2025
Għajnuna minn Ġesù Kristu: Il-Għaliex u Kif
Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ April 2025


Messaġġ ta’ Kull Xahar Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, April 2025

Għajnuna minn Ġesù Kristu: Il- Għaliex u l- Kif

Ifhmu għalfejn Ġesù Kristu huwa t-tweġiba u kif Huwa jgħinkom.

Ġesù Kristu

Illustrazzjonijiet minn Dan Burr

“Qisi ma nistax nieqaf niżbalja. Diffiċli tibqa’ tipprova”

“Is-sitwazzjoni tiegħi hija diffiċli. Ma nafx eżatt kif se nibqa’ miexi ’l quddiem.”

“Inkwetat dwar il-futur. Ma nafx jekk għandix dak li jeħtieġ biex nirnexxi.”

“Jiena verament ninsab eżawrit, iżda għad baqa’ x’isir.”

Tistgħu tirrelataw ma’ xi waħda minn dawn il-problemi? Il-President Russell M. Nelson għallem, “Huma x’inhuma l-mistoqsijiet jew il-problemi li għandek, it-tweġiba dejjem tinstab fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu” (“It-Tweġiba Hija Dejjem Ġesù Kristu,” konferenza ġenerali ta’ Apr. 2023 [Liahona, Mejju 2023, 127]).

Faċli tgħid, “Ġesù Kristu huwa t-tweġiba.” Jeħtieġ daqsxejn aktar sforz biex nifhimu għalfejn u kif Hu hu t-tweġiba.

Għalfejn Kristu huwa t-Tweġiba?

Meta Huwa ġarrab is-sagrifiċċju tiegħu tal-espjazzjoni, is-Salvatur għamel tliet ħwejjeġ importanti:

  1. Huwa għeleb il-mewt, u hekk ippermettielna nqumu mill-imwiet.

  2. Huwa ħallas il-prezz għad-dnubiet kollha, u għamilha possibbli għalina li nindmu, nikbru, u nerġgħu lura għand Alla. Dan jgħinna wkoll naħfru lil ħaddieħor meta huma jidinbu, għaliex Kristu ħa dnubietu fuqu nnifsu.

  3. Huwa esperjenza kull uġigħ, tbatija, tentazzjoni, mard, u sofferenza (ara Alma 7:11–13). Dan ifisser li Hu jaf eżattament kif jista’ jgħinkom u jfejjaqkom u jista’ jqawwikom biex tibqgħu tirreżistu l-isfidi u tagħmlu li tistgħu biex issiru aħjar.

Agħżlu kwalunkwe problema, u tistgħu taraw konnessjoni bejn is-soluzzjoni u waħda jew aktar minn dawk it-tliet veritajiet.

Faqar? Peress li Ġesù Kristu esperjenza kollox, Huwa jaf eżattament x’inhu. Huwa mhux dejjem ineħħi l-ostaklu, iżda Huwa jista’ jsaħħaħ lin-nies li jġorru dik it-tagħbija (ara Mosija 24:15).

Nuqqas? Peress li Kristu għeleb id-dnub, il-fallimenti tagħna m’għandhomx għalfejn ikunu permanenti. L-indiema tinkludi li nitjiebu u nsiru aktar il-persuna li Hu jaf li nistgħu nkunu.

Mard? Peress li Huwa għeleb il-mewt, aħna se nqumu mill-imwiet b’ġisem perfett immuni għall-mard u l-uġigħ. Kristu wkoll “ħa fuqu … mard” (Alma 7:11), li jagħmilha l-persuna perfetta biex toffri l-faraġ u s-sapport.

Kristu Kif Jgħin?

Iżda anke meta nkunu nafu għalfejn is-Salvatur huwa t-tweġiba (minħabba dak li Hu u dak li Huwa għamel għalina), xorta waħda jeħtieġ li nkunu nafu kif aħna niksbu l-għajnuna u l-qawwa mingħandu. Dawn huma xi ftit ideat:

It-Talb. Jekk nitolbu f’isem Ġesù Kristu, nies imperfetti bħalna jistgħu jitkellmu ma’ Alla perfett. Aħna nistgħu nitolbu għall-qawwa li neħtieġu fi kwalunkwe sitwazzjoni, u Alla jwieġeb—mhux dejjem bil-mod li nixtiequ jew nistennew, iżda b’mod li jberikna. L-istedina tas-Salvatur hija reali: “Itolbu u tirċievu” (Ġwanni 16:24; 3 Nefi 27:29; Duttrina u Patti 4:7).

Id-Don tal-Ispirtu s-Santu. Alla l-Missier, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma unifikati bi skop. Huma jaħdmu flimkien! Kull darba li tħossu fikom il-gwida jew il-faraġ mingħand l-Ispirtu s-Santu, intom tistgħu tifhmu lil Kristu jgħinkom ukoll.

Inħarsu l-Patti. Il-Presbiteru Dale G. Renlund tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għallem: “It-terminu triq tal-patt jirreferi għal serje ta’ patti li permezz tagħhom aħna nersqu lejn Kristu u nikkonnettjaw ruħna miegħu. Permezz ta’ din ir-rabta tal-patt, aħna għandna aċċess għall-qawwa eterna tiegħu” (konferenza ġenerali ta’ Apr. 2023 [Liahona, Mejju 2023, 36]).

Grazzja. Meta aħna neżerċitaw il-fidi f’Ġesù Kristu u nindmu, aħna nistgħu nirċievu aktar għajnuna u qawwa (imsejħa wkoll grazzja) biex inwettqu ħwejjeġ li ma nkunux kapaċi nwettqu weħidna (ara Guide to the Scriptures, “Grace”). Din il-qawwa, jew din il-grazzja, nistgħu niksbuha b’diversi modi: mill-Ispirtu s-Santu, xi ħabib, xi ħadd barrani, sentiment. Bażikament, kull ħaġa tajba ġejja minn Kristu (ara Moroni 7:22). Meta ssibu ftit aktar paċenzja, ftit aktar enerġija, qawwa xi ftit akbar biex tibqgħu sodi, agħrfu dan bħala Kristu li qed jgħinkom.

Ftakru Għaliex u Kif

Għalhekk id-darba li jmiss li intom tkunu teħtieġu tweġiba għal xi mistoqsija jew problema, ħarsu lejn Kristu. Ftakru li minħabba r-rebħa tiegħu fuq id-dnub, il-mewt, u l-isfidi mortali l-oħra kollha, xejn mhu impossibbli. Fittxu kif Jista’ jberikkom, u intom taraw l-influwenza tiegħu f’ħajjitkom. Huwa jħobbkom mill-fond!