjiż fejn jipprattikaw.”12

Ħuti, kunu għaqlin u iftħu għajnejkom għax drawwiet bħal dawn verament jafu jħajrukom emozzjonalment iżda ultimament jafu jagħmlulkom il-ħsara kemm spiritwali kif ukoll fiżika.

Għall-antenati pijunieri tagħna, kien importanti ħafna li huma jkunu indipendenti u li ma jiddependux fuq ħaddieħor, iżda s-sens ta’ komunità kien daqstant ieħor importanti. Huma kienu jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin jegħlbu l-isfidi fiżiċi u emozzjonali ta’ żmienhom. Għall-irġiel, kien hemm il-kworum tas-saċerdozju u n-nisa kienu jinqdew mis-Soċjetà tal-Għajnuna. L-istess fi żmienna.

Is-Soċjetà tal-Għajnuna u l-kworums tas-saċerdozju jipprovdu għall-benesseri spiritwali u temporali tal-membri tagħna.

Ibqgħu fit-triq tal-evanġelju billi jkollkom il- “fidi ma’ kull pass” ħalli tkunu tistgħu terġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet u tal-Mulej Ġesù Kristu. Il-Mulej huwa s-Salvatur prezzjuż tagħna. Huwa l-Feddej tad-dinja. Għandna nonoraw l-isem sagru Tiegħu u m’għandna qatt nużawh b’ mod ħażin, u għandna dejjem nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kmandamenti Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, Huwa jberikna u jmexxina lura d-dar mingħajr periklu.

Nistieden lil kull min qed jismagħni biex jilqa’ u jħaddan miegħu lil dawk kollha li llum jinsabu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom, irrelevanti fejn jinsabu bħalissa f’ dan il-vjaġġ.

Jekk jogħġobkom ftakru li m’hawn l-ebda messaġġ ikbar li bniedem jista’ jaqsam ma’ ħaddieħor mill-messaġġ tar-Restawrazzjoni, li, lil wieħed li jirċevih u jgħixu, iwiegħdu ferħ u paċi eterni—sewwasew il-ħajja eterna. Ejjew nużaw l-enerġija, il-qawwa u t-testimonjanza tagħna biex nassistu lill-missjunarji tagħna ħalli huma jsibu, jgħallmu u jgħammdu lil ulied Alla ħalli huma wkoll ikunu jista’ jkollom il-qawwa tad-duttrina tal-evanġelju biex tiggwida l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Aħna neħtieġu li nħaddnu lil ulied Alla b’ kompassjoni u għandna neliminaw kull tip ta’ preġudizzji, inkluż ir-razziżmu, is-sessiżmu u n-nazzjonaliżmu. Jalla jingħad fuqna li aħna nies li verament nemmnu li l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu huma għall-ulied kollha ta’ Alla.

Jiena nixhed li “l-vjaġġ ikompli,” u nistedinkom biex tibqgħu mexjin fit-triq tal-evanġelju hekk kif tkomplu mexjin ‘il quddiem billi tilħqu lill-ulied kollha ta’ Alla b’ imħabba u kompassjoni, biex aħna flimkien inkunu nistgħu nkunu ta’ qalb safja u ta’ jdejn nodfa biex nirċievu “l-barkiet bla għadd” li hemm jistennew lil dawk li verament iħobbu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ibnu l-Għażiż, li għal dan jien nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Brigham Young, kif rakkontat minn Wilford Woodruff, f’ The Utah Pioneers (1880), 23.

  2. Awtobijografija ta’ Jane Manning James , ċa. 1902, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake; ara wkoll James Goldberg, “The Autobiography of Jane Manning James,” 11 ta’ Diċ. 2013, history.lds.org.

  3. Ara, per eżempju, Jill DiSanto, “Penn Research Shows That Mormons Are Generous and Active in Helping Others,” Penn News, 17 ta’ Apr. 2012.

  4. Ara M. Russell Ballard, “Faith in Every Footstep,” Ensign, Nov. 1996, 23–25.

  5. “The Purpose of Relief Society,” lds.org/callings/relief-society/purposes; ara wkoll Handbook 2: Administering the Church (2010), 9.1.1.

  6. Doctrine and Covenants 97:21.

  7. Doctrine and Covenants 97:25.

  8. Doctrine and Covenants 97:28.

  9. Mattew 24:3–4.

  10. Ara Doctrine and Covenants 26:2; 28:13; 43:6–7.

  11. Il-kelliem tal-Knisja Eric Hawkins, Sett. 2016.

  12. Handbook 2, 21.3.6.